Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – investigazzjoni ta’ każijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29063, tista’ l-Ministru tgħid meta nfetħu dawn l-investigazzjonijiet mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u liema swieq dawn jikkonċernaw?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata bis-segwenti: Numru u sena li fiha bdiet l-investigazzjoni pendenti Suq Waħda fl-2009 (pendenti quddiem il-Qorti tal-Magistrati (Kriminali) - proċeduri skont il-liġi fis-seħħ qabel l-emendi tal-2011 u applikabbli skont dispożizzjonijiet transitorji). Nuqqas ta’ osservanza da parti tal-kummerċjant tad-deċiżjoni tat-Tribunal għal Talbiet ta’ Konsumaturi Tlieta fl-2010 (waħda pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Kriminali)) u żewġ referenzi kostituzzjonali mill-Qorti tal-Maġistrati (Kriminali) - proċeduri skont il-liġi fis-seħħ qabel l-emendi tal-2011 u applikabbli skont dispożizzjonijiet transitorji). Nuqqas ta’ osservanza da parti tal-kummerċjant tad-deċiżjoni tat-Tribunal għal Talbiet ta’ Konsumaturi Waħda fl-2011 (pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali - proċeduri skont il-liġi fis-seħħ qabel l-emendi tal-2011 u applikabbli skont dispożizzjonijiet transitorji). Nuqqas ta’ osservanza da parti tal-kummerċjant tad-deċiżjoni tat-Tribunal għal Talbiet ta’ Konsumaturi Waħda fl-2014 (pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Kriminali)) Prezzijiet mhux indikati Tnejn fl-2015 (Proċeduri amministrattivi) Telekommunikazzjonijiet

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – investigazzjoni dwar ix-xandir ta’ sports

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29060 tista’ l-Ministru tgħid jekk min ressaq l-ilment ġiex infurmat bid-deċiżjoni meħuda mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni li l-każ tax-xandir tal-isports, partikolarment dak tal-football, li ċ-ċirkustanzi tal-każ inbidlu u m’għadux rilevanti skont kif intqal fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28527? Jekk dan sar, tista’ tgħid meta sar dan?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li nagħtat għall-mistoqsija parlamentari 28891.

Bord tal-Gvernaturi tal-MCCAA — laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba u meta, iltaqa’ l-Bord ta’ Gvernaturi tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aġenda u l-minuti ta’ kull laqgħa?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MCCAA — Laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba, minn mindu twaqqfet l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) sal–ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ntalab jagħmel investigazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea għal xi allegat ksur tal-artikoli 101 u 102 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ma rċieva l-ebda talba.

MCCAA – Kumitat ta’ Kordinazzjoni — laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba ltaqa’ l-Kumitat ta’ Kordinazzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ telenka meta saru dawn il-laqgħat u tpoġġi fuq il-Mejda kopja tal-aġenda ta’ kull laqgħa?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – deċiżjonijiet dwar konċentrazzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti n-numru ta’ deċiżjonjiet li ħareġ l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni dwar konċentrazzjonijiet minn Mejju tal-2011 sal-aħħar tal-2016 sena b’sena?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li n-numri ta’ decizjonijiet kienu kif jidhru hawn taħt. 2011 5 2012 2 2013 3 2014 7 2015 7 2016 8

