Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati fuq bażi full-time b'interview impjegati mal-gvern fis-servizz pubbliku fi kwalunkwe skala fis-snin 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005 separatament? Jista' jgħid xi skala huma dawn l-uffiċjali li daħlu biha, xi grad għandhom dawn l-uffiċjali , fejn ġew posted, x'jisimihom u x'inhu n-numru ta' l-ID card tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni li qed tintalab mill-Onorevoli Membru, li tkopri medda ta’ ħames snin, trid ħafna żmien biex tinġabar u naħseb li l-ħin tal-uffiċjali li jkunu jridu jitqabbdu biex jiġbruha jista’ jintuża aħjar.
Jekk l-Onor Nterpellant jixtieq xi informazzjoni fuq xi każ jew ingaġġ partikulari inkun lest li nagħtih l-informazzjoni meħtieġa.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq rigali li ngħataw minnu jew mill-istaff privat tiegħu, kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, matul l-2003, 2004, 2005 u minn Jannar 2006 sal-lum separatament? Jista' jgħid lil min ingħataw, fiex kien jikkonsisti r-rigal li ngħataw, kemm qam flus, minfejn inxtara u min approva x-xiri tiegħu? Jista' jgħid x'rigal ingħata hu bħala Prim Ministru b'reċiproċita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi skema sabiex ġuvni (ħaddiem mal-gvern) li jgħix ma' ommu anzjana jingħata special leave sabiex idur b'ommu? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk ikunx jista' jibbenefika minn xi benefiċċju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija teżisti skema sabiex ħaddiem tal-Gvern li jgħix ma’ ommu anżjana jingħata special leave on no pay sabiex idur b’ommu. Dan l-special leave on no pay jissejjaħ Responsibility Leave.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-parametri u l-kundizzjonijiet tar-Responisbility Leave li jinsabu f’sezzjoni 4.8.5 tal-Public Service Management Code.
Dwar it-Tieni Parti tal-mistoqsija, persuna lit kun fuq special unpaid leave biex iddur b’ommha, tista’ tkun intitolata għall-Pensjoni tal-Wens imħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, kemm il-darba:
· Dik il-persuna tidssodisfa t-test tal-mezzi;
· L-omm tkun ċertifikata minn bord mediku maħtur taħt l-imsemmi Att li hi bedridden jew wheelchair bound; u
· Jkun hemm rapport minn social worker li jikkonferma li l-applikant tkun qed tieħu ħsieb l-omm waħedha.
Dwar it-test tal-mezzi, ninsab infurmat li l-ammont kapitali ma jridx jaqbeż Lm6,000 u d-dħul massimu ma jridx jaqbeż Lm35.38 fil-ġimgħa, kalkulat skond ir-Raba’ Taqsima tas-Sitt Skeda ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Socjali.
Kif jispjega l-fatt il-Prim Ministru li filwaqt li l-imprenditur għal kull valur ta' 242 euro kien jissarraf Lm100 f'Ottubru ta' l-2003, illum fl-2006 iħallas Lm109 sabiex jakkwista l-valur ta' 242 euro u dan meta llum il-basket tal-muniti huwa 100% fl-euro u mhux 60% kif kien fl-2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17179 f’seduta 362.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk l-OPCs (Outside Promotion Contact) li qegħdin ibiegħu t-timeshare f'Buġibba humiex iħallsu t-taxxi dovuti?
Kemm ħallsu b'kollox fis-snin 2004 u 2005?
Kif tiġi kkalkulata r-rata tat-taxxa tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onoroveli Interpellant li minħabba d-dispozizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pozizzjoni li jizvela informazzjoni personali.
