Jista' l-Ministru jgħid minn liema lokalita' ġejjin l-istudenti li jattendu l-iskola Maria Goretti Tarxien?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-lokalitajiet minn fejn ġejjin l-istudenti li jattendu l-iskola Maria Goretti, Tarxien huma kif se nsemmi:
B'Bugia
M'Xlokk
Paola
Sta Lucia
Tarxien
Żejtun
Hemm tfajliet oħra mill-Gudja u minn Ħal Għaxaq li jattendu fil-Form III, IV u V.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm ingħataw exceptions lil tfal, subien u bniet, li biex għadhom ma għalqux sittax-il sena, sena b'sena mill-1995 sa l-2001, u r-raġunijiet prinċipali għal dawn l-esenzjonijiet biex ma jmorrux skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' exemptions li ngħataw lil tfal, subien u bniet, taħt is-sittax-il sena kien kif se nsemmi:-
Sena skolastika Subien Bniet
1995 - 1996 69 164
1996 - 1997 110 208
1997 - 1998 198 230
1998 - 1999 148 200
1999 - 2000 154 245
2000 - 2001 159 256
Ir-raġunijiet prinċipali kienu:
1) biex jaħdmu
2) għal raġunijiet umanitarji, soċjali, psiko-soċjali, u ta' familja.
Il-proċedura dwar l-eżenzjonijiet mill-iskola hija kif ġej:
1) Għandha ssir applikazzjoni lit-taqsima ta' l-Education Welfare
2) Ma' din l-applikazzjoni għal eżenzjonijiet għandhom ikunu annessi:
a) F'każijiet ta' impjieg, il-wegħda ta' xogħol mimlija u ffirmata
minn min ser iħaddem lill-istudent/a;
b) F'każijiet umanitarji hemm bżonn iċ-ċertifikat mingħand
speċjalista;
c) Il-kunsens bil-miktub taż-żewġ ġenituri;
3) Ta' l-anqas ġenitur minnhom għandu jmur l-iskola b'dawn id-
dokumenti kollha u minn hemm timtela' exemption form
apposta;
4) Ta' l-anqas ġenitur minnhom għandu jmur id-Dipartiment ta'
l-Education Welfare b'dawn id-dokumenti, flimkien mal-
karti ta' l-identita` taż-żewġ ġenituri
5) Is-Social Worker għandu jaċċerta ruħu li l-ġenituri jifhmu
għal xhiex qed jiffirmaw.
Il-kriterji li fuqhom tista` tingħata eżenzjoni huma li:
1) student/a jkunu jgħalqu s-sittax-il sena matul is-sena skolastika
u jkunu temmew l-edukazzjoni sekondarja, kemm-il darba jkunu
sabu mpjieg; jew
2) student/a jkunu jagħlqu s-sittax-il sena matul is-sena skolastika u
jkunu għadhom ma temmewx l-edukazzjoni sekondarja, kemm-il
darba jkunu sabu mpjieg, għalkemm f'dan il-każ wieħed jipprova
kemm jista' jkun ifiehem lill-istudenti u l-ġenituri l-importanza li
student jispiċċa l-edukazzjoni sekondarja; jew
3) ikun hemm raġunijiet umanitarji speċjali. Hawnhekk kull każ ikun
trattat b'mod individwali u b'attenzjoni speċjali u jsiru wkoll
home visits.
Ta' min jinnota wkoll li filwaqt li sa' l-1998 kull każ kellu jiġi awtorizzat u ffirmat mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, wara din id-data id-Direttur Ġenerali ta' l-Edukazzjoni ingħata r-responsabbilta` li jawtorizza dawn l-eżenzjonijiet.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema ġranet u f'liema post huwa previst li se ssir il-careers convention li kull sena tiġi organizzata mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Careers' Convention se ssir fil-15, 16 u 17 ta' Mejju 2002 f'Bay Street Complex.
Jista' l-Ministru bil-kundizzjonijiet mill-agħar li qed jaħdmu fihom studenti ta' l-ESTS li qegħdin fil-course ta' stone carvers?
Jaf il-Ministru li dawn qed jiġu mġiegħla jaħdmu kważi full time mal-privat bi ħlas ta' Lm53.16 fil-ġimgħa?
