Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #23192 Sitting 355 2016-02-15 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Ministeru għat-Turiżmu

Foundation for Tourism Zone Development

Question

Jista' l-ministru jgħid minn min hi komposta il-Foundation for tourism zone development li twaqqfet fl-2015, u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-termini ta’ ingagg ta’ dawn l-istess persuni?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 20057 datata 22 ta’ Ottubru 2015, fejn diġà ġie spjegat li l-Fondazzjoni għall-Iżvilupp ta’ Żoni Turistiċi timpjega tnejn min nies. Il-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Chief Executive Officer fi ħdan il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp ta’ Żoni Turistiċi, ġiet ingaġġata direttament. Filwaqt li l-persuna l-oħra, ġie ingaġġat bħala person of trust bħala Assistent Personali tas-CEO tal-Fondazzjoni, bi rwol amministrattiv fl-iskala taċ-ċivil 9. Nserraħ ras l-Onor. Interpellant li fl-ingaġġ ta’ dawn il-persuni mhu qed isir xejn differenti milli kien isir f’amministrazzjonijiet preċedenti fejn persuni ġew mogħtija pożizzjonijiet ta’ dan il-livell u tip. Minkejja li l-kompożizzjoni tal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp ta’ Żoni Turistiċi hija waħda zgħira, flimkien ma’ diversi dipartimenti minn Ministeri oħra, wettqet ammont ta’ xogħol sostanzjali sabiex tissalvagwardja l-attrazzjonijiet f’żoni turistiċi, titjieb l-effiċjenza u tiżdied il-manutenzjoni f’kull żona pubblika għal aktar ambjent sostenibbli. Dan kollu qed isir bil-għan li l-industrija tat-turiżmu fil-Gżejjer Maltin tkompli tikber billi nipprovdu b’mod konsistenti livell ta’ servizz superjuri u noħolqu valur miżjud. Mill-bidu tat-twaqqif tagħha, il-Fondazzjoni wettqet diversi xogħlijiet biex jiġu żġurati l-effiċjenza u l-manutenzjoni ta’ żoni pubbliċi, fosthom: · ġbir ta’ skart, tindif ta' toroq u żoni pubbliċi f’żoni fit-tramuntana u n-nofsinhar ta’ Malta, bħal San Pawl il-Baħar, Mellieħa, Żurrieq u Marsascala; · koordinament u titjib fl-estetika, bħal sinjali tat-toroq, dawl adegwat u ppjantar ta’ siġar f’zoni ċentrali bħal Sliema u San Ġiljan; · titjib fl-organizzazzjoni ta’ żoni pubbliċi u faċilitajiet biex itejbu l-immaniġjar tal-viżitaturi; · ħidma sabiex jitjiebu l-istandards ambjentali kif ukoll ħidma lejn titjib fl-ordni pubblika; · koordinament fl-immaniġjar f’xogħlijiet ta’ kostruzzjoni; · twettiq ta’ proġetti fiż-żoni turistiċi, fosthom il-ftuh ta’ Tourist Information Office f’Marsaxlokk, fin-nofsinhar ta’ Malta L-isforzi li qed isiru, f’konformità mal-politika tal-Gvern għal dan is settur, qed juri biċ-ċar li m’aħniex qed inħarsu biss lejn in-numri rekord ta’ turisti li jżuru pajjiżna iżda li ssir dik il-qabża fil-kwalità ħa nattiraw turiżmu ta’ aktar kwalita’.
Leg 12 PQ #23193 Sitting 355 2016-02-15 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Ministeru għat-Turiżmu

Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu – proġetti b’fondi strutturali tal-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-ħsibijiet tal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu fir-rigward ta’ proġetti li jikkwalifikaw għal fondi skont sejħiet maħruġa għal proġetti minn fondi strutturali għas-snin 2014-2020?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tal-Prodott, fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu, issottometta applikazzjoni għar-restawr ta’ numru ta’ torrijiet kostali f’Malta, Kemmuna u Għawdex. Barra minn hekk, f’Settembru tal-2015, l-Awtorità applikat għal fondi taħt l-iskema tal-European Structural Funds għall-proġett ‘ Entrepreneurship in Tourism’ . Dan il-proġett huwa mmirat lejn nies li jixtiequ jiftħu intrapriża marbuta mas-settur tat-turiżmu. Permezz ta’ dan il-kors, il-parteċipanti jiġu imħarrġa fuq diversi aspetti relatati ma’ entrepreneurship u t-tmexxija ta’ intrapriża. Il-progett huwa ppjanat li iħarreġ 60 persuna, li 35% minnhom jaslu jwaqfu intrapriża. Huwa mahsub ukoll li dawk li jkunu jridu jiftħu intrapriża jiġi mgħejjuna finanzjarjament permezz ta’ fondi taħt l-iskema European Regional Development Funds. F'Jannar ta' din is-sena, applikjana wkoll ghal fondi taħt l-iskema ta’ Erasmus+ bil-għan li jittejbu l-ħiliet diġitali u l-prestazzjoni fis- settur tal- catering f'Malta . Il-proġett huwa immirat għal madwar 60 parteċipant u se jiġi mwettaq fuq perjodu ta' sentejn .
Leg 12 PQ #22673 Sitting 353 2016-02-03 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni bid-dettalji tal-konsulenzi u xogħol legali ieħor li ngħata lill-individwu (jew il-kumpanija li jifforma parti minnha) li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament lill-Air Malta bejn Jannar 2000 u Marzu 2013, sena b’sena b’mod separat? Kemm kien il-ħlas għal kull biċċa xogħol? Fiex kien jikkonsisti x-xogħol? Liema minnhom ingħataw b’direct order? Liema minnhom ingħataw wara sejħa pubblika?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi lill-individwu u/jew il-kumpanija li jifforma parti minnha, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, tħallsu s-somma ta’ €5,823.00 fis-sena fuq retainer fiss bejn l-2000 u l-2010. Fis-snin 2011 u 2012, saru tibdiliet fil-kuntratt u l-individwu u/jew il-kumpanija li jifforma parti minnha ngħataw is-somma ta’ €39,955.88 fuq tliet snin mill-2011 sal-2013. Informazzjoni dettaljata sena b’sena qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #22674 Sitting 353 2016-02-03 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni bid-dettalji tal-konsulenzi u xogħol legali ieħor li ngħata lill-individwu (jew il-kumpanija li jifforma parti minnha) li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament lill-Air Malta bejn Jannar 2000 u Marzu 2013, sena b’sena b’mod separat? Kemm kien il-ħlas għal kull biċċa xogħol? Fiex kien jikkonsisti x-xogħol? Liema minnhom ingħataw b’direct order? Liema minnhom ingħataw wara sejħa pubblika?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-individwu u/jew il-kumpanija li jifforma parti minnha, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ingħataw b’total ta’ €226,185.21 bejn retainer fees u konsulenzi legali bejn l-2000 u l-2013. Il-konsulenzi ingħataw dirett peress li l-individwu u/jew il-kumpanija li jifforma parti minnha kien diga konsulent legali mal-Air Malta. Informazzjoni dettaljata sena b’sena qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #22675 Sitting 353 2016-02-03 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Turisti mill-Istati Uniti tal-Amerika

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-influss f’Malta ta’ turisti mill-Istati Uniti tal-Amerika għas-snin 2014 u 2015?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, skont l-aħħar ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, it-turisti mill-Istati Uniti fl-2014 kienu ta’ 22,402 filwaqt li fl-2015 kienu ta’ 26,073. Dan ifisser li fl-2015 kellna zieda ta’ 16.4% fuq l-2014. L-iljieli mqatta hawn Malta minn dawn it-turisti Amerikani ammontaw għal 178,434 lejl fl-2014 filwaqt li fl-2015 telgħu għal 208,041 lejl. Dan issarraf fi tkabbir ta’ 16.6% irreġistrat fl-2015 meta kkomparat mas-sena ta’ qabel. L-infieq turistiku mħolli f’pajjiżna minn turisti Amerikani fl-2014 ammonta għal €28,560,000 filwaqt li fl-2015 ammontaw għal €33,417,000. Jiġifieri fl-2015 kellna ¿ieda ta’ 17% fi dħul ikkomparat ma dak reġistrat fl-2014. Dan it-tkabbir issarraf fi kważi €5 miljun aktar fi dħul dirett fl-ekonomija Maltija minn infieq mis-Suq Turistiku Amerikan meta mqabbel mal-2014. Iz-zieda fl-infieq mis-Suq Turistiku Amerikan fl-2015 fuq l-2014 kien kwazi iddoppju taz-zieda rreġistrata fl-2014 fuq dik tal-2013. In-nefqa medja minn turisti Amerikani hija ‘l fuq minn 39 fil-mija tal-medja tat-turisti kollha li jigu Malta. Fil-qasam tal-cruiselining, fl-2014 kellna 38,391 passiġġier Amerikan li zaru Malta filwaqt li fl-2015 dawn telgħu għall-40,178 passiġġier. Fl-2015 kellna tkabbir ta’ 4.7% fuq l-ammont reġistrat fl-2014. Fl-2015 il-passiġġieri Amerikani fuq il-cruisliners ammontaw għal 27.7% tal-passiġġieri li wasslu Malta minn barra l-Unjoni Ewropeja. Skond l-aħħar stħarriġ ikkumissjonat u ppubblikat mill-Valletta Cruise Port insibu li fl-2014 il-passiġġieri Amerikani fuq il-Cruiseliners li ¿aru Malta kienu it-tieni l-aktar passiġġieri li nefqu flus f’pajjizna ras għal ras hekk kif huwa stmat skont dan l-istħarriġ li nefqu €58.71c kull passiġġier.
Leg 12 PQ #22676 Sitting 353 2016-02-03 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – performance fi New York

