Jista' l-Ministru jgħid hemmx informazzjoni kemm persuni użaw laneċ minn Tas-Sliema lejn il-Belt fid-9 ta' Mejju meta saret il-Quddiesa Pontifikali fuq il-Fosos tal-Furjana?
Jistax dan is-servizz, kif wkoll ieħor simili mill-Kottonera, jibda jiġi organizzat b'mod skedat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-servizz bil-laneċ bejn tas-Sliema u l-Belt huwa servizz bi skeda.
Jien infurmat ukoll li s'issa ma kienx hemm min jipprovdi servizz simili bejn il-Kottonera u l-Belt.
Dwar l-ewwel parti tad-domanda, peress li s-servizz ingħata minn entita' kummerċjali privata, mhux possibli li nagħti figuri.
Jista' l-Ministru jgħid kemm normalment jieħu ħin test tal-V.R.T?
Kemm hawn Test Lanes ġo pajjiżna?
Kemm saru VRT tests is-sena l-oħra?
Kemm saru VRT tests fuq kull lane partikolari?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li normalment it-test tal-VRT jieħu madwar 20 minuta għat-tieni klassi u madwar 25 minuta għat-tielet klassi.
F'pajjiżna hawn erbgħa u tletin Testing Stations awtoriżżati, tletin minnhom jistgħu jittestjaw il-vetturi tat-tieni klassi biss, tnejn minnhom il-vetturi tat-tieni u t-tielet klassi u tnejn oħra li għandhom Test Lane waħda li fuqha jistgħu jittestjaw iż-żewġ klassijiet. Għalhekk f'pajjiżna hawn sitta u tletin Test Lanes b'kollox.
Fis-sena 2000 saru 96,016 VRT.
L-aħħar parti tal-mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant hija ta' natura kummerċjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi ġodda reġistrati fl-ewwel 3 xhur tas-sena f'Malta u Għawdex din is-sena? Kemm kien l-istess numru għall-ħames snin li għaddew sena b'sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' karozzi reġistrati fl-ewwel tlett xhur tas-sena huwa kif ġej:
sa 31.03.1996 - 4,461
sa 31.03.1997 - 3,328
sa 31.03.1998 - 2,935
sa 31.03.1999 - 3,734
sa 31.03.2000 - 4,505
sa 31.03.2001 - 3,038
Fuq talba ta' diversi anzjani, jista' l-Ministru jara li tiġi ikkunsidrata l-possibilita' li n-number plates tal-karozzja tal-linja ikunu luminous jew ikunu b'kulur bright għaliex nies fl-istages tal-karozzi tal-linja isibu diffikulta biex jgħarfu il-bus li tkun ġejja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku, ser tara ma' l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku x'jista' jsir għal dan is-suġġeriment validu.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir t-twessiegħ ta' Triq San Tumas f'Ħal Luqa li ilha ppjanata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq għandu l-pjan li t-triq mill-Ajruport sa Burmarrad tiġi upgraded u xogħol fuq din it-triq isir skond il-programm li qed jiġi stabbilit għal kull fażi ta' dan il-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru dawn it-toroq f'Ħaż-Żabbar?
(i) Triq il-Għasel
(ii) Wesgħa Alofju Wignacourt
(iii) Triq Ġużeppi Micallef
Jista' l-Ministru jagħti l-aħħar tagħrif dwar ix-xogħol ta' twessiegħ ta' Triq ir-Redenture f'Ħaż-Żabbar u meta din se tingħata wiċċ ġdid peress li f'mistoqsija parlament biex indikat li dan ix-xogħol kien se jsir iktar qabel?
Response (GALEA, ĊENSU)
Filwaqt li nirreferi l-Onor Interpellant għar-risposta parlamentari Nru. 23019 jien infurmat li l-pożizzjoni għadha ma nbidlitx.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir l-ewwel fażi tat-tarmac tat-Triq Merħba, l-parti ż-żgħira li fadal issir ta' bejn it-toroq, Triq is-Sur sa Triq is-Summiena fil-Fgura?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jirrevedi l-programm għal asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jagħti (fil-qosor) x'miżuri iżjed ta' sigurta ittieħdu mill-Awtoritajiet Marittimi Maltin sabiex jiġu evitati diżastri bħal dak ta' l-Erika?
