Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif inhi l-proċedura tat-tnaqqis mill-pensjoni għal dawk il-persuni li jkunu rikoverati f'xi sptar għat-tul taż-żmien b'mod partikolari għal persuni li jkunu jew l-isptar San Luqa jew ġewwa l-isptar Monte Carmeli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi għal tnaqqis fil-pensjoni kontributorja għal dawk il-persuni (jew il-konjugi tagħhom) li jkunu rikoverati f'xi istituzzjoni governattiva għal kura ta' l-Anzjani. Dan it-tnaqqis fil-pensjoni jiġi fis-seħħ mid-data li fiha l-pensjonant jew il-konjugi jidħol jew tidħol f'din l-istuzzjoni governattiva. L-istess Att jipprovdi wkoll għal tnaqqis fil-pensjoni fejn il-pensjonant (jew il-konjugi tiegħu) jidħol jew tidħol f'xi istituzzjoni governattiva oħra bħal l-Isptar San Luqa jew l-Isptar Monte Carmeli jew l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għal kura u jkunu hekk residenti għal kura għal aktar minn sitt xhur. Ir-rata ta' tnaqqis mill-pensjoni tkun tiddependi minn test tal-meżżi tal-pensjonant u l-konjugi (skond il-każ), skond Avviż Legali 60 ta' l-2000.

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pensjonanti li bi żvista nqabbżu milli jirċievu l-lira żieda li suppost ittieħdet b'effett mill-ewwel ta' Jannar 2002?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda pensjonant li kellu dritt għall-lira żieda li nqabeż bi żvista. Kull min kellu dritt għal Lm1 żieda rċieva ż-żieda f'Jannar. Skond l-informazzjoni li għandi mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali f'dawk il-każi fejn iż-żieda fil-pensjoni hija anqas minn żewġ terzi bħal, fil-każ ta' xi pensjoni mħallsa taħt xi Ftehim Reċiproku ma' pajjiż ieħor, ż-żieda trid tiġi stmata fuq bażi ndividwali u l-aħħar każijiet tħallsu dan ix-xahar. B'kollox kien hemm madwar 1000 każ. L-uniċi każi pendenti fejn għadha ma tħallsitx ż-żieda għall-għoli tal-ħajja huwa ta' dawk il-pensjonanti rikoverati f'xi istituzzjoni tal-Gvern għal kura ta' l-Anzjani. Ir-rata ta' żieda dovuta f'dan il-każ ma tistax tiġi kkalkulata qabel ma ssir stima tal-kontribuzzjoni dovuta mill-istess pensjonant lill-Kumitat tal-Welfare. Din l-istima ssir wara li d-Dipartiment għal Kura ta' l-Anzjani jkun għamel it-test tal-meżżi tal-persuni kkonċernati.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mara li tkun ħadmet għal numru ta' snin bħal part-time, jekk hijiex intitolata għall-pensjoni? Min hu ntitolat għall-pensjoni u kemm iridi ikun ħadem dejjm għal-livell ta' part-time?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 31898 f'Seduta 707, partikolarment għat-tieni paragrafu ta' dik it-Tweġiba.

Awtorita' tad-Djar — Lifts

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi hemm dwar l-istallazzjoni ta' lifts mill-Awtorita' tad-Djar f':- 1) 18 Triq il-Punent Valletta 2) 68 Triq San Tumas Floriana?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fiż-żewġ postijiet indikata jidher li t-tromba tat-taraġ hi dejqa wisq biex takkomoda lift. Fil-każ ta' 68, Triq San Tumas, l-Awtorita' tad-Djar għamlet talba lid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex tara jekk hux possibbli li tittieħed parti mill-bitħa tal-ħwienet li jmissu mal-blokk biex tintuża għall-lift. Fil-każ ta' 18, Triq il-Punent, għadhom qed jiżu nvestigati possibilitajiet oħra biex jiġi nstallat il-lift.

Għawdex — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħaddiema ġew boarded out fil-gżira ta' Għawdex matul is-snin 1999, 2000, 2001? Jista' l-Ministru jagħti l-eta' medja tal-persuni li ġew boarded out matul l-istess 3 snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jżomm statistika tan-numru globali tal-persuni f'Malta u Għawdex flimkien, li jingħataw Pensjoni għall-Invalidita' għall-ewwel darba. Din l-istatistika ma tinkludix l-eta' tal-pensjonanti. Il-Pensjoni għall-Invalidita' titħallas, fost kundizzjonijiet oħra, lil dawk ċertifikati minn bord mediku tad-Dipartiment li huma nkapaċi għal xogħol xieraq għal mill-anqas tlett snin. In-numru globali ta' pensjonijiet ġodda għall-Invalidita' f'Malta u Għawdex matul is-snin indikati kien kif ġej: 1999 - 936 2000 - 829 2001 - 1024

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed ngħaddi separatament tiġi nfurmata meta se tirċievi l-ewwel pensjoni sħiħa tagħha wara li għalqet 61 sena fid-19/1/2002 u hemm se tkun din il-pensjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-każ tagħha.

