Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' klandestini li applikaw għal status ta' refuġjat fis-snin 2004 u 2005 u kemm minnhom ġew milqugħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li waslu Malta fuq dgħajjes u li applikaw għal status ta' refuġjat u ngħataw protezzjoni fis-snin 2004 u 2005 hu kif ġej:
2004
Applikazzjonijiet - 859
Rikonoxxuti bħala refuġjati - 8
Ingħataw protezzjoni umanitarja - 548
2005
Applikazzjonijiet - 1,060
Rikonoxxuti bħala refuġjati - 7
Ingħataw protezzjoni umanitarja - 481
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija hux qed tinvestiga l-ilmenti tar-residenti ta' Taż-Żwejt Road, San Ġwann li spiss qed isiru abbużi kemm sesswali kif ukol ta' teħid tad-droga qirb is-siġra kbira tal-ħarrub li hemm faċċata ta' dawn ir-residenzi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li l-Pulizija kellha xi rapporti kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi minn tfittxijiet li għamlet il-Pulizija fl-għelieqi indikati in segwitu għal din il-Mistoqsija, ma nstab xejn li jindika li kien qed isir xi abbuż mid-droga jew atti sesswali. Minkejja dan kollu, ninsab infurmat illi l-Pulizija ser tagħmel aktar sorveljanza f'dan il-post.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji ta' kemm biċċiet mill-art tal-Gżira Maltija għaddiet fil-poter ta' individwi b'pussess fuq tul ta' żmien mingħajr it-titolu rikjest bil-liġi? Kien hemm kawżi fil-qrati fejn il-qorti ordnat ir-ritorn ta' art meħuda minn individwi, okkupata għal żmien twil b'pussess lill-gvern? Kif tiġi reġistrata tali proprjeta' fir-reġistru pubbliku f'tali każi u kif jiġbor it-taxxa dovuta lill-errarju taħt il-provvediment ta' Kap 364 dwar taxxa fuq dokumenti u trasferimenti l-kummissarju tat-taxxi interni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minkejja li fir-Reġistru ta' l-Artijiet jiġu reġistrati, fost affarijiet oħra, artijiet li ġew akkwistati bi preskrizzjoni, ma huwiex possibli għal dan id-Dipartiment li joħroġ statistika permezz tat-titolu ta' akkwist (bħal ma hi l-preskrizzjoni). Wieħed irid iżomm f'moħħu li r-Reġistru huwa bbażat fuq sistema ta' GIS u l-mod prinċipali ta' kif wieħed jista' jagħmel riċerka hija billi wieħed jissottometti 'site plan' fit-termini ta' l-Avviż Legali Numru 43/94 fejn jiġi ndikat il-lok eżatt li dwaru qed tintalab l-informazzjoni. Wieħed jista' wkoll jirreferi għal xi Applikazzjoni speċifika tar-Reġistru ta' l-Artijiet jew għal ċertifikat ta' titolu speċifiku.
L-imsemmi Reġistru ma jżommx informazzjoni dwar jekk kienx hemm kawżi fil-Qrati fejn il-Qorti ordnat ir-ritorn ta' art meħuda minn individwi okkupata għal żmien twil b'pussess lill-Gvern.
Il-proprjeta' imsemmija fl-ewwel paragrafu t'hawn fuq tista' tiġi reġistrata fir-Reġistru Pubbliku billi l-individwu jagħmel dikjarazzjoni ġuramentata skond il-liġi u jieħu kopja tagħha għand Nutar Pubbliku sabiex dana jittransuntaha fl-atti tiegħu u mbagħad jinsinwa l-att fis-Sezzjoni tal-Preżentata tar-Reġistru Pubbliku. Wieħed irid jgħid madanakollu illi l-liġi ma tobbligax lill-individwu biex jagħmel l-imsemmija dikjarazzjoni u lanqas ma tobbligah imur quddiem Nutar sabiex dan jinsinwa t-transunt ta' tali dikjarazzjoni.
Is-sentenzi msemmija fit-tieni paragrafu hawn fuq jistgħu ukoll jiġu insinwati minn Avukat, Nutar jew Prokuratur Legali fis-Sezzjoni tal-Preżentata tar-Reġistru Pubbliku u dana skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.