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-performance tal-uffiċċju tal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu fi New York fl-Istati Uniti, minn meta twaqqaf ‘il hawn u x’unuri rebaħ dan l-uffiċċju?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-attivita’ tal-Awtorità Maltija għat-Turizmu fl-Istati Uniti reġġħet bdiet fl-2014 wara assenza ta’ izjed minn 10 snin meta ġiet appuntata rappre¿entata bbazata fi New York. L-ewwel impenn għall-MTA kien li terġa’ tintroduċi il-Gzejjer Maltin lill-operaturi turistiċi u aġenti tal-ivjaġġar fl-Istati Uniti u l-Kanada. Sabiex tagħmel dan l-MTA nediet programm estensiv ta’ informazzjoni u promozzjoni permezz ta’ Online Travel Agents Training Academy, parteċipazzjoni f’fieri u workshops tat-Turizmu, reklamar immirat għall-operaturi turistiċi kif ukoll sensiela ta’ sales visits lil mijiet ta’ agenti tal-ivjaġġar u operaturi turistiċi. Din il-ħidma ġiet rikonoxxuta mill-operaturi turistiċi Amerikani u fil-fatt fl-ewwel ġimgħa ta’ din is-sena Malta ġiet ippremjata bi tlett awards tal-fidda waqt is-serata prestiġjuza tat-Travvy Awards organizzata minn TravelAllianceMedia. Malta ġiet ippremjata fil-kategoriji Best Luxury Destination Europe, Best Luxury Destination Overall u Most Innovative Tourism Executive Europe. Sa Novembru 2015 ġiet reġistrata zieda ta’ 16.8% fl-iljieli mill-Istati Uniti u zieda ta’ 16.7% fin-nefqa totali.
Leg 12 PQ #22677 Sitting 353 2016-02-03 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Industrija tal-Cruise liner — informazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kif marret l-industrija tal-cruise liners għas-sena 2015 meta mqabbla mal-aħjar sena li qatt kellna fis-settur li kienet is-sena 2012?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-aħħar ċifri imħabbra mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, fl-2015 daħlu Malta 307 cruiseliner fejn dawn ġarrew total ta’ 670,244 passiġġier. Din l-istatistika tirrifletti l-ammont totali ta’ passenger movements jigifieri passiġġieri embarked, transit u landed f’pajjizna. Fl-2012 it-total ta’ passiġġieri bl-istess kejl kien ta’ 608,786. Dan ifisser zieda ta 10.1% fuq l-2012. Jekk wieħed jelimina n-numru ta’ passiggieri embarked, jigifieri dawk li rikbu il-cruise minn pajjizna u reġgħu rritornaw lura pajji¿na fl-aħħar tal-ġita, it-total ta’ passiġġieri għall-2015 kien ta’ 600,156 filwaqt li fl-2012 dan kien 562,812 li jfisser zieda ta’ 6.6% fuq l-aħjar sena li qatt kellna qabel. Aktar minn hekk, skond l-istess sors mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, il-passiġġieri fuq cruiseliners li waqfu Għawdex is-sena li għaddiet ammontaw għal 9,868. Fl-2012 dan l-ammont kien ta’ 3,544 passiġġier. B’hekk jirriżulta li meta nqabblu l-2015 ma l-2012, il-passiġġieri fuq cruiseliners li waqqfu Għawdex kwazi ttripla. B’dawn iċ-ċifri rekord issuperajna ċ-ċifri reġistrati fl-2012, sena li kienet meqjusa bħala waħda eċċezzjonali għas-settur tal-cruiselining f’Malta u Ghawdex.
