Jista’ il-Ministru jgħid kemm inqatgħu appelli quddiem l-Awtorita’ Nazzjonali tax-Xogħol din is-sena u kemm kienu konferma tad-deċiżjoni ta' l-ETC u kemm le?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm saru job placements mill-ETC din is-sena? Kemm placements kienu mal-privat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' job placements li saru mill-ETC minn Jannar sa Diċembru 2005 kienu ta' 4,462, minn dawn 3,137 kienu mal privat.
Informat ukoll li jista jkun il-każ li hemm numru ieħor ta' nies li setgħu sabu mpjieg minn fuq l-website tal-KXT, mill-Job Centres jew riklami li l-KXT tagħmel minn żmien għal żmien fuq il-mezzi tax-xandir.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilhom mingħajr għalliem taċ-chart reading l-istudenti ta' l-istitut marittimu ta' l-MCAST? X'passi qed jittieħdu biex din is-sitwazzjoni tiġi rranġata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema taċ-Chartwork li huwa part-timer ilhu ma jagħti lezzjonijiet l-istudenti tiegħu mid-9 ta' Jannar, 2006. Dan għaliex intbgħat barra minn Malta fuq xogħol uffiċjali mill-Gvern u għax bħalissa qed jattendi kors ta' taħriġ b'konnessjoni ma xogħolu ta' Master Mariner.
Informat ukoll li mistenni jasal lura Malta biex ikompli t-tagħlim fl-Istitut Marittimu fi żmien qasir.
Sadanittant l-Uffiċjali Kadetti li qegħdin fl-Istitut Marittimu tal-MCAST qed ikomplu t-taħriġ tagħhom f'suġġetti oħrajn ta' importanza simili.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ħlas li sar lill-iskejjel tal-knisja skond il-ftehim bejn il-gvern u l-knisja għal dan it-tieni term? Kemm minn din is-somma kienet għal pagi ta' l-għalliema u kemm għall-manutenzjoni? Jista' jindika kull skola kemm ħadet u għal xiex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'Jannar 2006, għat-tieni term tas-sena skolastika 05/06, il-Gvern ħallas Lm2,125,000 għall-iskejjel tal-Knisja, liema ammont ikopri Jannar u Frar. Dan l-ammont jinkludi għaxra fil-mija (10%) għall-ispejjeż ġenerali, skond il-ftehim. It-tagħrif dwar x'irċeviet kull skola tal-Knisja għax-xahar ta' Jannar 2006, li jammonta għal total ta' Lm1,100,164, ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid, bħala ministru responsabbli mill-isport, liema huma dawk l-għaqdiet/organizzazzjonijiet li talbu għajnuna finanzjarja jew mod ieħor biex kompetituri jkunu jistgħu jieħdu sehem f'kompetizzjonijiet internazzjonali li se jsiru matul din is-sena? X'kienet it-talba tagħhom u x'ġew mogħtija?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jinvestiga l-ilment tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li talbet lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni school leaving certificate minħabba li xtaqet iġġib liċenzja ta'
gwardjan lokali?
Jista' jgħid għaliex minkejja li din il-persuna għandha edukazzjoni f'livell avanzat permezz ta' ċertifikati ma jistax jinħarġilha xi forma ta' school leaving jew ċertifikat ta' rikonoxximent għall-edukazzjoni li għandha? Ma jaħsibx li l-Ministru qed iċaħħad persuni bħal dawn milli jsibu mpjieg alternattiv?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li peress il-persuna konċernata ma għamlitx il-Form 5 ta' l-iskola sekondarja, kien hemm diffikulta biex joħroġ l-School Leaving Certificate. Tajt struzzjonijiet biex jinħareġ ċertifikat ta' rekord ta' l-iskola tal-persuna konċernata.
Jista' il-Ministru jagħtini tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16749 dwar studenti universitarji Għawdxin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' Għawdxin li ngħataw Grad Universitarju jew Diploma mill-Universita' ta' Malta wara li segwew l-istudju tagħhom f'Malta, maqsumin f'kull kors mis-sena 1999 sas-sena 2005 huma kif jidhru fil-listi li ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra (Appendiċi I).
