Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-limited liability companies li għandhom investiment tal-gvern? X'inhu kull investiment f'kull kumpannija u kemm timpjega persuni?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid meta daħal is-servizz tal-helicopter bejn Malta u Għawdex? X'kienu r-raġunijiet li wasslu għan dan is-servizz bl-ajru? Jista' jgħid kemm kien il-qliegħ jew it-telf għal kull sena, sena b'sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li s-servizz bil-helicopter bejn Malta u Għawdex beda f'Lulju tal-1990 u kien jopera biss matul x-xhur ta' Lulju, Awwissu u Settembru. Ir-riżultati finanzjarji għas-snin 1990/1 sa 1992/3 kienu amalgamati ma' dawk ta' l-Air Malta.
Ta' min jgħid li l-kumpannija li kienet topera dan is-servizz għamlet telf totali, ta' Lm1,482,138 kif ġej:
1993/4 Lm(22,410)
1994/5 Lm5143
1995/6 Lm(25,280)
1996/7 Lm(106,583)
1997/8 Lm(183,044)
1998/9 Lm(184,855)
1990/0 Lm(234,242)
2000/1 Lm(160,426)
2001/2 Lm(173,137) - sittax-il xahar
2002/3 Lm(195,985)
2003/4 Lm(201,319)
Figuri fil-parentesi jfissru telf.
Jista' il-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 8173 u cioe' jagħti informazzjoni dwar kemm kien hemm impjegati, maqsuma skond il-grad (inkluż it-top management) fil-Freeport sena b'sena sa mit-twaqqif?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jinvestiga żbroff kbir li hemm f'Pembroke biswit il-ground tal-football ta' Pembroke li ġieli nġabar f'għadira? Jista' jissewwa mill-iktar fis, la huwa ta' ħsara kbira għat-tfal u nies oħra, u anke fl-isfond li hemm lukanda ewlenija?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li ma jirriżultax li kien hemm xi żbroff ta' drenaġġ fil-ġimgħat li għaddew fl-inħawi indikati.
Madankollu jekk l-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku dwar dan l-iżbroff, dan l-ilment ikun jista' jiġi nvestigat aħjar.
Ta' min jgħid li bħalissa jekk ikun hemm qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku jista' jseħħ xi żbroff mill-overflow tal-pumping station li hemm f'din iż-żona. Din dalwaqt ser tinbidel b'pumping station ġdida fil-viċinanzi ta' dik eżistenti. Il-pumping station il-ġdida ser tkun mgħammra b'apparat ġdid, inkluż generator biex kemm jista' jkun jiġi evitat żbroff ta' drenaġġ meta tinqata' l-provvista ta' l-elettriku.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8359, peress li dik l-istess mistoqsija titratta dwar il-ħaddiema tal-heliport u peress li huwa inġust u inuman li dawn in-nies jitħallew fil-għama, ma jaħsibx il-Ministru li dawn il-ħaddiema għandhom kull dritt li jkunu jafu x'se jiġri minnhom mill-iktar fis?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-ħaddiema li kienu jaħdmu mal-Malta Air Charter huma mpjegati tal-Gvern u ta' l-Air Malta. Il-ħames impjegati li kienu 'on loan' mal-Malta Air Charter irritornaw lura lejn l-Air Malta nhar it-Tnejn l-1 ta' Novembru 2004 fil-waqt li l-impjegati tal-Gvern għandhom jirritornaw lura fejn kienu qabel.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex il-fossa tal-Baħrija ma tibqax tfur? Meta mistenni li s-sistema tad-drenaġġ fil-Baħrija tiġi mibdula ħalli tispiċċa din il-fossa?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma nkarigat kuntrattur privat illi huwa obbligat li jbattal il-fossa tal-Baħrija kuljum inkluż fil-festi pubbliċi u l-Ħdud. Qed jiġu studjati diversi alternattivi biex tinbidel is-sistema tad-drenaġġ fil-Baħrija u jispiċċa li bżonn ta' fossa komuni.
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi ukoll għat-tweġiba li tajt għall-mistoqijsa parlamentari numru 4416.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fil-cafeteria tal-Gozo Channel? Jista' jagħti l-grad tagħhom u jgħid kemm għandhom paga?
Response (GATT, AUSTIN)
J iena nfurmat li bħalissa hemm allokati għaxar impjegati (10) li jaħdmu fil-kafetterija.Dawn huma kollha fil-grad ta' "CSO's".
Il-paga tagħhom tvarja bejn Lm89.04 u Lm114.02 fil-ġimgħa.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8566 u cioe' jista' jgħid kif se jsiru n-negozjati biex il-gvern jiddisponi mill-proprjetajiet fil-qasam tal-lukandi li għandha l-Air Malta? Kif se jiġu identifikati x-xerrejja prospettivi? Minn min se jsiru n-negozjati għan-naħa tal-gvern mill-MIMCOL?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Air Malta ser tbiegħ l-ishma kollha tagħha fit-tlett kumpanniji tagħha li għandhom x'jaqsmu ma' lukandi. Dan ser isir permezz ta' sejħiet għall-offerti li mistennija jinħarġu sa l-ewwel nofs tal-2005. Il-MIMCOL qiegħdha tgħin fix-xogħol preparatorju fuq is-sejħiet għall-offerti (RFPs).
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilhom jinbiegħu d-diski tal-parkeġġ minn fuq il-vapuri tal-Gozo Channel u kemm sar qligħ minn dan il-bejgħ s'issa?