PA — Proġett ta' Embellishment

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 30806, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 24897 dwar il-bini tat-toroq biswit il-blokki ta' l-appartamenti l-ġodda jekk l-PA approvatx il-pjan tal-proġett ta' embellishment li kellu jsir mid-Dipartiment tal-Bini u tat-Tiswija tad-Djar tal-Ministeru għall-Politika Soċjali flimkien mal-Kunsill Lokali, kif indikat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari msemmija u peress li skond l-Ministru Ċensu Galea fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 30806, qal li huwa infurmat li peress li l-applikazzjoni lill-PA għall-Embellishment qed jieħu ħsiebha id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar tal-Ministeru għall-Politika Soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif qal tajjeb il-Ministru Ċensu Galea fir-risposta tiegħu għal Mistoqsijiet Parlamentari Nru 24897 u 30806, id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar flimkien mal-Kunsill Lokali ta' Ħal-Luqa qiegħed jieħu ħsieb il-proġett ta' embellishment f'Ħal-Farruġ. Jien infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għadha kif approvat dan il-proġett u la darba dan ikun lest, ikunu jistgħu jsiru t-toroq tal-madwar.

Reġistrar għax-Xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li bdew jirreġistraw għax-xogħol s-sena l-oħra? Jista' jagħti breakdown tal-lokalita tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li bdew jirreġistraw l-ewwel darba matul is-sena l-oħra kien ta' 2693. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.

Pubblikazzjonijiet — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-posta, stationeries, reklamar, pubblikazzjonijiet għas-sena 2001 tal-Ministeru u Dipartimenti, Dekasteri, Korporazzjonijiet, eċċ li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Politika Soċjali? Kemm tħallsu minn dawn l-ispejjes u kemm għadhom pendenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sakemm ma tingħatax raġuni l'għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba. Informazzjoni dettaljata fuq infieq attwali tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Teżor jippubblika aktar tard fis-sena.

Housing

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistax jinvestiga il-każ ta' housing 63/1999 Ref. application 760/99 tal-persuna li tal-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-referenza ndikata mill-Onor. Interpellant tirrigwarda applikazzjoni lill-Awtorita' tad-Djar relatata ma' Avviż Legali Nru. 63 ta' l999. Ninsab infurmat li fl-applikazzjoni tagħha l-applikanti ndikat il-preferenza għal tlett appartamenti. li tnejn minnhom ma kienux japplikaw għall-kategorija tagħha. Dawn l-appartamenti ġew allokati lil persuni li kellhom punti aktar mill-persuna ndikata.

Residenza San Vinċenz De Paule

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti qed isiru fin-nuqqas ta' nurses biex residenti fil-bżonn li jiġu akkumpanjati fir-residenza San Vinċenz De Paule, jkunu jistgħu joħorġu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-akkumpanjament tar-residenti f'San Vinċenz de Paule reġa' ġie bħas-soltu wara l-ftehim milħuq mal-Union tan-Nurses.

Hospital Auxiliary

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 30152 li titlob tagħrif dwar jekk hemmx ħaddiem f'SVDP li mhumiex hospital auxiliary iżda qed jagħmlu overtime f'dan il-grad?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li minnħabba l-kobor u l-ħtiġijiet ta' ndafa li hemm fir-Residenza ta' San Vinċenz, hemm gradi oħra li mhumiex Hospital Auxiliaries li jagħmlu overtime f'dan il-grad.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, minn Jannar 2002 qed jitnaqqsulha Lm 16.145 fix-xahar u dan mingħajr ebda avviż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ tal-persuna ndikata minnu ġie nvestigat u l-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.

Addozzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew addottati tfal is-sena l-oħra u minn liema pajjiżi kienu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fis-sena 2001 ġew addottati ħamsa u ħamsin (55) tifel u tifla. Dawn ġew addottati minn dawn il-pajjiżi: Rumanija tlieta u għoxrin (23) Malta sittax (16) Pakistan għaxra (10) Kenja wieħed (1) Ingilterra wieħed (1) Georgia wieħed (1) Albanija wieħed (1) Tuneżija wieħed (1) Kazakhstan wieħed (1) TOTAL Ħamsa u ħamsin (55)