X'qed jagħmel id-dipartiment jew x'se jagħmel biex iwaqqaf dawn l-abbużi?
Response (GALEA, LOUIS)
L-iskultura u t-tinqix tal-ġebel tal-franka jiġġeneraw trabijiet fini minħabba n-natura tal-materjal innifsu u l-proċessi meħtieġa waqt ix-xogħol.
Informat li minħabba li n-numru ta' studenti li qed jattendu bħalissa huwa relattivament kbir, hemm il-ħsieb li l-workshop ta' l-artiġjanat fil-ġebel jitkabbar u jiġu stallati 'extractors' skond il-ħtieġa.
Il-Kors ta' Stone Carvers huwa ta' tlett snin u jifforma parti mill-iskema ta' l-apprendistat imsejħa Extended Skill Training Scheme.
Fl-ewwel sena tal-kors il-parteċipanti jridu jattendu l-istabbiliment edukattiv il-ġimgħa kollha u jirċievu stipendju ta' Lm40 fix-xahar. Matul it-tieni u t-tielet sena l-apprendisti jattendu l-istabbiliment edukativ għal jumejn u ġurnata, rispettivament. Matul dan il-perjodu l-apprendisti jirċievu stipendju ta' Lm40 fix-xahar mingħand id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni u Lm20.50 u Lm21.46 fil-ġimgħa fit-tieni u t-tielet sena rispettivament mingħand min qed jipprovdi t-taħriġ prattiku.
Għal aktar tagħrif l-Onor. Membru tista' tirreferi lill-ETC li hi responsabbli mill-fażi ta' xogħol ta' l-apprendistat.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-ministeru u d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni dwar l-ittra mibgħata mill-kunsill lokali Żejtun fid-data tal-25 ta' Marzu 2002 dwar xogħol fl-iskola primarja B, Żejtun?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn naħa tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ssejħet laqgħa bejn il-partijiet kollha konċernati li jinkludu l-uffiċjal inkarigat minn dawn ix-xogħlijiet mid-Diviżjoni, il-kuntrattur, il-perit maħtur mill-Kunsill Lokali, is-Sindku u s-Segretarju ta' l-istess Kunsill.
Din il-laqgħa saret nhar il-Ħamis 28 ta' Marzu, fejn l-ilmenti kollha msemmija fl-ittra ġew mgħoddija għall-attenzjoni tal-kuntrattur biex jiġu rranġati. Il-kuntrattur aċċetta li jagħmel it-tibdiliet meħtieġa biex dawn jiġu 'in regola' ma' l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
Nirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsijja tiegħi nru. 32252. Jista' l-Ministru jgħid kemm s'issa hija l-ispiża għar-referees għal din is-sena tal-football?
Din is-sena żdiedu l-fees?
Kemm jitħallsu l-uffiċjali għal kull logħba?
Peress li l-istaġun se jispiċċa dal-waqt, il-gvern se jagħmel tajjeb għal dawn l-ispejjeż?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħlas tar-referees normalment isir fl-aħħar ta' l-istaġun. S'issa saru 88 logħba u mistenni li jsiru 20 logħba oħra sa' l-aħħar ta' l-istaġun. Il-miżati għal kull logħba din is-sena żdiedu minn Lm7 għal Lm8 fil-każ tar-referees u minn Lm5 għal Lm5.50 fil-każ ta' l-assistenti tar-referees. Il-Malta Employees Sports Association għamlet talba lid-Direttur taż-Żgħażagħ u Sport biex tingħata xi forma ta' għajnuna biex tagħmel tajjeb għal dawn l-ispejjeż. Din it-talba għadha qed tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-kumitat li jmexxi l-malta employees sports association qed jipproponi li biex jitnaqqsu l-ispejjes tal-uffiċjali, jintużaw kemm jista' jkun uffiċjali tal-football (referees) li jaħdmu mal-gvern?
Saru xi taħdidiet uffiċjali mal-awtoritajiet tal-football dwar dan?
