Jista' l-Ministru jgħid x'sar minn s-shares tal-Maltacom li kellhom jingħataw lil dawk li irtiraw?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għas-somma li l-impjegat jista' jikkwalifika għaliha wara t-tmiem ta' l-impjieg tiegħu meta jissarfu n-numru ta' units li għandu fil-Maltacom Employee Foundation.
Hawnhekk, ta' min jiċċara li l-Maltacom, bħala kumpanija, m'għandha x'taqsam xejn ma din il-materja.
Ninsab infurmat li t-Trustees tal-Fondazzjoni fuq imsemmija ħarġu stqarrija għall-istampa aktar kmieni din is-sena li fiha spjegaw il-pożizzjoni tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm hemm kontijiet pendenti mal-Maltacom plc mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw dawn il-kontijet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
Jista' l-Ministru jgħid x'jisimha l-kumpanija li qed tagħmel il-proġett tal-mina ta' taħt l-art li twassal mill-power station ta' Delimara għal power station tal-Marsa? Kemm huwa stmat li ser iqum dan il-proġett? Kemm huwa stmat li se jdum biex jitlesta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-kumpanija li qed tħaffer il-mina li mill-power station ta' Delimara twassal għall-post magħruf bħala r-"Refuse Disposal Centre" tal-Marsa hija Rockcut Limited li rebħet il-kuntratt wara sejħa pubblika. Skond il-kuntratt li jiswa Lm2,068,3229, ix-xogħol mistenni li jieħu sentejn biex jitlesta.
Jista' l-Ministru responsabbli mill-Korp. Enemalta jara li jsir dak ix-xogħol neċessarju fuq cables tad-dawl difettużi li jissuplixxu r-residenza Blk 14, Flat 1, ix-xatt ta' Bormla, Bormla?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li x-xogħol meħtieġ fl-inħawi msemmija għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet simili oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm barranin li għandhom kuntratt ta' xogħol mal-Malta Shipbuilding? X'inhu xogħolhom? X' inhu s-salarju ta' kull wieħed, u jekk hemm x'inhuma l-fringe benefits li għandhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Malta Shipbuilding ma għandha l-ebda kuntratt ta' xogħol ma' barranin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm barranin li għandhom kuntratt ta' xogħol mat-Tarzna ta' Bormla? X'inhu xogħolhom? X'inhu s-salarju ta' kull wieħed, u jekk hemm x'inhuma l-fringe benefits li għandhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-preżent it-tarzna timpjega barrani wieħed li jokkupa l-kariga ta' Chief Executive. Din il-persuna għandha salarju annwali ta' mitt elf lira sterlina u bħala "fringe benefits" għandu allowance għall-akkomodazzjoni, assikurazzjoni medika u huwa ntitolat għal għaxar biljetti ta' l-ajru fis-sena. Huwa ntitolat ukoll għal użu ta' karozza tal-kumpanija.
Tajjeb jingħad li taħt l-amministrazzjoni preċedenti kien hemm maħtura żewġ chief executives mal-Malta Drydocks b'kundizzjonijiet simili.
Jista' l-Ministru jara li transfer ta' telephone ta' persuna li d-dettalji tagħha jidhru separatament jitmexxa l-quddiem minħabba l-bżonn ta' dan is-servizz?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Maltacom ma għandha ebda abbonat bl-isem mogħti mill-Onorevoli Interpellant. Jekk jingħataw aktar dettalji, il-Maltacom tkun tista' tinvestiga din it-talba.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwaħħlu d-dwal fi Triq is-Santwarju f'Ħaż-Żabbar, meta l-arbli tal-dawl ilhom xhur (anzi snin) li twaħħlu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li fir-rigward ta' dan il-proġett, il-Korporazzjoni Enemalta kellha biss tforni lill-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żabbar bil-materjal meħtieġ. Fil-fatt, jiena nfurmat, li l-aħħar kunsinna ta' materjal biex jiġi konkluż il-proġett ġie mgħoddi lill-Kunsill imsemmi fit-18 ta' April li għadda.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar x'metodi alternattivi ta' enerġija (riħ/xemx) qiegħda tħares u tikkonsidra l-Enemalta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta, flimkien ma' grupp ta' studenti Amerikani mill-James Madison University u l-Institute for Energy Technology ta' l-Universita' ta' Malta, għandha żewġ proġetti f'dan il-qasam ta' enerġija alternattiva.