Nirriferi lill-Prim Ministru għat-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 17293. Peress li n-news release 131/2003 ma tagħtix data kompluta ta' kemm iljieli t-turisti qattgħu f'Għawdex, jista' jekk jogħġbu jgħidli xahar xahar għal kull sena mill-2001 'il hawn: kemm turisti qagħdu f'kull tip ta' akkomodazzjoni, jiġifieri f'lukandi five-star, four-star, eċċ, f'aparthotels u guest-houses, f'furnished premises bħalma huma farmhouses, vilel, apartments kull tip għalih, fir-residenza privata tagħhom, kif ukoll f'tipi oħra ta' akkomodazzjoni; u kemm iljieli qattgħu f'kull tip ta' akkomodazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bi stimi li jinkludu biss l-iljieli tat-turisti barranin għax l-informazzjoni tinġabar minn stħarriġ kontinwu imsejjaħ ‘Tourstat’ li jsir lill-passiġġieri meta jkunu se jitilqu minn pajjiżna. L-istimi ta’ Għawdex ma jistgħux jiġu ppubblikati xahar xahar fuq id-dettal mitlub għaliex l-ammont tas-sundaġġ dwar it-turisti li raqdu Għawdex huwa wieħed relativament limitat meta mqabbel mat-total biex jipprovdi bażi soda biżżejjed għal analiżi dettaljata.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17137, jista' il-Prim Ministru jgħid fuq liema bażi ddeċieda meta għandu jsir rapport tas-safar tal-ministri/segretarji parlamentari jew le?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li m’għandix x’inżid mar-risposta li tgħajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17137.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati fuq bażi full-time b'eżami kompetittiv impjegati mal-gvern fis-servizz pubbliku fi skala 16 u l-iskali inferjuri l-oħra fis-snin 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005 separatament? Jista' jgħid xi grad għandhom dawn l-uffiċjali separatament, fejn ġew posted, x'jisimhom u x'inhu l-ID card number tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni li qed tintalab mill-Onorevoli Membru, li tkopri medda ta’ ħames snin, trid ħafna żmien biex tinġabar u naħseb li l-ħin tal-uffiċjali li jkunu jridu jitqabbdu biex jiġbruha jista’ jintuża aħjar.
Jekk l-Onor Interpellant jixtieq xi informazzjoni fuq xi każ jew ingaġġ partikulari inkun lest li nagħtih l-informazzjoni meħtieġa.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru transfers ta' uffiċjali pubbliċi fis-servizz ċivili separatament fis-snin 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005 bejn ministeri/dipartimenti jew enti pubbliċi? Jista' jgħid min kienu dawn l-uffiċjali, xi grad kellhom meta ngħataw it-transfer, xi skala kienu meta ngħataw it-transfer u minn fejn għal fejn sar it-transfer?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni li qed tintalab mill-Onorevoli Membru, li tkopri medda ta’ ħames snin, trid ħafna żmien biex tinġabar u naħseb li l-ħin tal-uffiċjali li jkunu jridu jitqabbdu biex jiġbruha jista’ jintuża aħjar.
B’dan kollu, m’għandix diffikulta li ngħati lill-Onor Interpellant informazzjoni fuq xi każ partikulari.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni mas-Servizz Pubbliku u fejn ġew impjegati mill-2000 sa l-2006 (s'issa)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Tajjeb ngħid li matul l-istess perjodu, 6,421 persuna temmew l-impjieg permanenti tagħhom minn mas-Servizz Pubbliku. Dan it-total jinkludi persuni li rtiraw, irriżenjaw, għaddew bord mediku, mietu jew tkeċċew mill-impjieg.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17622 u jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi mikrija mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu? Kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus totali għal dawn il-kirjiet matul l-2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-Tweġiba li saret għall-Mistoqsija Parlamentari 17622 seduta Numru 364.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk tlestiex il-proċess ta' konsultazzjoni mibdi fit-12 ta' Settembru 2005 mis-Segretarju Parlamentari għall-Finanzi biex jitħejja n-National Strategic Reference Framework (NSRF) u biex ikunu diskussi l-oqsma ta' priorita' għal użu tal-fondi strutturali ta' l-Unjoni Ewropea għas-snin 2007-2013, liema proċess kellu jitlesta sa l-aħħar ta' Ottubru 2005?
Meta tlestew, jekk tlestew, l-abbozzi ta' l-NSRF u tal-programmi operazzjonali (operational programmes) li kellhom jitlestew sa l-aħħar ta' Ottubru 2005?
Liema huma l-oqsma ewlenin ta' priorita' li qed jaħdem fuqhom il-gvern?
Kemm se jkun hemm operational programmes u liema huma?
Meta saru, jekk saru, is-sottomissjonijiet informali lill-Kummissjoni Ewropea li kellhom isiru sa l-aħħar ta' l-2005?
Is-sottomissjonijiet formali lill-Kummissjoni se jilħqu jsiru matul ir-Rebbiegħa ta' din is-sena kif kien ipprogrammat li jsir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħaraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Proċess ta’ konsultazzjoni mibdi mis-Segretarju Parlamentari għall-Finanzi biex jitħejja n-National Strategic Reference Framework (NSRF) għadu għaddej u ser jibqa’ għaddej fil-ġimgħat li ġejjin. Barra minn hekk, jiena bdejt proċess ta’ djalogu mal-pubbliku fuq l-istess suġġett, u dan ser ikun konkluż ix-xahar id-dieħel.
L-ewwel abbozz ta’ l-NSRF ser jitpoġġa fuq il-website tal-Gvern fil-ġranet li ġejjin. L-ewwel abbozzi ta’ l-operational programmes ser ikunu lesti ftit ġimgħat wara.