Response (GATT, AUSTIN)
Id-diski tal-parkeġġ jinbiegħu minn fuq il-vapur bħalma jinbiegħu mill-Kunsilli Lokali u postijiet oħrajn, għall-prezz ta' 25c. Jeżisti arranġament bejn l-Awtorita tat-Trasport u l-Gozo Channel, bħalma jeżisti ma postijiet oħrajn, fejn id-diski jinbiegħu bi prezz fiss imma minn ibiegħhom iżomm profit żgħir minn dak l-ammont biex ikopri l-ispejjes amministrattivi.
Il-Gozo Channel ilha tbiegħ dawn id-diski mis-26 ta' Settembru 2004, biegħat 72 diska u qalgħet is-somma (profitt) ta' LM5.49 matul l-perjodu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-ħaddiema tal-Gozo Channel li ġew re-posted u jgħid kif sar dan ir-re-shuffle għal kull post?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li s'issa kien hemm tmintax-il impjegat (18) tal-Kumpannija li ġew re-posted. Ta' min isemmi li f'kull każ, ma kienx hemm tnaqqis mil-paga ta' l-impjegat, u kollha żammew is-"seniority" tagħhom. Iċ-ċaqliq nterni kienu dawn:-
1. Il-CSO's inbidlilhom ir-rwol tagħhom, u issa qed iservu direttament il-klijenti. F'dan il-kaz, ġew effetwati ħdax (11).
2. Il-Motormen li ġew trasferiti, jiġifieri sebgħa (7), imlew postijiet vakanti li kien hemm, u saret skond ix-xewqa ta' l-impjegat. Dawn ġew ri-allokati - tlieta (3) ġewwa l-Workshop, tnejn (2) għall-Cafeteria Stores, wieħed bħala baħri u ieħor bħala Terminal Assistant.
Jista' il-Ministru jekk jogħġbu jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu minn April 2003 sal-lum? Jista' wkoll jindika kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jikkonferma l-Ministru li hemm ilmenti li l-biljetti ta’ l-ajru maqtugħa għal titjiriet ta’ l-Air Malta huma ogħla minn dawk ta' kumpanniji oħra ta’ l-ajru? Jikkonferma li biljett ma’ l-Air Malta dirett minn Malta għal Dusseldorf fil-Ġermanja jiswa madwar Euro150 aktar minn biljett għall-istess destinazzjoni iżda via Ruma l-ewwel b'titjira ta’ l-Air Malta u minn Ruma bl-Alitalia? Għaliex?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-"pricing" tal-biljetti tal-ajru hi kwistjoni purament kummerċjali u ma jidhirlix li għandi nidħol fiha.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi dipartiment taħt id-dekasteru tiegħu li għamel stallazzjoni jew ħaseb għal sorsi ta' enerġija differenti, bħal solar panels, solar heaters, battery operated cars, eċċ. f'dawn l-aħħar snin? Kemm kien ilaħħaq dan l-investiment?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan id-dekasteru m'għandu ebda dipartiment tal-Gvern.
Jista' il-Ministru jordna li jiġi nvestigat il-każ tad-drenaġġ li qiegħed jinstadd b'mod regolari fi flat li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-problema hija riżultat ta' ħsara fil-konnezzjoni privata. Għalhekk il-ħsara trid tissewwa mis-sid.
Jista' il-Ministru jikkonferma li l-ġbir ta' l-arretrati tal-Korporazzjoni Enemalta/WSC u l-Enemalta call centre se jibda jsir minn uffiċini fil-bini ta' l-MOBC, il-Marsa? Jikkonferma li l-uffiċini se jinkrew Lm600 fix-xahar? X'inhu l-arranġament bankarju li sar mal-Bank of Valletta dwar il-ħlas ta' dawn il-kontijiet pendenti? Hu minnu li overdue accounts se jiġu charged 1% fix-xahar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8577, jista' il-Ministru jagħti tweġiba bid-differenza li l-każ seħħ fost il-ħaddiema ta' l-Air Malta u mhux ta' l-MIA?
Response (GATT, AUSTIN)
Airport Handlers huwa grad gdid. Ix-xogħol tagħhom m'huwiex l-istess bħal tal-loaders/drivers u anke hemm iktar flessibilita fid-doveri tagħhom.
Tajjeb ngħid ukoll illi l-kuntratt relattiv ġie ffirmat fil-15 ta' Jannar ta' din is-sena u ma narax kif dak li kien aċċettabli f'Jannar sar inaċċettabli għaxar xhur wara.
Jista' il-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa ħalli d-dipartiment tad-drenaġġ isolvi darba għal dejjem il-problema li r-residenti ta' Triq il-Brunżar f'Santa Venera ilhom isofru minnha mis-snin '70 li ma' kull ħalba xita wħud minnhom, u cioe' dawk bejn Triq il-Panacia u Triq in-Nagħal, jispiċċaw bid-drenaġġ ifur fi djarhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li d-djar tar-residenti fi Triq Antonio Miruzzi, Santa Venera jiġu mqabbda mas-sistema tal-drenaġġ peress li dawn għadhom jisservew bil-fossa? Japprezza li d-dewmien tat-twettiq ta' dan ix-xogħol qed iżomm lill-kuntrattur li ngħata l-kuntratt mid-direttorat tat-toroq għall-bini ta' din it-triq milli jibda x-xogħol tiegħu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.