Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — nefqa f'konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu f’konsulenti fil-Ministeru tiegħu nkluż dipartimenti u entitajiet bejn l-2008 u Marzu 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 1543.

Triq il-Kosta — Reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid s’issa kemm tħallas f’reklamar (għall-finijiet ta’ din il-mistoqsija, il-kelma reklami għandha tittieħed li tinkludi kemm dawk fuq it-television, kemm dawk fuq ir-radju, kemm dawk fuq il-gazzetti u l-online portals, kif ukoll fuq google adverts jew permezz ta’ kwalunkwe medium ieħor) dwar il-proġett ta’ Triq il-Kosta mill-1 ta’ Jannar 2015 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kif ukoll il-valur ta’ reklami dwar il-proġett ta’ Triq il-Kosta li għadhom ma tħallsux imma huma bbukjati? Jista jgħid jekk dawn ir-reklami tħallsux jew hux se jitħallsu minn Fondi Ewropej, jew jekk tħallsux jew hux se jitħallsu minn xi fond ieħor? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont li tħallas jew se jitħallas minn kull fond ieħor?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont li ntnefaq f’reklamar fuq il-proġett ta’ Triq il-Kosta mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-lum huwa ta’ € 8,953.68 (Vat mhux inkluża). Dan l-ammont tħallas kollu minn fondi lokali. Ma fadal l-ebda reklami oħra li huma bbukjati u li għadhom ma tħallsux. Ta’ min jinnota li dawn ir-reklami ma kinux jinvolvu promozzjoni tal-proġett nnifsu iżda avviżi lill-pubbliku rigward road closures u devjazzjonijiet rigward dan il-proġett.

Trasport Pubbliku — reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid s’issa kemm tħallas f’reklamar (għall-finijiet ta’ din il-mistoqsija, il-kelma reklami għanda tittieħed illi tinkludi kemm dawk fuq it-tv, kemm dawk fuq ir-radio, kemm dawk fuq il-gazzetti u l-online portals, kif ukoll google adverts jew permezz ta’ kwalunkwe medium ieħor) dwar it-Trasport Pubbliku mill-1 ta’ Jannar 2015 sad-data illi fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kif ukoll il-valur ta’ reklami dwar it-Trasport Pubbliku illi għadhom ma tħallsux imma huma bbukjati? Jista’ jgħid jekk dawn ir-reklami tħallsux jew hux se jitħallsu minn Fondi Ewropej, jew jekk tħallsux jew hux se jitħallsu minn xi fond ieħor? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont illi tħallas jew se jitħallas minn kull fond imsemmi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont li ntnefaq f’reklamar fuq it-trasport pubbliku mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-lum huwa ta’ € 22,127.24. Dan l-ammont tħallas kollu minn fondi lokali. L-ammont f’reklamar li ġie bbukjat imma għadu ma tħallasx huwa ta’ €32,535.02. Ninsab infurmat ukoll li ġew allokati €350,000 f’fondi mill-Unjoni Ewropea għal reklamar fuq trasport pubbliku, speċifikament fuq il-kampanja sabiex tippromwovi l-użu tat-trasport pubbliku u tal-linja card. Ta’ min wieħed jinnota wkoll, li fiż-żmien li l-operat tat-trasport pubbliku kien immexxi mill-kumpanija Arriva, Transport Malta kienet ħallset €62,000 f’reklamar dirett u €77,808 oħra li tħallsu mill-Arriva u ġew reimbursed minn Transport Malta.

Għawdex — Transport Malta – fuel

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra u jgħid x'inhi l-proċedura li tintuża, mis-sezzjoni ta' Transport Malta f'Għawdex, meta jiġu biex jagħżlu l-post min fejn ikun fornut il-fuel lill-vetturi li jintużaw minn din is-sezzjoni? Minn fejn, xahar b'xahar, inxtara l-fuel mill-1 ta' April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta m’għandha l-ebda proċedura li tistabilixxi liema petrol station għandha tintuża anki minħabba li m’hemm l-ebda varjazzjoni fil-prezzijiet bejn petrol station u oħra. Minn April 2013 sa Novembru 2014 il-fuel kien jiġi fornut minn Azzopardi Enterprises Ltd. Wara dan iż-żmien, Transport Malta ntroduċiet l-użu ta’ fuel buttons u minħabba li din il-petrol station ma kinitx toffri din il-faċilità, intagħżlet petrol station oħra li hi JF Attard Service Station.