Fl-ewwel proġett, qed tiġi mistħarrġa l-possibilta' li tittella' wind turbine f'Delimara. Fit-tieni proġett, qed jiġi studjat kif bini jista' jkun aktar"energy efficient". B'mod partikulari qed tiġi studjata l-possibilta' li l-Uffiċju Distrettwali li l-Korporazzjoni għandha f'tas-Sliema jiġi modifikat biex jikkonserva aħjar l-enerġija.
Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex ma kienx hemm rapreżentant tas-segretarjat privat tiegħu u jew ta' d-Dipartiment konċernat fil-laqgħa li ġiet organizzata mill-uffiċċjali u l-ġenituri tal-iscouts group tar-Rabat nhar il-Ħadd 1 ta' April meta fis-Sala tal-Parroċċa tal-lokal ġiet diskussa l-problema tal-premises tar-Rabat Scout Group?
Jaf li tfal ta' l-iscout group tar-Rabat qed jiltaqgħu f'bini li ma huwiex attrezzat xejn biex jilqgħa lil dawn it-tfal?
Jaf li tfal tar-Rabat scout group ġew offruti temporanjament il-premises tal-Kunsill Lokali u li ma kienx għall-dan l-intervent tal-Kunsill tar-Rabat dawn it-tfal u l-uffiċjali tagħhom ma għandhomx fejn jiltaqgħu sal-lum?
Ma' jħossx li fid-dawl ta' dan in-nuqqas u ta' dan il-bżonn għandu jieħu l-passi u ċioe jaħtar persuna responsabbli ħalli fi żmien xahar jirrimedja din il-problema u tinstab soluzzjoni għat-talba pendenti tar-Rabat Scout Group, qabel ma tiggrava aktar is-sitwazzjoni u ssir xi traġedja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Ministru ta' l-Edukazzjoni għall-mistoqsija simili ta' dik li saret lili.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi tal-kiri mikrija fid-dekasteru tiegħu, fejn qegħdin, kemm swew is-sena l-oħra u kemm kien il-fuel bill tagħhom ?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta kellu jitlesta ir-rapport tal-kummissjoni immexxija mis-sur Lou Bondi' dwar l-industrija tal-films f'pajjiżna? Dan ser jigi ippublikat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li r-rapport tal-Kunsill Konsultattiv għall-industrija tal-Films tlesta. M'hemmx il-ħsieb li dan ir-rapport ikun ippubblikat. Madanakollu xi wħud mis-suġġerimenti magħmula qed jiġu attwati. Tajjeb jingħad li dan ir-rapport ser jiġi diskuss ma' persuni oħra f'din l-industrija. Dawn ser jiġu mistiedna jagħmlu l-kummenti tagħhom dwar ir-rapport.
Billi f'Chapter 6 dwar competition policy dwar negozjati mal-UE jingħad li matul l-ewwel tliet xhur tas-sena kellu jiġi mgħoddi state aid inventory lil kummissjoni ewropeja li jkopri l-state aid mgħoti mill-Gvern Malti fis-sena 1999, jistgħax jgħid sarx dan, jekk le, meta mistenni jsir dan, u tistgħax tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan id-dokument ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li fil-preżent l-iState Aid Monitoring Board qed jiffinalizza l-inventarju li qed issir riferenza għalih.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-perċentaġġ ta' ilma prodott mill-impjanti tar-reverse osmosis meta' mqabbel mall-perċentaġġ ta' ilma imtellgħa mill-art mill-bidu tas-sena sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bejn l-1 ta' Jannar u l-10 ta' Mejju tas-sena kurrenti, il-produzzjoni ta' l-ilma li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għaddiet għas-sistema pubblikata tad-distribuzzjoni kienet hekk:
Ilma mill-impjanti tar-Reverse Osmosis 46.4 fil-mija jew 5,318,104 metri kubi
Ilma ta' taħt l-art (underground) 53.6 fil-mija jew 6,138,491 metri kubi.