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni — ħidma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet il-ħidma li saret mill-Uffiċċju għal-Kompetizzjoni fis-sena 2016 ?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fis-sena 2016, fost il-ħidma tal-Uffiċju għall-Kompetizzjoni insibu: · Il-ħruġ ta’ żewġ deċiżjonijiet, waħda dwar ksur fis-settur tal-bejgħ tad-diesel lill-pompi tal- petrol , u oħra fir-rigward tat-tariffi tat-trasport tal-istudenti lejn l-iskejjel tal-Knisja; · Inħarġu tmien deċiżjonijiet rigward konċentrazzjonijiet fejn kumpaniji ingħaqdu jew fejn kumpanija xtrat kumpanija oħra; · Rapport fuq talba mill-Qorti skont l-artikolu 27 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, dwar il-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni mqajma quddiema; · L-organizzazzjoni ta’ konferenza hawn Malta bl-għajnuna tal-UNCTAD u l-Awtorita għall-Kompetizzjoni tal-Awstrija bit-titolu ‘Euro Mediterranean Competition Forum’; · Abbozzar ta’ regolamenti li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni li għandhom jiġu fis-seħħ aktar tard din is-sena; · Ħruġ ta’ komunikazzjoni rigward commitments offruti mill- intrapriżi investigati fis-settur tal-uniformijiet sabiex jindirizzaw it-tħassib identifikat mill- Uffiċċju rigward nuqqas ta’ kompetizzjoni; · Ħruġ ta’ statement of objections rigward possibbilta ta’ miżuri interim fis-settur tad-divertiment; · Laqgħat mal-banek u solveljar sabiex isir magħruf kif dawn jattwaw ir-rakkomandazzjonijiet proposti fir-rapport tal-inkjesta settorjali dwar ir-rati ta’ l-imgħax li joffru l-Banek fuq self għall-intrapriżi żgħar u medji; · Intervjena waqt is-sezzjoni li kienet qed tiddiskuti l-irwol tal-istudji tas-swieq bħala għodda biex tippromwovi l-kompetizzjoni fil-laqgħa annwali tal-OECD Global Forum on Competition fejn ġie ppreżentat ir-rapport tal-inkjesta settorjali. · Ippreżenta r-rapport annwali tal-Uffiċċju fl-OECD għat-tieni sena konsekuttiva minn meta twaqqfet l-Awtorita`. · Id-difiża ta’ każijiet quddiem it-Tribunal tal-Appell tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur u quddiem Qrati oħra.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur — ilmenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm irċieva ilmenti l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur matul is-sena 2016? Kemm minn dawn l-ilmenti ġew solvuti? X’kien l-ammont ta’ kumpens li ħadu l-konsumaturi wara l-intervent tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li matul is-sena 2016, l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur irreġistra 1205 ilment fejn f’612 minnhom intlaħaq ftehim amikevoli. 190 ġew irtirati minn naħa tal-konsumatur jew ma kinux ilmenti ġustifikati. Il-kumplament ġew mgħoddija lil entitajiet oħra filwaqt li kien hemm 354 każ li għaddew quddiem it-Tribunal. Il-kumplament kienu għadhom pendenti sal-aħħar tas-sena. L-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, bħala l-NEB ( National Enforcement Body ) għar-Regolament (KE) nru 261/2004 fuq kanċellazzjoni jew dewmien ta’ titjiriet; laqa’ wkoll 154 ilment f’isem 280 konsumatur. Minn dawn l-ilmenti, ġew solvuti 88. L-ammont ta’ kumpens li ħadu l-228 konsumatur wara l-intervent ta’ dan l-Uffiċċju kien ta’ €75,913.10. Barra minn hekk, 9 ilmenti ġew riferuti liċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumatur, 14 ġew trasferiti lill-NEBs barranin u 19 ġew irtirati mill-konsumaturi nfushom. It-talba ta’ 2 ilmenti minnhom ma ġietx milqugħa u ilment ieħor ma kellux bażi biex tkun tista’ titteħidlu azzjoni. Fl-aħħar tas-sena kien baqa’ 21 ilment pendenti.

Uffiċċju tal-Konsumatur – każ ta’ kumpanija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien is-sehem tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur sabiex il-konsumaturi jiġu kkumpensati fil-każ tal-kumpanija li l-isem tagħha qed jingħata separatament?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur kien mill-bidu nett offra s-servizz tiegħu u għen lill-konsumaturi effetwati f’dan il-każ. Inizjalment, l-Uffiċċju kien ġabar l-ilmenti kollha u sar ukoll eżerċizzju fejn kull konsumatur kien avviċinat biex jiġu kkonfermati l-ammonti nvoluti u jekk kienx hemm każijiet fejn xi ammonti setgħu kienu ġew rifondati minn banek jew kumpaniji oħra. Kull irċevuta jew dokumenti oħra ġew miġbura f’database kreata għal dan il-każ.

MEUSAC – Informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fl-isfond tar-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit, xi pjanijiet għandu l-Gvern biex jissaħħaħ il-MEUSAC ħalli ċ-ċittadini Maltin ikunu iktar infurmati dwar l-Unjoni Ewropea u kif din taffettwa l-ħajja tagħhom ta’ kuljum?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor. Interpellant li kif ħabbarna fil-baġit għal din is-sena dan il-Ministeru ser ikun qed jimplimenta riforma wkoll fil-Meusac u li qed tissejjaħ “relaunch”. Għaddejjin id-diskussjonijiet interni fil-preżent u jitħabbar aktar ‘l quddiem id-dettalji ta’ din ir-riforma biex iċ-ċittadini ta’ pajjiżna jkollhom aktar viżjoni,informazzjoni u parteċipazzjoni f’dak li qed jiġri fl-Unjoni Ewropeja.”