Response (GALEA, ĊENSU)
Il-politika ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta konsistentament hi waħda mmirata lejn is-salvagwardjar tal-ħajja fuq il-baħar u t-tħaris kontra t-tniġġiż ta' l-ambjent marittimu. Anke fuq skala internazzjonali dan huwa proċess kontinwu li dejjem qed jiġi mtejjeb. L-Awtoritajiet Marittimi qed isegwu mill-qrib dawn l-iżviluppi u Malta qed tagħti appoġġ sħiħ fil-fora internazzjonali għall-miżuri ġodda li qed jiġu proposti u li issa wkoll ġew introdotti fuq bażi internazzjonali. Barra minn hekk, fost affarijiet oħra, id-Direttorat tal-Bastimenti Merkanti fi ħdan l-Awtorita' Marittima f'Marzu tas-sena l-oħra introduċa miżuri iktar stretti għal dik li hija l-eta' massima ta' bastimenti biex jiġu rreġistrati taħt il-bandiera Maltija u għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-ispezzjonar tal-bastimenti. Dan wassal biex matul l-aħħar disa' xhur tal- 2000, 50 bastiment ġew rifjutati mir-reġistrazzjoni waqt li 40 oħra ġew ikkanċellati mir-reġistru Malti minħabba nuqqasijiet tekniċi. Dawn ilaħħqu għal madwar miljun tunnellata gross.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru dawn it-toroq (għal-ewwel darba) f'Wied il-Għajn;
i) Triq il-Kavallieri
ii) Triq il-Gran Mastri (parti minn)
iii) Triq is-Sibbien
Response (GALEA, ĊENSU)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsijiet parlamentari Nru. 23549 u 25635, jien infurmat li Triq il-Gran Mastri qiegħda fil-programm biex isir aktar 'il quddiem.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qegħdin fuq parental leave? Kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa? F'liema skala huma dawn l-impjegati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' impjegati li qegħdin fuq parental leave huwa kif ġej:-
SKALA NRU. TA' ĦADDIEMA IRĠIEL NISA
7 1 1 -
10 1 - 1
11 1 - 1
14 5 - 5
15 9 - 9
16 3 - 3
TOTAL 20 1 19
Jista' l-Ministru jgħid jekk tal-karrozzini għandhomx bżonn xi liċenzja mid-Dipartiment tal-Pulizija? Jekk fl-affermattiv, kemm hemm karrozzini liċenzjati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li tal-karozzini għandhom bżonn liċenzja tal-Pulizija. Dwar it-tieni mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jirriferiha lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-barklori għandhomx bżonn ta' xi liċenzja mid-Dipartiment tal-Pulizija? Jekk fl-affermattiv kemm hemm barklori li huma liċenzjati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm hemm kontijiet pendenti ma' kumpaniji privati u kuntratturi mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' jgħid separatament kemm jammontaw dawn il-kontijiet u x'jirrigwardjaw?
Response (GALEA, ĊENSU)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
Jista' l-Ministru jinfurmani bir-regoli li jridu jkunu konformi magħhom is-sewwieqa tat-trasport pubbliku lokali bis-sħubija ta' Malta fl-U.E.?
Kemm saru laqgħat ma' dawn il-ħaddiema u/jew rappreżentanti tagħhom dwar dan it-tibdil?
X'ġie propost min naħa ta' dawn ta' dawn is-sewwieqa u x'derogi u perjodi transitorji qed jipprevedi li jitlob il-Gvern sabiex ma jkunx mhedded l-impjieg ta' dawn il-ħaddiema?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal Position Paper dwar Chapter 9 - Transport Policy li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f'seduta Nru 534 fit-30 t'April mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin.
Jista' l-Ministru jara li l-parking bays li qed jiġu magħmulin fi Triq l-Isqof Tumas Gargallo, Tarxien jsiru fuq iż-żewġt naħat tat-triq minflok kif kien se jsir ċioe fuq naħa waħda biss u fuq in-naħa l-oħra yellow lines stante li din it-triq hija wiesgħa biżżejjed biex tippermetti dan li jsir?
Jaf l-Ministru li jekk dan mhux se jsir se jkun kaġun ta' diversi kwistjonijiet bejn il-ġirien f'din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-wisa' tat-Triq l-Isqof Tumas Gargallo ma tippermettix li jkun hemm parking fuq iż-żewġ naħat tat-Triq.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-posizzjoni tal-Gvern fil-konfront ta' sidien ta' garaxxijiet li kienu mibnijin f'ċajjiżna bil-permessi kollha rilevanti f'toroq li kienu għadhom mhumiex kompluti u wara qegħdin jitlestew, meta kif qed jiġri f'ħafna każi, jirriżulta eventwalment li dawn ikollhom bżonn li ssir rampa biex ikunu aċċessibbli? Jaf l-Ministru li mhux dejjem possibbli li l-art tal-garaxxijiet titbaxxa biex tiġi aktar livell tat-triq minħabba li jkunu mibnijin fuq basements ta' terzi persuni? Jaf il-Ministru li fil-prattika dawn ir-rampi bilfors iridu jsiru fuq il-bankina u anke fil-triq biex il-garaxxijiet ikollhom l-aċċess meħtieġ? Jaf li dan l-aġġustament irid isir mhux tort tas-sidien li jkunu bnew bil-perness u fuq livelli stabbiliti minn surveyors li wara meta ssir eventwalment it-triq jiġu skartati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħolijiet kollha tat-toroq li jkun qed jagħmel id-Dipartiment isiru skond il-livelli pprovduti mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar li hija responsabbli wkoll mill-ħruġ tal-livelli lill-iżviluppaturi minn meta jkun ser jibda xi xogħol ta' żvilupp f'xi triq. Jibqa diskutibbli jekk dawn l-iżviluppaturi isegwux il-livelli mogħtija lilhom mill-Awtorita' meta jkunu ser iwettqu l-iżvilupp li jkunu ġew mogħtija permess għalih. Bosta drabi jinqalgħu diffikultajiet minħabba li numru ta' żviluppaturi ma jsegwux il-livelli mogħtija.
Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm hemm kontijiet pendenti mal-Maltacom plc mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw dawn il-kontijet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Sakemm ma ningħatax raġuni `l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.