Jiffkonferma li hemm uffiċjali li jieħdu sehem fil-logħob waqt li jkunu xogħol u b'hekk qed jieħdu l-paga l-istess u anke ħlas għal logħba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumitat tat-tmexxija tal-Malta Employees Sports Association ilu jagħmel użu minn uffiċjali tal-football li jaħdmu mal-gvern u korpi parastatali għal diversi snin. Ir-referees dejjem kienu u għadhom jitħallsu għal-logħbiet kollha li jirrefjaw inkluż dawk organizzati mill-Malta Employees Sports Association. Bħalissa għaddejin taħditiet bejn il-Kumitat tat-tmexxija tal-M.E.S.A. u uffiċjali tal-Malta Football Association u Malta Football Referees Association bl-iskop li jintlaħaq ftehim biex jitnaqqsu l-miżati tar-referees.
Jista' l-Ministru jgħid fl-oqsma kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' ministerjali tiegħek kemm kien hemm rapporti dwar sexual harassment minn kollegi tax-xogħol fis-sena 1999, 2000, 2001?
F'liema oqsma, kumpaniji pubbliċi, dipartimenti saru dawn ir-rapporti?
X'passi ttieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal ix-xogħol fuq il-junior lyceum Sir Adrian Dingli f'Pembroke?
X'hemm maħsub li jintemm mix-xogħol sa l-aħħar ta' Diċembru 2002?
X'xogħol se jsir fis-sena 2003?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol li qiegħed isir fil-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli f'Pembroke hu ikkonċertrat fuq naħa waħda (Wing 1) ta' l-iskola, u miexi b'ritmu tajjeb. Bħalissa, ix-xogħol strutturali huwa kważi lest. Jonqos xogħol strutturali konness mal-"Main Staircase" ta' dik in-naħa ta' l-iskola. Issa bdiet il-fażi ta' stallazzjoni ta' servizzi, u dalwaqt ukoll jibda xogħol ta' "finishes". Minn Ottubru u matul 2003, huwa maħsub li jibda jsir xogħol konness man-naħa l-oħra (Wing 2) ta' l-iskola, kif ukoll it-tkomplija tal-parti ċentrali tal-bini.
Jista' l-Ministru jgħid minħabba l-valur edukattiv u kulturali tal-video heritage in stone li jiċċelebra l-wirt storiku tagħna, jikkunsidra li d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni tħeġġeġ lill-iskejjel iressqu lill-istudenti tagħhom lejn il-wirt tagħna permezz ta' dan il-video?
Response (GALEA, LOUIS)
Mhux ċar għal liema video qegħda tirreferi din il-mistoqsija billi hemm diversi videos kummerċjali li jittrattaw dwar il-wirt fil-ġebel. Hija konswetudni li l-iskejjel infushom jixtru materjal kummerċjali bħal dan mill-vot allokat lilhom għal riżorsi.
Jaf il-Ministru li hemm għalliema fl-MCAST fil-matriculation course li ma jattendux regolarment u mbagħad isiru lezzjonijiet fil-break?
X'qed jagħmel id-dipartiment biex din il-qagħda tiġi regolarizzata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema tal-Matriculation Course fl-MCAST jattendu b'mod regolari u jagħtu lezzjonijiet fil-'break' bħala miżura biex jiġu ikkumpensati 'clashes' fit-timetable. Tajjeb ukoll li niġbdu l-attenzjoni, li bosta huma l-istudenti li jkunu jixtiequ li jsirulhom lezzjonijiet fil-break ħalli dawn ikunu jistgħu jitilqu qabel id-dar. Dan qatt ma ġie aċċetat mill-Amministrazzjoni ta' l-Istitut anke jekk kien hemm ħafna pressjoni biex iseħħ dan kemm minn studenti, kif ukoll minn għalliema u xi kultant minn ġenituri.
Minkejja d-diversi mistoqsijiet li għamilt speċjalment dawk nri: 28719 u 30191 dwar is-suġġett tal-għalliema tal-istorja ta' Malta, jista' l-Ministru jgħid x'sar għaliex skond ġenituri li kellmuni dan kien għadu jgħallem is-suġġett sal-aħħar tat-term li għadu kemm spiċċa?
Ma jaħsibx li għadda biżżejjed żmien b'din l-iskola tikser l-att tal-iskola?