Leg 12 PQ #22636 Sitting 352 2016-02-02 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Stabbilimenti tal-ikel u wine bars – promozzjonijiet ta’ nbejjed Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li tibda ssir promozzjoni biex fi stabbilimenti tal-ikel u wine bars jibda jsir bejgħ ta' inbid ta' Malta? Jekk fl-affermattiv, x' tip ta' branding se jibda jintuża?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-promozzjoni tal-inbid Malti huwa magħmul indirettament mill-inizjattiva tal-Quality Assured Seal għar-ristoranti, tal-Awtorità Maltija tat-Turizmu. Din l-inizjattiva, li bdiet fit-2015, tikkonsisti f’marka ta’ kwalità u tinkludi numru ta’ kriterji li r-ristoranti jridu jissodisfaw. Waħda minn dawn il-kriterji hija li r-ristorant irid ikollu minimu ta’ 30% jew għoxrin tip ta’ inbejjed b’għenba mkabbra f’Malta jew f’Għawdex. Il-Politika Nazzjonali għat-Turizmu 2015-2020 hija bbazata fuq il-premessa relatata mal-ġestjoni u l-ippjanar tal-industrija tat-turiżmu tagħna, inkluż l-importanza tal-prodott turistiku. Hekk kif ikkommettejna fil-Politika Nazzjonali għat-Turiżmu 2015-2020, qed niffukaw fuq dawk is-segmenti tas-suq li għandhom potenzjal kbir illi jikbru kif ukoll li jirrispondu tajjeb għall-offerta Maltija fejn jidħol prodott lokali, fosthom il-gastronomija.
Leg 12 PQ #22972 Sitting 352 2016-02-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Fortifikazzjonijiet u postijiet storiċi — kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kuntratti ngħataw għal dak li jirrigwarda xogħol ta' restawr ta' fortifikazzjonijiet u postijiet storiċi oħra, inkluż fortijiet, matul l-2013, l-2014 u l-2015? Fejn ix-xogħol li suppost twettaq diġà sar, jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm variations mill-offerti oriġinali u f'kull każ, kemm kien il-ħlas iżjed li tħallas? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx xi rregolaritajiet li dwarhom inġibdet l-attenzjoni mill-Awditur Ġenerali, fir-rapport tiegħu għall-2014? X'kienu, jekk kien hemm, l-irregolaritajiet li dwarhom inġibdet l-attenzjoni?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, għamlet xogħol ta’ restawr fuq it-Torri tal-Madliena ġewwa Pembroke li ġie inawgurat f’Marzu 2013, kif ukoll xogħol ta’ restawr fuq it-Torri Wignacourt u il-WWII Beachpost ġewwa San Pawl il-Baħar li ġew inawgurati f’April 2015. Dawn il-proġetti kienu ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropeja. Il-valur tal-kuntratt oriġinali tar-Restawr tat-Torri tal-Madliena kien ta’ €101,736 (inkluz VAT), u l-valur tal-kuntratt finali kien ta’ €113,459 li kien jinkludi €34,615.57 variations approvati. Il-valur tal-kuntratt oriġinali tar-Restawr tat-Torri Wignacourt u l- WWII Beachpost kien ta’ €104,694.60 (inkluz VAT), u l-kuntratt finali kien ta’ €100,604 li kien jinkludi €15,806 variations approvati. Minn awditjar li sar fuq il-proġetti ma jirrizultax li kien hemm irregolaritajiet.
Leg 12 PQ #22635 Sitting 351 2016-02-01 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS – korsijiet tal-Wine Tasting