Ħaddiema fis-settur pubbliku – ftehim kollettiv

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se jiġi ffirmat il-ftehim kollettiv il-ġdid għall-ħaddiema fis-settur pubbliku li skada f'Diċembru 2016? Tista’ tgħid jekk dan il-ftehim kollettiv hux se jindirizza l-problema ta' pagi baxxi li qed jaffaċċjaw ħaddiema li qegħdin fi skali 15, 16, 17, 18, 19, u 20 li bejn wieħed u ieħor, pereżempju persuna li qiegħda bħala skrivana fi grad 16 qed tispiċċa b'paga ta' madwar €900 nett fix-xahar meta wieħed jaqta' l-bolla u taxxa, u skirvani fi gradi inqas qed jispiċċa b'madwar €800 fix-xahar biss, u ma jistgħux ilaħħqu mal-ispejjeż ta' kuljum?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob l-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

MCA u MCCAA – laqgħat – kwistjonijiet fuq internet providers

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 29146 u 26738 rigward diskussjonijiet mal-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni (MCA) u l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), tista’ l-Ministru tgħid meta saru l-laqgħat mal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur rigward kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ internet providers u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħat li saru?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f'xi seduta ohra.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur – kwistjonijiet relatati mal-Att dwar il-Kompetizzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29143, tista’ l-Ministru tindika liema liġi tipprojbixxi l-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur li jiddiskuti kwistjonijiet li huma relatati mal-Att dwar il-Kompetizzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor. Interpellant li fit-tweġiba 29143 il-mistoqsija kienet dwar investigazzjonijiet li kienu qed isiru mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni. It-tweġiba li ngħatat kienet qed tindika li l-Kunsill ma jidħolx fuq kwistjonijiet li jkunu qed jiġu investigati mill-Ufficcju tal-Kompetizzjoni. Dan għal fatt li tali ndħil jista’ jippreġudika dawn l-investigazzjonijiet.

Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur – ġurisdizzjoni — żieda

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29068, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitneħħa l-kumpens li jista’ jitlob konsumatur f’każ ta’ danni morali? F’każ li dan mhux se jseħħ, tista’ tgħid jekk dan hux se jiżdied?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda ħsieb li jitneħħa l-imsemmi kumpens. F’dan l-istadju m’hemmx il-ħsieb li jiżdied l-ammont.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur – Infiq

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29140, tista’ l-Ministru tgħid x’kienu r-raġunijiet li sar l-ivjaġġar, x’kariga kienet tokkupa l-persuna li vvjaġat u tista’ tindika d-data tat-tluq u d-data tar-ritorn minn u lejn Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Ir-raġuni tal-ivvjaġar kien il-Consumer Summit fl-ewwel u t-tnejn ta’ Ġunju 2015. Għaldaqstant Iċ-Ċhairperson tal-Kunsill għall-affarijiet tal-Konsumatur telaq lejn Brussels fi 30 ta’ Mejju filgħaxija u ġie lura Malta fi 2 ta’ Ġunju.

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur — laqgħat mal-Awtorità li tirregola s-suq tal-Enerġija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa saru bejn l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità li tirregola s-suq tal-enerġija minn Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ma kien hemm ebda laqgħa.

Laqgħat bejn l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29064, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa saret bejn l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni minn Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk dawn saru, tista’ tgħid meta dawn saru?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-mistoqsija parlamentari 29064 kienet rigward laqgħat dwar ilmenti tal-konsumaturi mal-Awtorita’ ta’ Malta għall-Komunikazzjoni. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-istess laqgħat, jiġifieri laqgħat dwar ilmenti tal-konsumaturi, nirreferih għall-istess tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29064.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — Segretarjat Privat – Safar

Question

Tista’ l-Ministru tindika, għal kull membru tas-Segretarjat tagħha, l-ispejjeż ta’ vvjaġġar, id-destinazzjonijiet u r-raġunijiet għal tali vvjaġġar mill-2014 ‘l hawn?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ir-rapport Sector inquiry on interest rates charged on loans to small and medium sized enterprises in Malta — rakkomandazzjonijiet

Question

Wara li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ħareġ ir-rapport intitolat Sector inquiry on interest rates charged on loans to small and medium sized enterprises in Malta f’Lulju 2015 tista’ l-Ministru telenka dawk ir-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapport li qed jiġu segwiti mill-banek? Tista’ l-Ministru tindika wkoll dawk ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija fir-rapport li mhux qed jiġu segwiti?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Uffiċċju li jirrigwardaw lill-banek kienu: · Li għandhom jigu provduti kwotazzjonijiet fuq self lil SMEs mingħajr ebda ħlas · Aktar informazzjoni lil SMEs bl-introduzzjoni ta’ loan calculator fuq il-websajt · Aktar informazzjoni lil SMEs billi jkun hemm eżempju tipiku ta’ self u spejjeż involuti · Aktar informazzjoni lil SMEs bl-introduzzjoni ta' frequently asked questions · Li l-informazzjoni dwar self tigi provduta wkoll bil-Malti · Li għandhom jipprovdu lista tal-ispejjeż kollha li l-SMEs jistgħu jeħlu Ir-rakkomandazzjonijiet ġew implimentati għalkemm mhux kull bank implimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha.