Legislature:
Category:
Reset
Active:

park tan-nofsinhar — kummerċ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kummerċ hu mistenni li jsir fil-park tan-nofsinhar? Meta hu mistenni li jinħarġu l-offerti għal dan il-kummerċ? X'kundizzjonijuiet hu mistenni li jkun hemm marbuta ma' dawn l-istess inizjattivi ta' kummerċ f'dawn in-naħat?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi se tinħareġ Sejħa għall-Interess fil-ġejjieni qrib li fiha se jkun hemm id-dettalji neċċessarji.

Legal Notice 244 – annimali bi problemi

Question

B’referenza għal-legal notice 244 tal-2013 li tgħid li annimali bi problemi kbar fiżjoloġiċi u psikoloġiċi m’għandhomx jiġu offruti għall-bejgħ, jista’ l-Ministru jispeċifika eżatt il-kundizzjonijiet psikoloġiċi li hu qed jirreferi għalihom peress li l-legal notice tgħid li dawn l-annimali jridu jiġu kkurati jew maqtula?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li r-responsabbilta` li jiġi stabbilit jekk annimali offruti għall-bejgħ ikollomx problemi kbar fiżjoloġiċi jew psikoloġiċi hija tas-sid tal-Pet Shop b’konsultazzjoni mal-veterinarju responsabbli skont kif stabbilit minn paragrafu 9.6 tal-Avviż Legali.

Legal Notice 244 – mortalities ta’ annimali

Question

B’referenza għal-legal notice 244 tal-2013 li tispeċifika li l-veterinajru jrid jiċċertifika mortalities li jeċċedu ’l fuq minn 10% ta’ stock, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma t-time frames (10% mortality fix-xahar jew fis-sena)?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li din ir-referenza tal-Avviż Legali 244 tal-2013 li tispeċifika li l-veterinarju jrid jiċertifika il-mortalities ta’ annimali ‘l fuq minn 10% ta’ stock tfisser li jekk imutu iktar minn 10% tal-annimali f’mument wieħed - u mhux f’tul taż-żmien - dan irid jiverifikaħ u jiċċertifikaħ il-veterinarju allokat u responsabbli mill-Pet Shop.

Veterinary Regulation Department

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra min hu/hi d-DG tal-Veterinary Regulation Department? Jista’ jgħid x’inhi l-operational financial budget allokat għall-Veterinary Regulation Department u kemm intużaw flus minn dan il-budget sal-14 ta’ Marzu 2014?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Veterinary Regulation Department fil-preżent huwa mmexxi minn Dr Roberto Andrea Balbo, aġent Direttur Ġenerali, kif mħabbar fil-Gazzetta tal-Gvern tas-27 ta’ Jannar 2014. L-Onor. Interpellant huwa mitlub jispeċifika għal liema operational financial budget qed jirreferi.

Annimali rkantati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-checklist u inspections li jridu jsiru fuq annimali li jiġu auctioned (bħal ħamiem)? Dawn huma koperti mil-legal notice?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li kull tip ta’ attivita li hija definita bħala Pet Shop skont l-Avviż Legali 244 tal-2013 irid isegwi r-regoli li huma preskritti fiha. Iċ-checklists li hemm huma l-istess għal kull tip ta’ attivita li taqa’ f’din id-definizzjoni ta’ Pet Shop. Dawn ċ-checklists huma biss ‘aide memoire’ għal dak l-ispettur li ser ikun qiegħed jagħmel l-ispezzjonijiet.

Legal Notice 244 – Veterinarji on call

Question

B’referenza għal-legal notice 244 tal-2013 tirrikjedi veterinarju assenjat, jista’ l-Ministru jgħid x’jiġri jekk dan il-veterinajru jkun indispost? Il-Gvern għandu ħsieb li jkollu veterinarju on call li jieħu ħsieb dawn l-eventwalitajiet jew il-veterinarju assenjat irid iħalli lil xi ħadd ieħor on call?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li s-sid responsabbli ta’ Pet Shop huwa dejjem responsabbli għall-annimali tiegħu. L-Avviż Legali 244 tal-2013 tirrikjedi veterinarju assenjat li ser ikun l-ewwel persuna li jrid iffitex dak il-Pet Shop għal-kura tal-annimali fil-pussess tiegħu u anki għal-pariri fuq is-saħħa u trattament xieraq tal-annimali. Jekk dak il-veterinarju assenjat ikun indispost, is-sid irid xorta jfittex veterinarju għal kura tal-annimali li qiegħdin fil-pussess tiegħu. Il-veterinarji li jaħdmu mal-annimali għandhom back up ta’ veterinarji li jaħdmu erbgħa u għoxrin siegħa. Il- funzjoni tal-Gvern mhux dak li jipprovdi s-servizz għal-Pet Shops iżda biex jirregolhom u jivverifika li l-kundizzjonijiet imsemmija f’din il-liġi huma mħarsa bl-għan li jiggarantixxi l-ħarsien tal-annimali.

