Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjeta Soċjali — lista ta’ direct orders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17995, 17639 u 17363 u jagħti lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż id-dipartiment u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta’ Jannar li għadda sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jagħti l-ammont totali ta’ kull direct order u lil min ingħataw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paule – Procurement Manager

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sejħa għall-Procurement Manager fir-Residenza San Vinċenz de Paule ħarġitx u f’liema stadju qiegħed dan il-proċess?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sejħa għall-Procurement Manager fir-Residenza San Vinċenz de Paule, ġiet inkluża fil-Capacity Building Exercise tal-Faċilita'.

Residenza San Vinċenz de Paule – Ċentru għat-Taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna tħarrġet fiċ-Ċentru għat-Taħriġ fir-Residenza San Vinċenz de Paule minn meta ġie inawgurat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevli Interpellant, illi minn meta ġie inawgurat iċ-Ċentru għat-Taħriġ fil-Faċilita’ għall-Kura fit-Tul fir-Residenza San Vinċenz de Paul, ġew mħarrġa 127 persuna.

Residenza San Vinċenz de Paule – awtorizzazzjoni maħruġa mis-Segretarju Permanenti

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 17518 u 17519, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-awtorizzazzjoni maħruġa mis-Segretarju Permanenti sabiex is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paule tkun tista’ tagħmel xogħol privat? Jista’ jgħid jekk jarax li s-CEO għandha kunflitt ta’ interess meta hija tipprattika x-xogħol professjoni tagħha filwaqt li hija wkoll is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi filwaq li s-C.E.O tar-Residenza San Vinċenz de Paule għandha l-approvazzjoni mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali, wara talba li kienet għamlet hija stess. Din setgħet tagħmel dan skont il-Kuntratt li għandha mal-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta’ Soċjali.

Awtorità tad-Djar – blokki ta’ appartamenti

Question

Billi riċentement kien irrappurtat li l-Awtorità tad-Djar għandha madwar 1,200 blokk ta’ appartamenti, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn jinsabu dawn l-appartamenti, n-numru ta’ blokki kull raħal u kemm minn dawn l-appartament għadhom tal-Awtorità u jinsabu bil-kera?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ blokki msemmija huwa n-numru approssimattiv ta’ blokki li l-Awtorità tad-Djar għandha taħt il-ħarsien tagħha. Minn dawn, il-proprjeta’ murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra biss tinsab fuq il-kotba tal-Awtorità. Dawn jinkludu 3,339 proprjeta’ mikrija, li l-biċċa l-kbira minnhom, għajr għal xi djar u maisonettes, jinsabu f’529 blokk ta’ appartamenti, kif qed ikun indikat fit-tabella li qed tiġi ppreżentata. Il-kumplament huma proprjetà fuq il-kotba tad-Dipartiment tal-Artijiet, u fil-fatt, matul dawn l-aħħar snin inbeda eżerċizzju sabiex il-kumplament tal-blokki residenzjali, jgħaddu kollha fuq il-kotba tal-Awtorità tad-Djar.

Awtorità tad-Djar – permessi validi għall-bini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm l-Awtorità tad-Djar għandha permessi validi għall-bini ta’ xi proprjetà u f’kull każ, fejn huma dawn il-permessi, raħal b’raħal? Kemm għandha applikazzjonijiet pendenti għal bini residenzjali l-istess awtorità quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? F’kull każ jista’ jgħid fejn huma u kemm hu maħsub li se jinbnew residenzi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ tad-Djar, bħalissa, għandha permessi validi għal units residenzjali f’dawn il-lokalitajiet : Attard, Birgu, Birkirkara Bormla, Kirkop, Luqa, Marsaskala, Mellieha, Msida, Naxxar, Paola, Qrendi, Rabat, Siggiewi, Żabbar u Żebbug, Żejtun u Żurrieq. L-Awtorita’ tad-Djar għandha applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorita’ ta’ Malta għall-Ambjent u Ippjanar għal units residenzjali f’dawn il-lokalitajiet : Burmarrad, Fgura, Kirkop, Luqa, Msida, Qormi, Qrendi, Valletta, Żebbug u Żurrieq.

Imġarr Malta — Home Ownership Schemes

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17934 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se jiġi ffinalizzat l-akkwist tal-art li fuqha ngħataw il-plots tal-Home Ownerhsip Scheme fl-Imġarr Malta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li sal-lum dawn il-plots ma jistgħux jiġu trasferiti mis-sidien tagħhom b'mod finali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi b’referenza għad-dettalji provduti b’mod separat ma’din il-mistoqsija parlamentari fuq plot partikolari, dan kien trasferit lill-Awtorita’ tad-Djar bis-saħħa ta’ Avviż Legali numru 265, effettiva mit-3 t’Awwissu 2015. Fit-18 ta’ Settembru il-benefiċċjarju ffirma l-kuntratt finali ta’ din l-imsemmija art. Il-plots kollha taż-żona huma kollha koperti b’Avviż Legali.