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fl-Istitut għas-Servizzi Turistiċi (ITS) jibda jsir course dwar il-wine tasting tal-inbid ta' Malta?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kurrikulu tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi diġa’ jinkludi moduli, f’diversi programmi ta’ studju, fejn l-istudenti jiġu mgħallma fuq inbejjed Maltin kif ukoll dawk barranin. Tajjeb infakkar lill-Onorevoli illi matul is-sena li għaddiet saret ħidma u nvestiment fit-teknologija sabiex jgħola l-livell akkademiku tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Introduċejna sistemi ġodda ta’ rekords sabiex permezz tagħhom inżidu l-effiċjenza fl-amministrazzjoni fejn ħadna ħsieb li tinżamm informazzjoni korretta u aġġornata relatata mal-istudenti u l-korsijiet li jsegwu fiż-żewġ capuses f’Malta u f’Għawdex. Ġiet installata wkoll verżjoni aġġornata tas-sistema OPERA, illi hija sistema użata b’mod wiesa fis-settur tal-lukandi, u li l-istudenti tal-Istitut jitgħallmu fuqha. B’hekk jintlaħqu l-bżonnijiet u r-rekwiżiti marbutin mal-industrija tal-ospitalita’. Fil-ħidma ta’ ristrutturar u titjib tal-Istitut, qtajna spejjeż sostanzjali żejda, frott ta’ deċizjonijiet ħżiena li ttieħdu fil-passat. Biżżejjed insemmu nefqa ta’ €51,120 illi l-Istitut ser ikun qed jiffranka fl-erba’ snin li ġejjin għas-servizzi ta’ WI-FI fil-kampus, wara li tterminajna kuntratt mgħoti mill-amministrazzjoni preċedenti b’direct order li kien jammonta għal €14,160 fis-sena. Dan jikkuntrasta l-mod għaqli li bih qed immexxu fejn, abbażi tal-kuntratt preżenti, is-somma issa tammonta għal €1,380 fis-sena. Ġew regolarizzati l-liċenzji ta’ software li kien ilhom mhux validi, għal diversi snin. Sar ukoll arranġament mal-MITA li permezz tiegħu l-Istitut ġie irrikonoxxut bħala wieħed edukattiv u b’hekk komplejna niffrankaw spejjez akbar. Il-Ministeru żamm ukoll il-wegħda tiegħu li jipprovdi ‘laptops’ u kompjuters ġodda għal l-għalliema tal-Istitut. Sabiex inħajru u nħeġġu aktar studenti jistudjaw it-turiżmu u l-ospitalità mal-Istitut ghall-Istudji Turistici introduċejna grant ta’ €233 fis-sena għal kull student. Saret ukoll ħidma biex inwessgħu l-kurrikulu u ninkludu setturi ġodda tal-industrija li ma kienux qed jigu ndirizzati, billi nagħtu opportunita’ ta’ studju fuq is-sitt u s-seba’ livell fi gradi ta’ Bacellerat u Masters. Tnieda wkoll Kumitat Xjentifiku immexxi mill-Istitut u li ser jiddentifika ‘skill gaps’ fl-industrija li għandhom jiġu indirizzat kif ukoll nuqqasijiet fil-ħiliet eżistenti. Il-kumitat se jservi biex janalizza wkoll il-kurrikulu u jaghmel riċerka biex titjieb l-esperjenza edukattiva u l-programmi ta’ taħriġ fi ħdan l-ITS. B’dan il-mod il-kurrikulu jkun konsolidat b’inizjattivi akkademiċi bbażżat fuq karrieri differenti fl-industrija. L-għan tagħna mhux biss li nkomplu nħarrġu lill-istudenti u nippreparawhom għall-Industrija, imma li noffru wkoll taħriġ għal persuni li diġà jaħdmu fl-industrija, ħalli ngħollu l-istandards b'mod ġenerali. Għal dan il-għan l-ITS ser ikun qed iniedi kors ta' taħriġ part-time b'xejn bl-isem ta' Introduction to Hospitality. Il-viżjoni ta’ dan il-Gvern hija li l-Istitut għall-Istudji Turistiċi ikompli jikber professjonalment u li nkomplu nżidu n-numru ta' studenti li jagħżlu li jiżviluppaw il-karriera tagħhom fis-settur tat-turiżmu għas-sena skolastika. Dan filwaqt illi nżommu kuntatt mill-qrib ma’ diversi partijiet interessati fosthom l-Universita, MCAST, ETC u anke MHRA. Għalhekk dan il-Gvern ser jinvesti aktar minn €56M f’kampus ġdid għall-Istitut għall-Istudji Turistiċi, li ser jħalli frott kbir fis-settur turistiku li bih se nbidlu l-kwalita’ fit-tagħlim u apprentistat fl-ospitalita’. Dan ser ikun kampus state of the art illi ser iservi mhux biss fl-operazzjoni attwali tal-Istitut, imma l-Gvern se jkun qed jirreloka għal darb'oħra mudell ta' negozju ġdid ta' kampus internazzjonali fin-nofsinhar ta’ pajjiżna.
Leg 12 PQ #22779 Sitting 351 2016-02-01 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Selmun Palace Hotel — żviluppi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żvilupp għal dak li jikkonċerna s-Selmun Palace Hotel? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk din l-istess lukanda hux se tintuża bħala lukanda jew le? ?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sar konvenju sabiex Selmun jgħaddi għand entita’ tal-Gvern. Wara dan, il-Gvern ser iniedi proċess kompetittiv sabiex Selmun jgħaddi permezz ta’ konċessjoni, lill-privat, għal skopijiet turistiċi.
Leg 12 PQ #22849 Sitting 351 2016-02-01 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għat-Turiżmu

Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk matul l-aħħar żewġ edizzjonijiet tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar inbidlux il-prassi ta’ kif jinxtraw is-servizzi varji relatati ma’ din l-attività?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma nbidlu l-ebda prassi ta’ kif jinxtraw is-servizzi varji relatati mal-Festival tal-Logħob tan-Nar. Fejn ikun hemm bżonn dejjem intalbu l-kwotazzjonijiet u jekk ikun ta’ spiża sostanzjali toħroġ sejħa għall-offerti.
Leg 12 PQ #22540 Sitting 350 2016-01-27 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — bordijiet tal-appell

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22127, jista’ l-Ministru jkun daqstant ġentili li jelenka dawk il-Bordijiet ta’ Appell li huma preżenti f’kull dipartiment, bħal Malta Tourism Authority, fil-Ministeru tiegħu? Qed nirreferi għal kull Bord li jisma’ ilmenti jew appelli minn xi deċiżjonijiet amministrattivi ta’ kull tip fi ħdanu, inkluż għoti jew rifjut ta’ liċenzji jew permessi.

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ Maltija tat-Turizmu għandha zewġ bordijiet tal-Appell illi huma rregolati mill-Att Dwar Servizzi tal-Ivvjaġġar u tat-Turizmu għal Malta, Kap 409, Artiklu 13-14.Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ Maltija tat-Turizmu għandha zewġ bordijiet tal-Appell illi huma rregolati mill-Att Dwar Servizzi tal-Ivvjaġġar u tat-Turizmu għal Malta, Kap 409, Artiklu 13-14.
Leg 12 PQ #22778 Sitting 350 2016-01-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS — studenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) li huma sponsorjati għal xi wieħed mill-korsijiet li hemm fl-istess ITS? Minn liema lokalità huma dawk li huma hekk sponsorjati?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #22620 Sitting 349 2016-01-26 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Żvilupp tal-Eko-Turiżmu – lista ta’ miżuri

Question

Jista' l-Ministru jelenka lista ta' miżuri u inizjattivi li għamel il-Ministeru tiegħu sabiex jikkumplimenta l-iżvilupp tal-Ekoturiżmu ġewwa pajjiżna minn April 2013 sa meta tiġi imwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll xi pjanijiet għandu għax-xhur li ġejjin?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi waħda mill-isfidi ewlenin li destinazzjonijiet bħal Malta jaffaċċjaw hija kif tiżdied, b'suċċess, id-domanda matul ix-xhur tax-xitwa. Hekk kif qed jirnexxielna niksbu suċċess fil-qasam turistiku anke f’dawn ix-xhur kajmana, f’diversi niċeċ, l-eko-turiżmu hija niċċa oħra illi hemm potenzjal kbir illi tikber. Permezz tal-Politika Nazzjonali għat-Turiżmu 2015-2020, dan il-Gvern hu kommess illi jara li bi ppjanar u nċentivi siewja u meħtieġa, issaħħaħ dan is-settur filwaqt li nindirizzaw l-istaġġjonalita’ b’mod sostenibbli. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant illi l-inizjattiva tal- ECO certification għal-lukandi, li hi organizzata mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, ġiet mgħotija għarfien mill-Global Sustainable Tourism Council (GSTC) f’Awissu 2013. F’Diċembru ta’ dik is-sena, ġie organizzat ukoll seminar fejn ġew spjegati l-benefiċċji li hemm meta wieħed jidħol fil-GSTC. F’Ottubru 2013, nhedejna ECO certification għall-irziezet li joffru akkomodazzjoni u fl-2014 tajna ċ-ċertifikat lill-ewwel irziezet. Fl-2014 u l-2015 ġie organizzat taħriġ ta’ 4 sezzjonijiet dwar kif wieħed iwassal il-messaġġ ta’ sostenibilita’ lill-klijenti. Dan it-taħrig ġie organizzat għal-lukandi, irziezet u ristoranti. Il-kelliem f’dan it-taħriġ kien Dr Xavier Font minn Leeds Beckett University li huwa espert f’dan il-qasam. Fil-bidu tas-sena 2016 ħa jieħdu dan iċ-ċertifikat żewġ lukandi oħra.
Leg 12 PQ #21862 Sitting 348 2016-01-25 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Industrija tal-Films