Ir-Reġistru ta' l-Artijiet ma jżommx informazzjoni dwar kif jiġbor it-taxxa dovuta skond Kap. 364 dwar taxxa fuq dokumenti u trasferimenti l-kummissarju tat-taxxi nterni u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-parti tal-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Infurmat ukoll illi fid-Diviżjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja ma jinżammux records ta' kemm kawżi ġew deċiżi fejn il-Qorti ordnat ir-ritorn ta' art meħuda minn individwi okkupata għal żmien twil b'pussess lill-Gvern.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li Triq Chester u Gadrija f'Albert Town il-Marsa jiġu mnaddfa?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalita’ legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li tittieħed azzjoni ħalli ma jsirx aktar ipparkjar ta' karozzi fuq bankina bit-taraġ taż-żonqor li hemm fil-Belt bħal Triq Santa Luċia, peress li dawn il-vetturi qegħdin jikkawżaw ħsarat kbar?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalita’ legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx talba biex jinbidlu xi computers fl-għassa tal-pulizija taż-Żejtun? Billi jien informat li hemm computers pentium 1 li huma slow u printers antiki, possibbli jittieħdu passi biex jinxtraw computers u printers ġodda biex l-uffiċjali nkarigati jkollhom biex jaħdmu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-ġranet li ġejjin il-Korp tal-Pulizija ser jissuplixxi kompjuters ġodda lill-Ispetturi fid-Distretti, fl-uffiċini Distrettwali u f'diversi Taqsimiet oħra. It-tqassim ta' dawn il-kompjuters jagħmlu parti minn strateġija rigward l-użu ta' informatika fil-Korp tal-Pulizija. Dawn il-kompjuters ser jintużaw ukoll bħala parti minn proġett bi preparazzjoni għas-sħubija fix-Schengen.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir air conditioning fl-għassa tal-pulizija taż-Żejtun? Hemm ħsieb li dan isir qabel is-sajf li ġej minħabba s-sħana esaġerata li jkun hemm?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi preżentament il-parti l-kbira ta' l-Għases madwar Malta u Għawdex m'humiex attrezzati b'air conditioning. Ninsab infurmat ukoll illi huwa l-ħsieb tal-Korp tal-Pulizija illi jattrezza l-għases kollha bis-sistema ta' air conditioning, u għal raġunijiet ovvji, dan il-proċess mistenni li jsir gradwalment.
Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinxtara photocopier għall-għassa tal-pulizija taż-Żejtun minħabba li biex isiru photocopies il-pulizija qed ikollhom imorru d-depot jew iħallsuhom minn buthom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalkemm ma saret l-ebda talba mill-Għassa taż-Żejtun sabiex jiġu fornuti b'photocopier, il-Korp tal-Pulizija għandu l-ħsieb illi jixtri numru ta' photocopiers sabiex jattrezza d-Distretti kollha tal-Korp. Ninsab infurmat ukoll illi fil-fatt diġa' nbeda l-proċess sabiex jinxtraw dawn il-photocopiers.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'titlu jgawdi s-civil protection fuq proprjeta' li qed jokkupa x-shipbuilding, il-Marsa? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni għalfejn is-civil protection ġiet imkeċċija mill-art li kienet qed tokkupa ġewwa l-Birgu? X'kumpens ingħata għal dan il-fond?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Proteżżjoni Ċivili ħareġ mill-fond li kien qiegħed jokkupa fil-Birgu peress li dan il-fond jifforma parti mill-proprjeta’ mogħtija b’ċens lil Consortium Port Cottonera.
Id-Dipartiment tal-Proteżżjoni Ċivili qiegħed jokkupa l-art fil-Marsa taħt il-kundizzjonijiet li jokkupaw proprjeta’ tal-gvern dipartimenti oħra.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm detenuti fil-faċilita’ korrettiva ta' Kordin maqsumin skond dawk sentenzjati u dawk le u skond dawk Maltin u dawk barranin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-14 ta' Marzu 2006 kien hemm tlett mija u wieħed u tletin (331) il-persuna li qed jinżammu fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin.