Housing – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward problema ta’ housing?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, dwar il-każ imsemmi, saret spezzjoni minn uffiċjali tekniċi tal-Awtorità tad-Djar fejn ġie kkonfermat li għandhom isiru xi tiswijiet minħabba ħsarat.

Djar tal-Anzjani – applikazzjonijiet pendenti minn persuni b’diżabilità mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex persuni li huma b’diżabilità mentali jidħlu f’homes ? Liema huma l-homes li Gvern jista’ jdaħħal fihom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi n- numru ta’ applikazzjonijiet pendenti biex persuni b’diżabilta’ intelletwali jidhru quddiem is-Service Allocation Committee , biex minn hemm jiġi determinat l-ammissjoni tal-individwu f’waħda mill-homes tal-gvern, huwa ta’ 143. Id-Djar Residenzjali tal-Gvern jinkludu dawn li ġejjin: Vajrita’ 1, Vajrita 2, Villino Maria, Dar Andrew, Ħal-Kirkop, Il-Fgura, u Birżebbuġia. Saru arranġamenti oħra ta’ xiri ta’ sodod minn Dar il-Wens, Dar l-Akkwarell, Dar Arka, Dar Pirotta u Dar il-Kaptan. Fil-ġejjieni ser inkunu qed niftħu ukoll djar oħra, fosthom dik tas-Siġġiewi, kumpless f’Għawdex, Dar f’Haż- Żabbar, u Dar ġewwa Pembroke.

Awtorità tad-Djar – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ mal-Awtorità tad-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi reġgħet saret spezzjoni oħra mill-periti tal-Awtorità tad-Djar, u għal darb’oħra kien ikkonfermat li ma jeżisti l-ebda periklu fil-gallarija, fir-residenza tal-persuna kkonċernata.

Djar tal-Anzjani — sodod

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm sodod available għall-anzjani fid-Djar tal-Gvern? Kemm minnhom huma għall-każijiet akuti u kemm minnhom huma għall-residenza ta’ anzjani normali? Kemm huwa t-total ta’ sodod li hemm fid-Djar tal-Anzjani li huma mmexxija u ġestiti mill-privat? Kemm hemm anzjani li qegħdin fuq waiting list biex jidħlu f’xi Dar tal-Anzjani? X’inhu l-prezz medju (average price) li jħallas il-Gvern kemm għall-sodod intiżi għall-każijiet akuti kif ukoll għall-sodod li huma intiżi għall-każijiet normali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li in-numru ta’ sodod li għandu l-Gvern huwa ta' 2,781. Dawn jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ dipendenza għolja, medja u baxxa. L-2,781 sodda huma mqassma kif ġej: · 950 sodda fid-djar tal-Anzjani tal-Gvern · 695 fid-Djar tal-Anzjani li huma mmexxija u ġestiti mill-privat. · 1,136 sodda f’ San Vincenż de Paule. Il-lista ta’ stennija sad-data ta’ meta qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari hija ta’ 1,546 pazjent. Il-prezz medju li jħallas il-Gvern ghall-każijiet b’dipendenza baxxa, medja jew għolja huwa kif ġej: Dipendenza Baxxa € 32.00 Dipendenza Medja € 35.00 Dipendenza Għolja € 48.90

Residenza San Vinċenz de Paule – kuntratt tal-kċina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-kuntratt tal-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule, peress li f’Mejju li għadda kien għadu qed jiġi pproċessat mid-Dipartiment tal-Kuntratti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-proċess ta' tender fuq il-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule, għadu f'fażi fejn irid jiġi pproċessat mid-Dipartiment tal-kuntratti. Sadanittant, ġiet approvata l-applikazzjoni tal-MEPA għax-xogħlijiet.

Residenza San Vinċenz de Paule – kuntratturi privati għall-ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jagħlaq il-kuntratt proviżorju li ngħata lill-kuntrattur privat sabiex jipprovdi l-ikel lill-anzjani residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-kuntratt proviżorju li ngħata lill-kuntrattur privat sabiex jipprovdi l-ikel lill-anzjani residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paule jagħlaq fid-9 ta’ Jannar 2016.

Residenza San Vinċenz de Paule – xogħlijiet fuq il-kċina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex qed isiru xi xogħlijiet fil-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule? Jista’ jgħid x’inhuma dawn ix-xogħlijiet li qed isiru jekk inhu l-każ, min qed jagħmel dawn ix-xogħlijiet u kemm ġew jiswew s’issa dawn ix-xogħlijiet? Jekk ebda xogħlijiet mhuma qed isiru, jista’ jgħid għaliex dan ix-xogħol għadu ma bediex, meta se jibda u min se jkun qed jagħmlu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi x-xogħlijiet fil-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule jibda meta jiġi aġġudikat it-tender relattiv.