Microchipping fuq annimali domestiċi – linji gwida

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra linji gwida fuq proċeduri ta’ microchipping ta’ annimali domestiċi (mhux klieb u qtates)?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li linji gwida fuq proċeduri ta’ microchipping ta’ annimali domestiċi jinstabu fil-Legiżlazzjoni Sussidjarja 437.101.

esportazzjoni tal-majjal

Question

Billi riċentement is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-biedja ta indikazzjoni li kienu għaddejjin xi diskussjonijiet dwar l-esportazzjoni tal-majjal, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar ma' min saru dawn l-istess diskussjonijiet, u x'riżultati nkisbu sa issa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li d-diskussjonijiet tal-esportazzjoni tal-majjal saru ma’ diversi pajjiżi tramite l-Ambaxxati tagħna f’dawn il-pajjiżi. It-taħditiet għadhom għaddejin u għalkemm kien hemm interess f’ċerti pajjiżi, minħabba żviluppi internazzjonali li seħħu f’dawn l-aħħar ġimgħat li kkaġunaw waqa fil-prezz tal-majjal fis-suq internazzjonali, ma jidhirx li fil-preżent tista’ timmaterjalizza esportazzjoni tal-majjal f’dan il-perjodu.

sajjieda — skema tal-closed season

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8315, billi jien ma nixtieq l-ebda informazzjoni iżda qed nitlob informazzjoni dwar il-perijodu taż-żmien li fih is-sajjieda ma jistgħux jistadu, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il closed season għandna f'Malta li jaffettwa s-sajd? Jista' jagħti tagħrif mitlub għad-mistoqsija parlamentari 8315?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li f’Malta l-closed seasons regolati huma dawk tal-Pixxispad u tal-Lampuki. Is-sajda tal-Pixxispad tkun magħluqa matul ix-xhur sħaħ ta’ Marzu, Ottubru u Novembru. Fil-każ tal-Lampuki s-sajd jiġi awtorizzat mill-15 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Diċembru biss.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — impjegati b'kuntratt indefinit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-impjegati fi ħdan il-Ministeru tiegħu li l-kuntratt definit tagħhom sar wieħed indefinit matul Jannar, Frar u Marzu 2013? Jista’, għal kull impjegat jgħid x’kienet id-data ta’ meta l-kuntratt definit tiegħu sar wieħed indefinit? Jista’ jgħid min kien li ffirma kull ittra li biha kull kuntratt definit sar wieħed indefinit? Jista’ jgħid każ b’każ x’kienet il-kariga ta’ kull impjegat? Jista’ jgħid każ b’każ l-istatus li fih l-impjegati kkonċernati ngħataw l-impjieg b’mod indefinit?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li n-numru ta’ Uffiċjali Pubbliċi li kellhom il-kuntratt definit tagħhom mibdul f’wieħed indefinit kien ta’ 30. F’kull każ id-data effettiva kienet dik tal-14 ta’ Jannar 2013, li hija d-data tal-Memorandum of Understanding iffirmat bejn il-Gvern u l-Union Ħaddiema Magħqudin. L-ittri lill-Ufiċjali ġew iffirmati mis-Segretarji Permanenti ta’ dak iż-żmien, l-Inġinier Christopher Ciantar (MRRA) u John Gatt (MITC) . Waħda mill-ittri biss ġiet iffirmata minn Direttur Ġenerali u dan presubilment kien minħabba każ ta’ parentela. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Ċensiment tal-biedja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jerġa’ jsir ċensiment tal-biedja f'pajjiżna? Meta sar l-aħħar ċensiment? Jista' jgħid jekk fil-preparazzjoni ta' dan iċ-ċensiment ġdid li jista’ jkun qed isir, hux se jkun hemm tibdil fil-mod kif tinġabar l-informazzjoni, fis-sens li se jkun hemm bidla fid-domandi li kien hemm qabel?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.

Bejgħ ta' siġar tal-frott

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk din is-sena sarx bejgħ ta' siġar tal-frott għat-tħawil fl-għelieqi, lill-bdiewa full-time lill-bdiewa part-time u lid-delettanti mid-dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru? Jekk iva, kemm inbiegħu minn dawn is-siġar, u ta' liema frott, f'ammonti għal kull kwalità ta' frott inbiegħu siġar lil dawn il-persuni?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta għall-ewwel parti tal-mistoqsija hija fl-affermattiv. Skont l-informazzjoni li għaddewli qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqija.