Toroq rurali – fondi ewropej

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17261, jista’ l-Ministru jgħid liema kriterji ntużaw biex intgħażlu dawn it-toroq rurali biex isir ix-xogħol fihom? Min issuġġerixxa li jsiru dawn it-toroq rurali fil-lista mogħtija fil-mistoqsija parlamentari hawn fuq imsemmija? Jista’ jgħid kemm hemm bdiewa full-timers u part-timers, għal kull triq separatament, li ser igawdu jew gawdew mix-xogħol li sar jew ser isir f'dawn it-toroq rurali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi l-kriterji li ntużaw huma : - Id-daqs tal-komunitajiet rurali - Il-kundizzjoni tat-triq - Il-valur tax-xogħol skont l-istima. Infurmat ukoll li l-lista mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra bħala parti mit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 17261 hija iffinalizzata skont il-kriterji msemmija. Kien hemm konsultazzjoni mal-kunsilli lokali fit-territorji rurali u mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fost entitajiet oħrajn. L-Onor. Interpellant jifhem li peress li dawn l-interventi saru f’żoni rurali u bejn l-għelieqi, hemm numru kbir ta’ bdiewa u raħħala li qed jibbenefikaw minn dawn l-interventi.

Għasri — Fanal tal-Ġordan - titolu ta' art

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20768, jista’ l-Ministru jagħti d-data meta saret l-applikazzjoni għar-restawr tal-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri Għawdex minn Transport Malta? Jista’ jgħid meta nħareġ il-permess u jekk dan fil-fatt skadiex f’Awwissu li għadda u mhux kif indika fir-risposta tiegħu li se jiskadi fl-24 ta’ Novembru 2015? Għaliex Transport Malta ħalliet dan il-permess jiskadi u ma għamlet l-ebda manutenzjoni fuq dan il-Fanal storiku? Jista’ jgħid għaliex issa applika l-Ministeru għal Għawdex għar-renewal tal-permess u mhux Transport Malta? Jista’ jgħid Transport Malta kemm qed iddaħħal mill-kiri ta’ dan il-Fanal jew partijiet minnu, mill-Università ta’ Malta, u mill-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament? Hemm kumpaniji jew entitajiet oħra li qed jużaw xi partijiet minn dan il-Fanal u jekk iva, għal liema skop?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-permess oriġinali, kuntrarjament għal dak li ntqal fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 20768, fil-fatt skada fil-31 ta’ Marzu 2015. L-applikazzjoni oriġinali fil-fatt kienet saret għan-nom ta’ Din l-Art Ħelwa. Wara diversi diskussjoniijet bejn Transport Malta u l-Ministeru t’Għawdex, issa huwa maħsub li l-Ministeru t’Għawdex ikompli bl-applikazzjoni u xogħlijiet ta’ restawr għal dan il-Fanal. Ninsab infurmat li l-kumpaniji msemmija jħallsu €4500 fis-sena (overtime eskluż) għall-kiri tal-użu ta’ dan il-Fanal, filwaqt li l-Universita’ ta’ Malta ma tħallas xejn. M’hemm l-ebda kumpaniji oħra li qed jagħmlu użu mill-Fanal tal-Ġordan.

Kappara Junction – Ftuħ ta’ Triq tal-Franċiż fis-Swieqi

Question

Fid-dawl li se jkun hemm inkonvenjent inevitabbli minħabba għeluq f'arterji kawża tax-xogħlijiet fil-Kappara Junction, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani biex tinfetaħ Triq tal-Franċiż fis-Swieqi biex titnaqqas il-pressjoni tat-traffiku fi Triq il-Keffa s-Swieqi u jkun faċilitat il-passaġġ tat-traffiku minn Triq il-Qasam fiċ-ċentru tas-Swieqi għall-inħawi tal-Ibraġġ, Victoria Gardens u l-Madliena fid-dawl tal-fatt li l-ammont tat-traffiku devjat minn San Ġwann lejn is-Swieqi se jiżdied konsiderevolment minħabba l-proġett tal-Kappara Junction?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq tal-Franċiż mhiex identifikata bħala waħda mir-rotot ta’ devjazzjoni marbuta mal-proġett tal-Kappara.

Kappara Junction – Ftuħ ta’ Triq il-Terz fis-Swieqi

Question

Fid-dawl li se jkun hemm inkonvenjent inevitabbli minħabba għeluq f'arterji kawża tax-xogħlijiet fil-Kappara Junction, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani biex tinfetaħ Triq it-Terz, fis-Swieqi biex titnaqqas il-pressjoni tat-traffiku fi Triq il-Keffa s-Swieqi u jkun faċilitat il-passaġġ tat-traffiku minn partijiet minn Triq il-Keffa għal Triq l-Ibraġġ u dawk li jkunu ħerġin għal Triq St. Andrews fid-dawl tal-fatt li l-ammont tat-traffiku devjat minn San Ġwann lejn is-Swieqi se jiżdied konsiderevolment minħabba l-proġett tal-Kappara Junction?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq it-Terz mhiex identifikata bħala waħda mir-rotot ta’ devjazzjoni marbuta mal-proġett tal-Kappara.

Wied iż-Żurrieq — promenade

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra li jsiru CCTV cameras fit-tul tal-Promenade ta' Triq Wied iż-Żurrieq, Żurrieq/Qrendi biex il-vandaliżmu fuq din il-Promenade jonqos?

Response (MIZZI, JOE)

Ser nitlob lid -Diparment konċernat jikkunsidra s-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant .

Port il-Kbir – Cruise liner

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17791, jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad jekk il-cruise liner tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ingħatax il-permess biex jidħol fil-Port il-Kbir matul ix-xhur tas-Sajf 2015, minkejja li l-Kaptan kien infurmat b’theddida ta’ bomba hekk kif kien se jitlaq mill-port tal-Greċja? Huwa infurmat li l-imsemmi cruise liner ipprova jidħol f’portijiet oħra imma ma ngħatax awtorizzazzjoni minħabba raġunijiet ta’ sigurtà peress li kien informa l-awtoritajiet konċernati bit-theddida ta’ bomba? Jaf f’liema portijiet dan il-cruise liner ipprova jidħol qabel ingħata l-awtorizzazzjoni biex jidħol fil-Port il-Kbir? Huwa nfurmat jekk il-cruise liner ingħatax l-awtorizzazzjoni biex jidħol fil-Port il-Kbir mal-ewwel talba? Jekk mhux mal-ewwel talba, jaf ma’ liema attentat il-cruise liner tħalla jidħol fil-Port il-Kbir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda theddida ta’ bomba abbord il-cruise liner tal-kumpanija MSC matul ix-xhur tas-sajf.

Kappara Junction – Triq il-Pellikan — karozzi

Question

Ġaladarba jibda x-xogħol fuq il-Kappara Junction, jista’ jgħid jekk buses u heavy vehicles hux se jitħallew jgħaddu minn Triq il-Pellikan? X’se jkun qed jagħmel il-Ministeru sabiex jara li ma jkunx hemm periklu kemm għall-vetturi li jgħaddu minnha, kif ukoll għar-residenti, u dan peress li t-traffiku li se jgħaddi minnha se jiżdied konsiderevolment ġaladarba jibda x-xogħol fuq il-Kappara Junction?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 20669.

Is-Swieqi u San Ġwann – triq tal-wied — pedestrians

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-triq tal-wied li hemm bejn is-Swieqi u San Ġwann hijiex se tkun magħluqa għall-pedestrians meta jinbeda l-proġett tal-KapparaJunction? Jekk le, jista’ jgħid xi prekawzjonijiet se jkun qed jieħu sabiex jassigura li ma jkunx hemm periklu fit-triq, u dan peress li din it-triq ma fihiex bankini?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ser tkun qed twessa’ din it-triq f’postijiet fejn l-istess triq in kwistjoni bħalissa hija dejqa li ma tippermettix żewġ vetturi jgħaddu kontra xulxin. Dawn ix-xogħlijiet huma ntenzjonati biex itejbu s-sigurta’ għal kull min juża din it-triq.

Is-Salini – Triq il-Katakombi – rranġar ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tibda tinbena/tittranġa Triq il-Katakombi ġewwa s-Salini?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lilll-Onor. Interpellant tirreferi għar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 19188 u 20233.

Il-Marsa – proġetti infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-proġetti infrastrutturali u ta’ toroq li twettqu fil-Marsa fl-2014 u fl-2015 sal-lum? Jista’ jagħti lista dettaljata ta’ dawn il-proġetti u n-nefqa għal kull proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minnbara diversi xogħlijiet żgħar ta’ manutenzjoni u tiswija, f’din il-lokalita’ saru dawn ix-xogħlijiet: · Road surface repair works , Triq Garibaldi, Marsa, Estimate Euro 11,012.26. · Road surface repair works , Triq Aldo Moro, Marsa, Estimate Euro 65,019.07. · Road surface repair works fl- islip road fi Triq Diċembru Tlettax, Marsa, Estimate Euro 98,800,00. · Road surface repair works fil-Ħamrun/Marsa Bypass, Marsa, Estimate Euro 281,200. · Installazzjoni ta’ pelican crossing , xogħlijiet ta’ upgradin g fuq bus bay u footpath s fi Triq il-Labour, Marsa, Estimate Euro 8,000. · Xogħlijiet ta’ tiswija fuq il- bridge fi Triq Diċembru 13, Marsa, Estimate Euro 50,000. · Patching works at Triq Aldo Moro, Marsa, Estimate Euro160,000. · Triq it-Tiġrija, Marsa, Estimate Euro 310,000. · Xogħlijiet fil-Malta Shipbuilding icw Junior Eurovision, Marsa, Estimate Euro120,000. · Kostruzzjoni ta’ Underpass/Sea Passenger Link , Triq Diċembru 13, Marsa, Estimate Euro 7M