Jista' jgħid kemm l-istudent qagħad u għadda minn dan is-suġġett li kienu tressqu minn din l-iskola fl-aħħar ħames snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kwistjoni tat-tagħlim ta' l-Istorja ta' Malta fil-Kulleġġ li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament, għandha żewġ aspetti:
a) it-tagħlim qed isir bil-lingwa Ingliża
b) l-għalliem konċernat kien oriġinarjament approvat sabiex jgħallem
il-ġografija. Mal-ġografija, qed jgħallem ukoll l-istorja ta' Malta i.e.
suġġġett li għalih qatt ma' ntalab l-approvazzjoi mid-Diviżjoni.
Il-Kap tal-Kulleġġ imsemmi ikkontesta ż-żewġ aspetti. Huwa ddikjara li l-kulleġġ tiegħu kien qed jeżerċita d-dritt li skola għandha li "tiżviluppa strateġija lingwistika li tirrifletti l-bżonnijiet lingwistiċi partikolari ta' l-istudenti tagħha", skond il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali li ġie promulgat f'Ottubru 2001. Huwa jindika wkoll il-mistoqsijiet dwar l-istorja ta' Malta bħala parti mill-eżami SEC tas-suġġett "Environmental Studies" jistgħu jitwieġbu bl-Ingiż. Dinl-asserzjoni ġiet konfermata mill-Bord tal-MATSEC.
Dwar it-tieni aspett, il-kap ta' l-iskola indika li l-għalliem konċernat huwa ta' dixxendenza Maltija u huwa kkwalifikat bħala għalliem mill-Universita` ta' Cambridge. Skond il-kap ta' l-iskola, hu qed jgħallem l-istorja ta' Malta flimkien mal-lezzjonijiet fil-ġografija, b'entużjażmu u b'mod effettiv. Il-Kap ta' l-Iskola wera li dan l-għalliem jista' jersaq għall-eżami "A" Level tal-MATSEC fl-Istorja ta' Malta sabiex juri l-kompetenza fis-suġġett, jekk dan ikun meħtieġ. Il-Kap ta' l-Iskola wera kemm ikun detriment jekk l-għalliem ta' l-Istorja ta' Malta jinbidel f'nofs is-sena.
Mill-fatti sottomessi ma' rriżultax f'dan l-istadju li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kellha timponi rimedi immedjati.
Dwar it-tielet mistoqsija ta' l-Onor. Membru, l-istess Kap ta' Skola informa lid-Diviżjoni illi f'dan l-aħħar ħames snin ebda student fil-Kulleġġ imsemmi ma resaq għall-eżami fl-Istorja ta' Malta MATSEC "O" Level.
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna qed jingħata fil-klassi, t-tifel li ismu qed jintbagħat separatament fl-Iskola Primarja tal-Belt? Qiegħed jinżamm fil-klassi? Min qed ikollu miegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan it-tifel li għandu bżonnijiet speċjali ġie assenjat facilitator minn meta beda jattendi fil-kindergarten.
Issa li qiegħed Yr 1, il-facilitator tkun preżenti miegħu fil-klassi l-ħin kollu u tgħinu f'xogħol addattat għalih ippreparat mill-għalliema fil-klassi. Fejn hu possibbli għat-tifel huwa jagħmel l-istess xogħol bħat-tfal l-oħra tal-klassi.
It-tifel jinħareġ mill-klassi biex jagħmel xogħol fil-Computer Room li tintuża biss mit-tfal bi bżonnijiet speċjali u biex jattendi għal ħin stipulat fil-playroom għal programm imħejji apposta għalih. Darba kull ħmistax-il ġurnata it-tifel jattendi ma' tfal oħra bi bżonnijiet speċjali fir-razzett tal-ħbiberija.