L-Għawdxin li ngħataw Grad Universitarju jew Diploma mill-Universita' ta' Malta wara li segwew l-istudju tagħhom fiċ-Ċentru ta' l-Universita' qed jingħataw f'lista separata (Appendiċi II) li ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra ukoll.
Jista’ il-Ministru jindika n-numru ta' parteċipanti fi Skola Sajf din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' parteċipanti li ħadu sehem fi Skolasajf 2005 hu hekk :-
Tfal Studenti Universitarji Facilitators Ko-ordinaturi
L-ewwel It-tieni L-ewwel It-tieni L-ewwel It-tieni
Sessjoni Sessjoni Sessjoni Sessjoni Sessjoni Sessjoni
3,928 307 300 142 138 84 83
Jista’ il-Ministru jgħid kemm persuni, din is-sena, ma komplewx jirreġistraw għax-xogħol minn jeddhom u kemm inqatgħu mir-reġistrazzjoni b'deċiżjoni ta' l-ETC u għala nqatgħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Jannar sa Diċembru 2005 inqatgħu 2,267 persuna minn fuq l-Ewwel u t-Tieni parti tar-reġistru b’deċiżjoni ta’ l-ETC. Minn dawn-il 2,267 persuna, 323 nqabdu jaħdmu u jirreġistraw, 1,440 irrifjutaw opportunita' ta’ xogħol, filwaqt li 504 persuna rrifjutaw opportunita ta’ taħriġ.
F’dan l-istess perjodu kien hemm 20,188 persuna li ma komplewx jirreġistraw għax-xogħol minn jeddhom fuq l-Ewwel u t-Tieni parti tar-reġistru. Din il-figura tinkludi persuni li daħlu u ħarġu mir-reġistru aktar minn darba.
Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol — Qtugħ mir-reġistrazzjoni għax-xogħol
Question
Jista’ il-Ministru jgħid kemm saru appelli quddiem l-Awtorita’ Nazzjonali tax-Xogħol minħabba qtugħ mir-reġistrazzjoni għax-xogħol din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' apelli mibgħuta lill-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol bejn Ottubru 2005 u Jannar 2006 kien ta' 221 (Malta biss). Dawn l-appelli jinkludu dawk li ma setgħux jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel parti minħabba r-raġuni tat-tmiem l-impjieg.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16380 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2005? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jaf il-Ministru li fl-iskola Ant. Lawrence Bartolo m'hemmx full-time P.E. teacher u l-istudenti qed jiġu charged Lm12 p.a. għat-tagħlim tal-computer, minkejja li dan jagħmel parti mill-curriculum?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel primarji, l-għalliem ta' klassi hu mistenni li jagħti lezzjonijiet tal-P.E. bħala parti mid-doveri tiegħu. Madankollu, m'hemm xejn milli żżomm l-amministrtazzjoni li, jekk trid, tipprovdi għalliem tal-P.E.
Skond l-Avviż Legali 150 tal-1990 u l-Avviż Legali 196 ta' l-1994, ir-rata ta' ħlas ta' miżati jiġu komunikati mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u li r-rati stabbiliti fil-bidu ta' sena skolastika ma jistgħux jiżdiedu matul is-sena skolastika. L-iskejjel indipendenti m'humiex marbutin jikkomunikaw il-ħlas għal xi servizzi anċillari. L-iskola Anthony Lawrence Bartolo kienet ikkomunikat il-ħlas tal-miżati għal din is-sena skolastika 2005-2006 fiż-żmien stabbilit.
Jista’ il-Ministru jgħid kif jara u jiġġudika l-attivita` fiżika li qed issir fl-iskejjel tal-gvern fil-preżent? Jista’ jgħid jekk huwiex sodisfatt jew le? Jista’ jagħti l-veduti tiegħu anke għal-lezzjoni tal-PE?
Response (GALEA, LOUIS)
M'hemmx dubju li l-kwalita' ta' attivita' fiżika li qed issir fl-iskejjel tal-Gvern fil-preżent hi tajba. Il-problema hi li fil-limiti tal-ħin normali ta' l-iskola m'hemmx ħin biżżejjed għal din l-attivita'. Il-fehma tiegħi li wieħed irid jaħseb għal programm ta' attivita' fiżika anke wara il-ħin ta' l-iskola.