Il-Gvern qed jaħdem fuq żewġ operational programmes wieħed għall- Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni u ieħor għall-Fond Soċjali Ewropew – kif inhu mitlub mir-Regolament. Il-proċess ta’ sottomissjonijiet lill-Kummissjoni, kemm informali kif ukoll formali, kellu jitwal minħabba li l-qbil fuq il-pakkett finanzjarju sar fl-aħħar tas-sena l-oħra u l-fatt li għad m’hemmx qbil fuq livell komunitarju fuq il-pakkett regolatorju.
Nirriferi lill-Prim Ministru għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 16768 dwar in-nefqa tat-turisti f'Għawdex. Peress li l-Prim Ministru qal li t-tagħrif kif mitlub ma jeżistix, jista' jekk jogħġbu jagħtini t-tagħrif kif jeżisti u jagħtini wkoll l-istess tagħrif dwar Malta separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-infiq tat-turisti li ġew Malta u Għawdex separatament huwa stmat kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn iċ-ċifri huma stima tan-nefqa totali tat-turisti u jinkludu il-vjaġġ, l-akkomodazzjoni, it-taxxi u nfiq ieħor fil-pajjiz. Għaldaqstant importanti li jiġu interpretati sewwa għaliex dawn ma jirrispondux mal-qligħ tal-pajjiż mit-turisti. Dan l-infiq lanqas ma jinkludi n-nefqa tat-turiżmu intern.
Peress li d-direttur tal-VAT qiegħed jimponi taxxa ta' 5% fuq vaċċini li jintużaw għat-tilqim kontra mard infettiv, li ċertament huma sustanzi mediċinali u li jistgħu jiġu amministrati biss minn tobba jew nurses kwalifikati, jista' il-Prim Ministru jispjega għaliex qiegħda tiġi imposta din it-taxxa ta' 5% fuq dawn il-vaċċini, meta huma meqjusa minn kulħadd bħala prodotti mediċinali u għaldaqstant suppost ikunu eżenti mit-taxxa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il darba l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, kien membru fuq Bord ta' l-Għażla (Selection Board) għal ħatriet fiċ-ċivil mill-1 ta' Jannar 2003 sal-lum? Liema kienu dawn il-karigi? Kemm kienet tammonta r-remunerazzjoni li tħallset il-persuna msemmija għal dan is-servizz?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u t-28 ta’ Frar 2006 il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interperllant attendiet għal 59 seduta u 5 seduti parzjali tas-Senior Appointments Advisory Committee. F’dawn is-seduti ġew intervistati kandidati għal 138 kariga.
Il-membru kkoncernat ma jitħallasx remunerazzjoni għal dan is-servizz.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-Pjan ta' Kontinġenza għad-dipartimenti tal-gvern li kien qed jiġi mħejji f'każ li Malta tiżviluppa l-Influwenza Pandemika tlestiex? Jekk iva, meta dan il-pjan se jiġi ppubblikat? Jekk le, meta dan il-pjan se jkun lest?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-pjan ta’ kontinġenza mħejji mid-Diviżjoni tas-Saħħa f’każ ta’ influwenza pandemika huwa lest.
Bħalissa dan il-pjan qed jiġi estiż biex tinbena l-istrateġija nazzjonali kontra l-pandemija.
Dipartiment tat-Taxxi Interni — Skejjel li jgħallmu l-Ingliż
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm familji li l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin għaddew tagħrif dwarhom lid-dipartiment tat-taxxi interni dwar dħul ġej mill-istudenti li jżommu għandhom?
Għal-liema snin għaddew dan it-tagħrif? B'liema rata ta' taxxa se jiġu ntaxxati l-familji? Ġie meqjus x'impatt se jkollu dan kollu fuq settur tant importanti f'pajjiżna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jara li jittieħdu passi biex tinqata' l-evażjoni fiskali ta' dawk li qed ibiegħu karozzi second hand illegalment billi sempliċement jipparkjaw karozzzi għall-bejgħ b'mobile number fuqhom f'toroq prominenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi d-dipartiment kkonċernati diġa qed jieħdu l-passi meħtieġa f’dan ir-rigward.
Nirriferi lill-Prim Ministru għat-tweġiba li tani għal mistoqsija parlamentari 17322 dwar il-mekkaniżmi li jagħtu lill-Ministeru għal Għawdex l-opportunita' ta' involviment effettiv fi proġetti li jsiru f'Għawdex jew b'konnessjoni ma' Għawdex. Peress li l-mistoqsija ma ġietx imwieġba, jista' il-Prim Ministru jekk jogħġbu jgħid sewwa sew x'inhuma l-mekkaniżmi formali u uffiċjali li hemm kif tlabtu fil-mistoqsija tiegħi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M’għandi xejn x’inżid mar-risposta li tgħajt bħala tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Numru 17322.