Fil-playroom u fil-Computer Room ikun mal-facilitator li hija assenjata mieħgu għall-ħin kollu. Fil-klassi jkun mal-facilitator u l-għalliema fil-waqt li fir-razzett tal-ħbiberija minn barra l-facilitator tiegħu, ikun hemm facilitators oħra kif ukoll personnel tar-razzett.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex jinstabu għalliema għall-form II tas-sekondarji tas-subien ta' Birkirkara fil-qasam tal-matematika għax ilhom żmien twil bla għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li instabet soluzzjoni għall-problema imsemmija. Qed jingħataw lezzjonijiet tal-Matematika lill-iskola kollha.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 32300, jista' l-Ministru jgħid jekk l-ilment kienx segwit u jekk fl-affermattiv x'kien l-eżitu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tagħmel pressjoni mad-Dipartiment tar-Riżorsi u Infrastruttura biex jitwettaq ix-xogħol kollu meħtieġ f'dan il-'ground'. F'din l-art, tħaffret ħofra biex tkun tista' ssir kamra taħt l-art li kellha sservi bħala 'switch room'. Din kienet tħalliet abbandunata. Fil-preżent, bħala parti mill-proġett ta' Bormla, il-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura qed jagħmel il-preparamenti kollha meħtieġa biex taħt din l-art ikun żviluppat 'car park'.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm flus intefqu sa issa fuq il-kumpless sportiv ġewwa l-kottonera u jistax jiġi elenkat dan ix-xogħol f'hiex jikkonsisti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s'issa intefqu Lm697,314 għal xogħol fuq il-proġett tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera. Ix-xogħol li sar jinkludi xogħol ta' skavar, xogħol ta' kostruzzjoni u bini ta' substation. L-ispiża tkopri wkoll ħlasijiet lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar, overtime lill-ħaddiema tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet u xogħlijiet oħra anċillari.
Jista' l-Ministru jgħid waslux fil-ministeru lmenti li l-kumpanija Educational Support Services Ltd (ESS) li għall-ħidmiet edukattivi tagħha tħallset eluf ta' liri mingħand ġenituri u issa għosfru u m'humiex joffru s-servizzi edukattivi li tħallsu għalihom?
X'passi ttieħdu mill-Ministeru dwar dawn l-ilmenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma waslu ebda lmenti fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar il-kumpanija "Educational Support Services (ESS). Iżda, b'riżultat tal-kitba li dehret f'ġurnal lokali, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħadet l-inizjattiva biex tistabilixxi l-fatti.
Kull azzjoni li tista' tiġi diskussa tiġi stabilita wara dan l-istħarriġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm professjonisti full-time li qegħdin jaħdmu fl-iskejjel speċjali?
Kemm intefqu flus is-sena l-oħra għat-taħriġ ta' l-impjegati ta' dawn l-iskejjel?
Kemm huwa n-numru ta' studenti f'dawn l-iskejjel u kemm huwa l-istaff ratio f'dawn l-iskejjel speċjali?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 31340 ta' l-istess Onor. Membru.
Jista' l-Ministru jgħid hemm xi raġuni għaliex l-għalliema tal-fiżika tal-form III fil-Junior Lyceum Margaret Mortimer ta' Santa Lucia ilha ġimgħat sħaħ ma tattendi?
X'passi se jittieħdu biex l-istudenti jirkupraw dak li tilfu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li waqt li l-għalliema tal-Fiżika tal-Form 3 tal-Junior Lyceum Margaret Mortimer kienet ma tiflaħx, il-klassijiet tagħha ttieħdu minn Supply Teacher għall-parti kbira miż-żmien. Illum l-għalliema regolari tinsab lura għax-xogħol.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari nri. 27774 (u cioe, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu nies fi grades industrijali mal-gvern u f'liema gradi minn Settembru 1998 sal-lum, sena b'sena, fis-servizz pubbliku kif ukoll f'entitajiet oħra bħal korporazzjonijiet u kumpanniji tal-gvern eċċ. entita', entita'?) u 28645 (u cioe, B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 27774 (u cioe, jista' l-Ministru jwieġeb għad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?) jista' l-Ministru jagħti tweġiba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Settembru 1998 sal-lum, fid-Dipartimenti u entitajiet fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni ġew impjegati dawn il-persuni fi gradi industrijali:
Dipartiment/Entita` Grad Sena
Dipartiment taż-Żgħażagħ 1 Labourer (Ex Impressed Driver) 2000
u Sport
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni 36 Labourers (Ex Impressed Drivers) 2000
Dipartiment ta' l-Eżamijiet 1 Auxiliary Worker 1999
(ġie trasferit għad-Div. tas-Saħħa
bħala Labourer) 2001
F.I.S. 1 Messenger/Driver 1999
Universita` ta' Malta 1 Ġardinar 1998
4 Labourer/Cleaner 2001
1 Electrician/Plumber 2001
MCAST 2 Driver/Messengers 2001
1 Part-time General Hand 2001
St James Cavalier Nirreferi għat-tweġiba għall-
Mistoqsijiet Paramentari Numri
32267 u 32259.