Sajd tat-tonn

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' sajjieda li ħadu sehem fis-sajd tat-tonn matul l-2013 u kemm hu mistenni li jkun in-numru ta' sajjieda li aktarx jieħdu sehem f'dan is-sajd din is-sena? Kemm hu mistenni li jinqabad tonn (bħala massimu ta' kwota) din is-sena? Minn liema lokalitajiet huma s-sajjieda li ħarġu għas-sajd tat-tonn is-sena li għaddiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li n-numru ta’ bastimenti tas-sajd li ħadu sehem fis-sajd tat-tonn matul l-2013 kien ta’ tlieta u għoxrin (23) bastiment. In-numru ta’ bastimenti għal din is-sena mistenni li jkun l-istess. Il-kwota massima ta’ l-2014 hija ta’ 160.02 tunnellata. Ninsab infurmat ukoll li l-lokalitajiet minn fejn għandhom ir-residenza tagħhom is-sajjieda sidien tal-bastimenti li ħadu sehem fis-sajd tat-tonn matul l-2013 huma dawn li ġejjin: Birżebbuġa, Għargħur, Marsaskala, Marsaxlokk, Mellieħa, Mġarr, Msida, San Pawl il-Baħar, Siġġiewi, Żejtun u Xewkija (Għawdex).

Pitkalija — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq it-titjib li hemm ippjanat li jsir fil-pitkalija f'Ta' Qali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-proġett pilota flimkien mal-Koperattiva tal-Bdiewa miexi kif ippjanat u jinkludi ħruġ ta’ tenders fosthom għax-xiri ta’ magni u għax-xiri ta’ kaxxi, kif ukoll għadejjin negozjati mal- MITA għal sistema ġdida tal-IT. Ninsab infurmat ukoll li xogħol ieħor li jifforma parti mir-riforma tal-Pitkalija jibda meta jkunu ffinalizati l-pjanijiet.

esportazzjoni ta' patata

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li tibda l-esportazzjoni (il-moviment tal-prodott tal-patata lokali), minn Malta għall-pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropewa din is-sena? Lejn liema pajjiżi hu mistessi li jintbagħtu l-prodotti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li kif naħseb li jaf tajjeb l-Onor. Interpellant dan is-settur ilu għal snin twal immexxi mill-privat. L-informazzjoni li qed tintalab hija waħda kummerċjali.

Bdiewa — bejgħ ta' prodotti fil-Farmers Market

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' permessi li ħarġu lill-bdiewa biex ikunu jistgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom fil-farmers market tal-Birgu? Kemm minnhom fil-fatt qed jarmaw f'dan is-suq? Kemm mill-bdiewa li ngħataw permess mhux qed jagħmlu użu minn dan l-istess permess? X'inhuma r-raġunijijet għal dan il-fatt?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li n-numru ta' permessi li ħarġu lill-bdiewa biex ikunu jistgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom fil-farmers market tal-Birgu huwa ta’ 12. Minn dawn, 10 bdiewa qed jarmaw f’dan is-suq. Hemm żewġt bdiewa li mhux qed jarmaw għax bħalissa m’għandhomx prodotti tagħhom xi jbiegħu.

Qatla ta' annimali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qatla, f'termini ta' piż għal dak li jikkonċerna l-majjal, iċ-ċanga, il-fniek u nagħaġ/mogħoż, xahar b'xahar matul is-sena li għaddiet? Kif jitqabbel dan il-piż mal-qatla tal-istess xhur, fis-sentejn preċedenti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

sajjieda — skema tal-closed season

Question

Jista' l-Ministru jagħit tagħrif dwar kemm hemm sajjieda li għażlu li jipparteċipaw fl-iskema tal-closed season għas-sajjieda, matul l-aħħar sentejn? Kemm kienu l-bastimenti involuti, u kemm kien hemm persuni li fil-fatt ħadu sehem f'din l-iskema? Minn liema lokalitjiet huma dawk li huma benefiċjarji?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara x’tip ta’ informazzjoni jixtieq.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima — overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħadem overtime fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu mid-9 ta’ Marzu 2013 sat-28 ta’ Jannar 2014? Jista’ jipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw fil-leġislatura li għaddiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari 6139, 6140, 6142, 6143, 6144, 6145, 6146 u 6147.

Pitkalija — proposti dwar tmexxija

Question

Billi jidher li l-għaqdiet tal-bdiewa ma ġewx uffiċjalment mitluba jikkummentaw fuq xi proposti li jista' jkun hemm biex ikun hemm tibdil fil-mod kif titmexxa l-pitkalija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif li juri li dan mhux il-każ? Kemm-il darba saru laqgħat mal-għaqdiet tal-bdiewa dwar dan is-suġġett, matul l-aħħar tnax-il xahar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fid-diversi laqgħat li saru mal-għaqdiet tal-bdiewa, dejjem tqajjem is-suġġett tar-riforma fil-Pitkalija u nfakkar lill-Onor. Interpellant li dawn it-taħdidiet huma kontinwazzjoni ta’ taħdidiet u deċiżjonijiet meħuda mill-amministrazzjoni preċedenti f’dak li jirrigwarda l-proġett pilota dwar l-istess riforma.