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Gvern qed jgħin lill-industrija indiġina tal-films?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-Gvern qed jagħti għajnuna kontinwa lill-industrija lokali kemm permezz ta’ fondi u anke permezz ta’ taħriġ. F’dawk li huma fondi, il- Malta Film Fund qed jagħti grants ta’ Euro 250,000 fis-sena sabiex jgħin artisti lokali jipproduċu films Maltin u Għawdxin. Twaqqaf ukoll fond kompletament ġdid, Co-Production Fund, b’budget ta’ Euro 1 miljun fis-sena. Dan sabiex kumpaniji lokali jkun jistgħu jingħaqdu ma’ kumpaniji nternazzjonali flimkien jagħmlu produzzjonijiet internazzjonali. Bħala taħrig, fis-sentejn li għaddew, il-Film Commission nefqet aktar minn Euro 800,000 minn fondi Ewropej, sabiex nies fl-industrija tal-films jingħataw taħrig intensiv. Saru courses f’Malta, workshops f’Għawdex u anke film partikolari ma’ Film London, fejn nies setgħu jingħataw taħriġ prattiku. Il-Film Commission iffirmat ukoll ftehim ta’ kooperazjoni mal-MCAST u l-Universita’ sabiex dawn jagħtu taħriġ speċjalizzat, fosthom Masters, fl-industrija tal-films.
Leg 12 PQ #21863 Sitting 348 2016-01-25 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Kalkara Film Studios – Expression of Interest

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-Expression of Interest għall-film studios tal-Kalkara?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Expression of Interest għall-film studios intemmet fil-15 ta’ Diċembru 2015 u l-Gvern kellu rispons tajjeb tant li ħames kumpaniji internazzjonali wrew interess li jibdew imexxu dawn il-faċilitajiet. Hekk kif issir l-evalwazzjoni tas-sottomissjonijiet, se tibda mill-ewwel it-tieni fazi fejn ser toħrog “Request for Proposals”.
Leg 12 PQ #21864 Sitting 348 2016-01-25 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Sport Tourism – inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi qegħdin jittieħdu ħalli ji¿died l-isports tourism f’pajji¿na?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