Residenza San Vinċenz de Paule – rapporti dwar l-ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paule ikkummissjonatx li jsir rapport u/jew survey indipendenti, dwar l-ikel li qed jingħata lir-residenti tar-Residenza San Vinċenz de Paule minn meta l-ikel mhuwiex qed isir fil-kċina tar-Residenza stess? Jista’ jgħid kemm-il rapport sar s’issa, minn min saru u kemm ġew jiswew? Jista’ jpoġġi kopja ta’ dawn ir-rapporti u/jew surveys fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi skont kif inhu stipulat fil-kuntratt tax-xogħol, il-kuntrattur huwa obbligat li jipprovdi audit indipendenti wara sena ta’ operat. Bħalissa qegħda tinġabar l-informazzzjoni u kummenti oħra mingħand ir-residenti biex jitħejja dan ir-rapport. Dan ix-xogħol ta’ surveys u awditjar isir b’mod regolari wkoll mill-Quality Assurance Team ta’ San Vincenz, permezz ta’ surprise checks fis-swali kif ukoll minn spezzjonijiet li jsiru fuq l-ikel ipprovdut mill-Catering Managers impjegati ma’ San Vinċenz. Il-kummenti, ilmenti u riżultati li joħorġu mill-awditjar, jiġu diskussi mal-kuntrattur biex ikun hemm titjib kontinwu fis-servizz provdut.

Residenza San Vinċenz de Paule –menu tal-ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-menu tal-ikel fir-Residenza San Vinċenz de Paule għadux l-istess menu ġdid li kien ġie introdott fl-2014, ftit qabel ingħalqet il-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-menu tal-ikel fir-Residenza San Vinċenz de Paule għadu l-istess menu li kien ġie introdott fl-2014, ftit qabel ma ngħalqet il-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule. Il-menu huwa wieħed varjat, bil-kontenut jitbiddel ukoll perjodikament, sabiex ir-residenti ikollhom għażla varjata.

Servizz ta’ Meals on Wheels

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani li sal-lum qegħdin igawdu mis-servizz tal- Meals on Wheels? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani li għandhom dan is-servizz lokalità b’lokalità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi n-numru ta’ anzjani li sallum qegħdin igawdu mis-servizz tal-Meals on Wheels huwa ta' 344. It-tqassim skont il-lokalita' hu kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt : Statistika ta' Lokalitajiet b'numru ta' Applikanti li jagħmlu użu mis-servizz tal-Meals on Wheels ATTARD 14 MTARFA 2 BALZAN 10 NAXXAR 9 B'KARA 14 PAOLA 12 BIRŻEBBUĠIA 12 PACEVILLE 2 BORMLA 9 PIETA' 4 BUĠIBBA 5 QAWRA 1 DINGLI 3 QORMI 3 FGURA 11 RABAT 11 FLORIANA 4 SAN ĠWANN 17 GĦARGĦUR 1 SAN ĠILJAN 11 GWARDAMAĠIA 3 SANTA LUĊIJA 6 GUDJA 2 SAN PAWL IL-BAĦAR 8 GŻIRA 12 SANTA VENERA 3 ĦAMRUN 16 SLIEMA 38 ISLA 2 SWIEQI 6 KIRKOP 2 TARXIEN 4 LIJA 1 TA' XBIEX 3 LUQA 3 VALLETTA 13 MARSA 3 XGĦAJRA 2 MARSASKALA 3 ŻABBAR 14 MDINA 1 ŻEBBUĠ 0 MELLIEĦA 4 ŻEJTUN 6 MOSTA 19 ŻURRIEQ 1 MSIDA 14 TOTAL 344

Bord Mediku – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li, l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li dwaru l-Bord Mediku fl-4 ta’ Ġunju 2015 iddeċieda li hu ma kienx intitolat għall--Għajnuna Medika, jerġa’ jinstema’ fuq bażi umanitarja peress li minn diversi ċertifikati mediċi jirriżulta li huwa jbati minn mard kroniku serju ħafna li għalih ifisser ħafna spejjeż f’mediċini u dieta partikolari?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna msemmija ġiet eżaminata minn bord mediku u nstab li mhux intitolat għal dan il-benefiċċju. Il-każ se jerġa’ jittella’ quddiem bord mediku ieħor għal ri-kunsiderazzjoni.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – entitajiet — użu ta’ credit cards pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn credit cards pubbliċi? Jekk fl-affermattiv min huma dawk l-entitajiet li huma awtorizzati li jużaw dawn il-credit cards? Għal liema skop jintużaw dawn il-credit cards? Kemm kienet in-nefqa minn dawn il-credit cards pubbliċi għal kull entità minn Marzu 2013 u jista’ jelenka separatament l-iskop wara kull nefqa? Jista’ jgħid ukoll minn min saru dawn il-pagamenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi billi għadha ma waslitlix l-informazzjoni kollha mitluba, it-tweġiba tingħata malli jkolli l-informazzjoni kollha.

Il-Mellieħa — Servizz ta' homehelp

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni numru ta' anzjani fil-Mellieħa fl-aħħar ġimgħat ma ngħatalhomx is-servizz tal-homehelp?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-impjegati ġew trasferiti għal raġunijiet diversi biex jaħdmu ġewwa ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum ġewwa l-Mellieħa u San Pawl il-Baħar. Is-sitwazzjoni fis-Servizz tal-Home Help qed tiġi ndirizzata mal-kuntrattur biex tiġi rettifikata fil-ġranet li ġejjin.