Tal-Pietà u Ġwardamanġia – proġetti infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-proġetti infrastrutturali u ta’ toroq li twettqu f’Tal-Pietà u Gwardamanġia fl-2014 u fl-2015 sal-lum? Jista’ jagħti lista dettaljata ta’ dawn il-proġetti u n-nefqa għal kull proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet wettaq dan ix-xogħol fil-lokalita’ tal-Pieta’ u Gwardamanġia fil-perjodu imsemmi; Zuntier tal-Knisja tal-Madonna ta’ Fatima €15,000 Ex-Sptar San Luqa – Bini mill-ġdid ta’ ħitan u xogħlijiet oħra €61,615 Barra minn hekk, Transport Malta minnbara diversi xogħlijiet żgħar ta’ manutenzjoni u tiswija, f’din il-lokalita’ għamlet u qed tagħmel dawn ix-xogħlijiet: · Resurfacing works , Triq Gwardamangia u Triq Hookham Frere, Pieta’, Stima ta’ €340,000,00. · Xogħliijiet ta’ manutenzjoni fl-akwati ta’ l-Isptar San Luqa, Pieta’, Stima ta’ €48,000.

Santa Venera – proġetti infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-proġetti infrastrutturali u ta’ toroq li twettqu f’Santa Venera fl-2014 u fl-2015 sal-lum? Jista’ jagħti lista dettaljata ta’ dawn il-proġetti u n-nefqa għal kull proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minbarra diversi xogħlijiet żgħar ta’ manutenzjoni u tiswija, f’din il-lokalita saru dawn ix-xogħlijiet: • Kostruzzjoni u asfaltar ta’ p/o Triq l-14 ta’ Novembru u Triq il-Kanonku Bonnici, Santa Venera, Stima ta’ Euro 90,572.50. • Kostruzzjoni u asfaltar ta’ n/s ġewwa Triq l-Imsida (Triq il-Madonna tal-Kkarmnu), Santa Venera, Stima ta’ Euro 178,644,10. • Tiswijiet ta’ wiċċ it-triq, Triq Ġuże’ Flores, Santa Venera, Stima ta’ Euro 115,000,00. • Bdil ta’ crash barriers, Triq Reġjonali, Santa Venera, Stima ta’ Euro 15,000.

Santa Venera – Bus Shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il bus shelter twaħħlu fil-lokalità ta’ Santa Venera fl-2014 u fl-2015 sal-lum? Jista’ jgħid fejn twaħħlu u jgħid jekk ġiex deċiż li jitwaħħlu bus shelters oħra f’din il-lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-perjodu imsemmi ma’ twaħħlu l-ebda bus shelters fil-lokalita ta’ Santa Venera. Infurmat ukoll li Transport Malta kkunsidrat li twaħħal bus shelter ġdid fi Triq il-Kappillan Mifsud, kif ukoll li tibdel il-bus shelter li hemm fi Triq il-Kbira San Ġużepp. Madanakollu, minħabba limitazzjoni ta’ spazju f’dawn iż-żewġ postijiet, ma’ setgħux jitwaħħlu bus shelters tat-tip illi preżentament qegħdin jintużaw. Għaldaqstant, Transport Malta qeda tevalwa alternattivi oħra sabiex tkun tista’ twaħħal bus shelters ġodda f’dawn iż-żewġ postijiet.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – ħaddiema li rtiraw

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 20764, jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalità joqogħdu l-25 Assistant Enforcement Officers li ġew ingaġġati minn Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 19524.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – reklamar dwar il-Budget 2016

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew ir-reklami dwar il-Budget 2016, kemm dawk fuq it-television, kemm dawk fuq ir-radju, kemm dawk fuq il-gazzetti u l-online portals kif ukoll dawk bħala google adverts, sew jekk diġà dehru u kemm jekk għad iridu jidhru, in konnessjoni ma’ materja li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni mitluba tinġabar.

Ħal Qormi — Triq San Franġisk

Question

Jista' l-Ministru jara jekk Triq San Franġisk f'Ħal Qormi tkunx ikkunsidrata one-way?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta rċeviet petizzjoni minn għaxar residenti sabiex Triq San Franġisk issir f’direzzjoni waħda għat-traffiku. L-Awtorita’ qed tikkonsulta mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi rigward din it-talba. Fil-frattemp, l-Awtorita’ analizzat ukoll din it-talba u jirriżulta li jekk din it-triq issir f’direzzjoni waħda tat-traffiku ser ikun hemm problema ta’ ċirkolazzjoni tat-traffiku fil-qalba tar-raħal.