It-Turizmu Sportiv (Sports Tourism) hija waħda min-niċeċ li l-Awtorita’ Maltija tat-Turizmu identifikat bħala waħda li toffri opportunitajiet li niġġeneraw turizmu ġdid lejn Malta u Għawdex fix-xhur hekk msejħa Low and Shoulder months, jiġifieri ix-xhur minn Novembru sa Marzu. Minbarra li l-MTA qegħda tara li tkompli tikber l-attivita ta' PR u Marketing fis-swieq barranin ta' attivitajiet sportivi stabbiliti bħalma huma dawk tal-maratona, atletika, ċiklizmu, offroad biking, karozzi, ibburdjar, sailing, għawm, abseiling, trekking u diving, l-Awtorita’ Maltija tat-Turizmu nediet ukoll inizjattivi ġodda. Fost l-inizjattivi ġodda nista’ nsemmi l-ftehim ma’ marka ewlenija fil-kompetizzjonijiet ta' Triathlons Internazzjonali, id-ditta XTerra li fl-2016 se torganizza f'Malta t-tieni edizzjoni tal-XTerra International Malta Triathlon li mistennija tattira lejn pajjizna għexieren ta' parteċipanti barranin kif ukoll ħbieb u familjari tagħhom li jsegwuhom. Inizjattiva oħra mħabbra riċentament huwa l-ftehim mal-kumpanija Awstrijaka SLFC sabiex Malta u Għawdex jibdew jilqgħu timijiet famuzi minn kampjonati barranin għal training camps tax-xitwa. Fl-ewwel tlett xhur tal-2016 mistennija jkollna f’Malta madwar 15-il tim, fosthom timijiet famuzi bħal PSV Eindhoven li jinsabu fl-aħħar 16 taċ-Champions League kif ukoll timijiet oħra ta’ klabbs kif ukoll nazzjonali tal-kbar, nisa jew ta’ taħt il-21 sena mill-Polonja, pajjizi Baltiċi, Norveġja, Ġermanja, Georgia, Svizzera, Repubblika Ċeka u New Zealand. Dawn it-timijiet normalment jivjaġġaw b’kontinġenti ta’ bejn 50 u 60 kif ukoll ikunu akkumpanjati minn sponsors, supporters u ġurnalisti. Kull tim mistenni joqgħod Malta tal-inqas bejn 7 u 10 t’iljieli. Minbarra l-kummerċ li dawn it-timijiet se jiġġeneraw fil-lukandi u servizzi relatati ma’ dan l-isport, Malta se tġawdi wkoll minn exposure kbira fir-reġjuni u pajjizi li minnhom ġejjin dawn it-timijiet. It-tielet inizjattiva li l-MTA qegħda taħdem fuqha hija l-promozzjoni tal-faċilitajiet sportivi ta’ pajjizna ma’ skejjel u istituti barranin li jorganizzaw ġiti għat-timijiet tagħhom ta’ dixxiplini sportivi bħalma huma basketball, volleyball, ġinnastika, futbol u netball fost l-oħrajn. Din in-niċċa toffri opportunitajiet importanti sabiex niġġeneraw turizmu ġdid fix-xhur tax-xitwa u tista’ tkompli tikber hekk kif iktar faċilitajiet sportivi ta’ kwalita’ għolja ikunu disponibbli għal dan il-għan.
Leg 12 PQ #21865 Sitting 348 2016-01-25 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Wedding Tourism

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kif sejjer is-settur tal-wedding tourism f’pajjiżna?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wedding tourism hija waħda min-niċeċ li l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu tippromwovi f’diversi swieq, partikolarment fir-Renju Unit fejn ilna attivi għal diversi snin u llum żviluppajna materjal ta’ marketing apposta għal din in-niċċa. Dan il-materjal jinkludi artwork speċifiku għal reklamar, attivita online kif ukoll nipparteċipaw f’fieri speċjalizzati għas-settur fi bliet ewlenin bħal Londra, Manchester, Birmingham u Dublin. Is-settur ta’ wedding tourism huwa attrajenti peress li hu stmat li jħalli introjtu għola min-normal fil-pajjiż kemm fil-qasam tat-turiżmu, kif ukoll setturi oħra li joffru servizzi relatati. wedding tourism għandu wkoll effett pożittiv fuq in-numru ta’ turisti peress li jiġġenera gruppi ta’ ħbieb u familjari li jabbinaw btala f’pajjiżna mat-tieġ tal-koppja. Bir-riformi mwettqa fil-liġi taż-żwieġ ċivili llum infetaħ suq ġdid fejn qegħdin nirreklamaw lil pajjiżna bħala post attrajenti għal żwigijiet ċivili bejn persuni tal-istess sess. Fl-2015 saru attivitajiet ta’ marketing fl-Italja fil-Germanja, Svizzera u Awstrija b’kampanji ta’ marketing dedikati għal din-niċċa kif ukoll attivitajiet bħal workshops u familiarisation visits ma’ operaturi turistiċi li jiffokaw fuq turiżmu LGBT. Fl-2016, il-ħidma ta’ promozzjoni fis-settur ta’ wedding tourism se tkompli tikkonsolida ruħha fir-Renju Unit, filwaqt li tintensifika fl-Italja u l-Ġermanja, Awstrija u l-Isvizzera u se tiġi varata fil-pajjiżi Nordiċi, L-Olanda, l-Belġju u l-Amerika. Skond informazzjoni miġbura mir-Reġistru Pubbliku, fl-2015 kien hemm 825 żwieġ fejn il-koppji kienu t-tnejn li huma ta’ nazzjonalita barranija.
Leg 12 PQ #22331 Sitting 348 2016-01-25 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS – proposti għal sit

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ min tefa’ l-proposta tiegħu għall-użu tas-sit tal-ITS u jgħid (b’mod ġenerali) x’kienet il-proposta ta’ kull min tefa’ l-offerta?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għandu jindirizza d-domanda parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.