Kien hemm:- Maltin 174 sentenzjati u 48 arrestati
Barranin 57 sentenzjati u 52 arrestati
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' barranin li mill-1 ta' Mejju 2004 'il hawn applikaw biex jaħdmu Malta? Għal liema ġeneru ta' xogħol applikaw ċittadini li gejjin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbilita' għall-ħruġ ta' liċenzji ta' impjieg (work permits) għaddiet lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ.
Għalhekk huwa mitlub li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inxtraw, inkrew jew ġew leased karozzi fil-ministeru u l-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament bejn Ottubru sa Diċembru 2005 u mill-1 ta' Jannar sal-lum separatament? X'inhi ċ-ċilindrata ta' dawn il-karozzi u x'tip ta' fuel jużaw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tħallsu flus bħala compensation to victims of crimes sena b'sena mill-1991 sal-lum? Jista' jgħid lil min tħallsu u għal liema konsiderazzjoni tħallsu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li tul l-aħħar tliet snin tpoġġew fuq probation? Kemm attwalment huma taħt is-sorveljanza ta' probation officer? Kemm hawn probation officers?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi tul dawn l-aħħar tliet snin, fi ħdan l-Uffiċċju tal-Probation ġie riferut dan l-ammont ta' Probation Orders.
Jannar - Diċembru 2003: 127 Probation Orders
Jannar - Diċembru 2004: 107 Probation Orders
Jannar - Diċembru 2005: 153 Probation Orders
Jannar - Marzu 2006 (sal-10): 23 Probation Orders
Total: 410 Probation Orders
Fi ħdan l-Uffiċċju tal-Probation fil-preżent hemm ħdax-il Uffiċjal tal-Probation. Preżentament dawn huma l-każijiet attivi li qegħdin taħt is-sorveljanza ta' dawn il-ħdax-il Uffiċjal tal-Probation:
Probation Orders: 286
Suspended Sentence Supervision Orders: 74
Community Service Orders: 4
Combination Orders (Community Service Orders + Probation Orders): 6
Provisional Orders of Supervision: 60
Pre-Sentence Reports and Social Inquiry Reports: 35
Total: 465 cases
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li rċevew sentenza sospiża mill-qrati tul l-aħħar tliet snin? Kemm minnhom kienu barranin? Kemm hawn persuni li llum għandhom sentenza sospiża eżekuttiva (jiġifieri li għadhom taħt il-perijodu tas-sentenza)?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi tul l-aħħar tliet snin, 788 persuna rċevew sentenza sospiża. Minn dawn kien hemm 205 barrani, filwaqt li n-numru ta' persuni li għadhom taħt il-perijodu tas-sentenza hu ta' 526.
Għawdex — Kontravvenzjonijiet maħruġa mill-wardens
Question
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kontravvenzjonijiet li ġew maħruġa mill-wardens f'Għawdex relatati ma' ksur tar-regolamenti tat-traffiku fl-aħħar sentejn, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' kontravvenzjonijiet li ġew maħruġa mill-Gwardjani Lokali f'Għawdex relatati ma' ksur ta' regolamenti tat-traffiku kien hekk:
Sena 2004 19,991
Sena 2005 (sa Novembru) 11,125
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jindika l-ammont ta' flus minfuqa din is-sena fuq xiri ta' kotba ġodda mil-libreriji pubbliċi u minn kull waħda mil-libreriji reġjonali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005, il-Libreriji Friegħi nefqu bejniethom total ta' Lm4,106.74c f'xiri ta' kotba ġodda. L-infieq kien kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' Maltin, in-numru ta' Għawdxin u ta' dawk barranin li ġew immultati mill-wardens f'Għawdex għal ksur tar-regolamenti tat-traffiku fl-aħħar sentejn, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' Maltin, Għawdxin u barranin li ġew immultati mill-Gwardjani Lokali f'Għawdex għal ksur ta' regolamenti tat-traffiku fl-aħħar sentejn kien dan:
2004 2005 (sa Novembru)
a. ID Cards bl-"M" 8,816 5,244
b. ID Cards bil-"G" 9,679 5,029
c. Foreign ID Cards 1,495 851
Total 19,990 11,124