Jista’ il-Ministru jgħid x’sar mill-programm ta’ inkoraġġiment li kien ħabbar fil-15 ta’ Jannar 2005 li kien ser isir sabiex jinkoraġġixxi u jkabbar il-parteċipazzjoni tal-popolazzjoni b’mod ġenerali fl-attivita` fiżika?
Response (GALEA, LOUIS)
Diġa' qed issir ħafna ħidma minn aġenziji pubbliċi u privati f'dan ir-rigward. Il-politika indikata fid-diskors tal-15 ta' Jannar, 2005, hija inkluża fl-abbozz tal-Politika Nazzjonali Għall-iSport, liema dokument ġie ppreparat mill-Kunsill Malti Għall-iSport u li ser jiġi pubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ il-Ministru jgħid x’sar s’issa meta fl-istess diskors tas-Sibt 15 ta’ Jannar 2005 issemmew numru ta’ targets li kellhom jintlaħqu fi snin differenti? Ftit aktar minn sena wara, fiex ninsabu fit-targets li semma l-Ministru fejn tidħol l-attivita` fiżika u l-isport? Jista’ jgħid xi sforz akbar qed isir sabiex dawn il-miri jiġu milħuqa? X’riżorsi ġew ivvotati u dedikati għal dan il-għan?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 16991.
Jista’ il-Ministru jgħid meta ser titwettaq il-wegħda elettorali tal-Partit Nazzjonalista li jkollna skola speċjalizzata għall-isport? Jista’ il-Ministru jgħid ukoll kif qed iwettaq wegħda oħra, dik li jżid l-għajnuna lill-għaqdiet sportivi? Jista’ jgħid ukoll jekk teżistix xi skema jew possibbilta` sabiex għaqdiet sportivi jibbenefikaw minn rati ta’ interessi anqas u ċertu rebates oħra hekk kif kien imwiegħed mill-Partit Nazzjonalista fil-programm elettorali?
Response (GALEA, LOUIS)
Is-suġġett jinkwadra ruħu fit-twettiq tar-riforma proposta fis-sistema edukattiva u ta' l-istrateġija nazzjonali dwar l-isports.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi l-politika (policy) dwar l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel primarji? Jista’ jgħid ukoll x’sar u x’qed isir sabiex jinħatar EO għall-edukazzjoni fiżika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-politika dwar l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel Primarji hi li l-għalliema peripatetiċi jmorru fl-iskejjel u jagħtu lezzjonijiet lill-istudenti. L-għalliema tal-klassi jassistu għall-lezzjonijiet biex meta l-għalliema peripatetiċi ma jmorrux l-iskola għax ikunu involuti f'xi attivitajiet oħra, l-għalliema tal-klassi xorta jkunu f'pożizzjoni li jagħtu lezzjoni.
L-istudenti tal-Primarja jkollhom tlett lezzjonijiet fil-ġimgħa ta' nofs siegħa kull darba.
Informat ukoll li uffiċjali edukattivi jinħatru minn fost Assistenti Kapijiet ta' skola jew minn Subject Co-ordinators. Dawn ta' l-aħħar huma l-iktar li ġew imħajra japplikaw għal din il-pożizzjoni.
Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Xiri ta' karozzi
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi matul is-sena 2005 mill-ministeru u d-dipartiment li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu? Ta' liema tip kienu u kemm swiet kull waħda minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid meta hi ppjanata li tiftaħ l-iskola primarja l-ġdida ta' Pembroke u kemm hi ppjanata li takkomoda studenti? Dan l-għadd ta' studenti ġie rivedut u kemm kienet l-istima oriġinali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li huwa ppjanat li l-iskola l-ġdida ġewwa Pembroke tkun lesta biex tirċievi l-ewwel studenti tagħha fiż-żmien sentejn minn meta jingħataw l-permessi kollha mingħand il-MEPA. Huwa maħsub illi din l-iskola tibda takkomoda 250 student u tikber skond il-bżonn u skond l-iżvilupp ta' housing li ġej f'din il-lokalita'.