Tajjeb jingħad li matul dan il-perjodu kien hemm madwar 20 jum li matulhom kien hemm nuqqas ta' produzzjoni ta' 18,000 metri kubi ta' ilma kuljum mill-impjanti tar-Reverse Osmosis minħabba azzjonijiet industrijali.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk f'dawn l-aħħar xhur il-korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kkummissjonatx xi studju fuq il-kwalita' ta' l-ilma?
Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan l-istudju?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kkummissjonat tlitt kumpaniji barranin biex jagħmlu testijiet dwar il-kwalita' ta' l-ilma f'Malta u Għawdex.
Ir-riżultati prinċipali ta' dawn l-istudji diġa' ġew ippubblikati fir-Rapport Annwali tal-Korporazzjoni li kopja tiegħu kienet tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta Triq Ħal Farruġ, f'Ħal Luqa se jiġi installat street lighting adekwat minħabba li f'diversi areas hija diżabitata u allura s-sitwazzjoni tippreżenta nuqqas ta' sigurta' għal dawk kollha li joqgħodu f'din it-triq, għal dawk li għandhom postijiet tax-xogħol kif wkoll għal kull min jgħaddi mit-triq partikolarment f'ċertu ħinijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jġsta' l-Mġnġstru jgħġd x'tġp ta' ġndustrġja suppost hġja awtorġzzata lġ taħdem mġll-ġndustrġal Estate ta' Ħal Luqa, qrġb l-area magħrufa bħala Ħal Farruġ
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-tip ta' industrija approvata jew maħsuba għall-Qasam Industrijali ta' Ħal Luqa hija dik ta' panel beater, mekkanik, spray painter, mastrudaxxa, manifattura ta' diterġenti, inġinerija u industrija oħra ħafifa.
Jista' l-Ministru jgħid x'sistemi jeżistu fuq il-vapuri Gozo Channel Co Ltd biex fuq kull vjaġġ ikun magħruf kemm qed jivvjaġġaw passiġġieri?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Gozo Channel tuża tlitt sistemi biex jingħaddu l-passiġġieri li jitilgħu abbord. Dawn huma:
1. Il-Kaptan jew Officer li jkun fuq ir-rampa jgħodd permezz ta' "hand counter" kull passiġġier li jitla'.
2. It-Terminal Assistants jagħtu "boarding cards" lil kull passiġġier. Qabel ma jitqassmu dawn il-cards, jinħareġ l-ammont mitlub skond il-kapaċita' tal-vapur.
3. Mill-ġbir tal-biljetti li jingħataw il-passiġġieri. Dan isir fl-Imġarr biss.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm lifeboats fuq il-vapuri li joperaw bejn Malta u Għawdex, vapur b'vapur? Huma meqjusa biżżejjed u għandhom ekwipaġġ adekwat f'każ ta' evakwazzjoni b'emerġenza?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-apparat kollu ta' sigurta', li ovvjament jinkludi l-lifeboats jew liferafts, li hemm fuq il-vapuri kollha jikkonferma mar-regolamenti tas-SOLAS. Dan l-apparat jiġi ċertifikat mil-Klassi tal-vapur (Classification Society) u mis-surveyor ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta u wara jinħareġ is-"Certificate of Seaworthiness" tal-vapur min-naħa ta' l-imsemmija Awtorita'.
Tajjeb jingħad li l-vapur ma jistax jopera mingħajr dan iċ-ċertifikat, li l-Awtorita' Marittima ta' Malta iġġedded kull sena wara li l-Klassi u s-Surveyor ta' l-imsemmija Awtorita' jkunu vverifikaw li kollox huwa konformi mal-liġijiet applikabbli, inkluż is-SOLAS.
Waħda mill-kundizzjonijiet tal-Klassi hija li fuq il-vapur irid ikun hemm biżżejjed tagħmir ta' sigurta', inkluż lifeboats/liferafts, f'każ ta' evakwazzjoni waqt emerġenza.