Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Persons of Trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati bħala persons of trust fil-Ministeru u fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b’sena matul l-2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid, wieħed wieħed: min kienu dawn il-persuni u x’pożizzjoni kienu jokkupaw; kemm kien is-salarju annwali tagħhom; x’kienet l-ispiża, sena b’sena fuq il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera), u x’kienet sena b’sena l-ispiża fuq safar tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant, kif ġej: Tabella 'A' - Ministeru tal-Edukazzjoni Tabella 'B' - Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ Tabella 'C' - Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi Tabella 'D' - Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla Tabella 'E' - Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada Tabella 'F' - Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Tabella 'G' - Kunsill Malti għall-Isport

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – persuni ingaġġati f’position of trust

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14120, jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-persuni li ġew ingaġġati f'position of trust mid-dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li hu jmexxi, bejn id-9 ta' Marzu 2013 u l-31 ta' Jannar 2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant illi l-persuni u l-konsulenti li huma fis-Segretarjat tiegħi huma kollha Persons of Trust li ġew ingaġġati skont ir-regolamenti meħtieġa.
Leg 12 PQ #14998 Sitting 248 2015-03-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Għawdex – ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-ospitalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema Maltin u Għawdxin jaħdmu f’Għawdex fil-qasam tal-ospitalità ċjoè fil-lukandi u restoranti? Jista’ jgħid kemm hemm ħaddiema ta’ nazzjonalità barranija jaħdmu fl-istess qasam? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-ħaddiema huma Maltin u Għawdxin u kemm minn dawk barranin jaħdmu fir-restoranti u kemm fil-lukandi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema li l-indirizz tagħhom hu Għawdex u li kienu jaħdmu f'Għawdex fil-qasam tal-ospitalità ċjoè fil-lukandi u r-restoranti f’Ottubru 2014 kien ta' 804 persuni. In-numru ta' ħaddiema barranin li jaħdmu f’dan il-qasam kien ta' 182 persuna. It-tabella ta' hawn taħt turi kemm kien hemm ħaddiema Għawdxin u barranin li l-indirizz tagħhom hu Għawdex maqsuma f’kemm kienu jaħdmu fil-lukandi u kemm fir-restoranti rispettivament. Ottubru 2014 Barranin li jaħdmu Għawdex Għawdxin li jaħdmu Għawdex Total Settur tal-Lukandi (Accommodation) 112 292 404 Settur tar-restoranti (Food & Beverage Services activities) 70 330 400 Qasam tal-Ospitalità 182 622 804

Skejjel speċjali għal żgħażagħ ikkundannati b’sentenza tal-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm żgħażagħ taħt is-16-il sena li qed jattendu xi skola speċjali minħabba li huma kkundannati b’xi sentenza tal-Qrati? F’liema skejjel (jekk din l-informazzjoni tista’ tingħata), qed jattendu dawn iż-żgħażagħ? Kemm ilhom jattendu f’dawn l-iskejjel u kemm fadlilhom żmien jattendu dawn l-istess skejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jirriżulta li fil-Learning Support Centres hemm student wieħed biss li hu kkundannat b’xi sentenza tal-Qrati. Dan l-istudent fadallu sa Ġunju 2015. Bejn l-2011 u l-2014 dan l-istudent kien jattendi fi skola.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — pubblikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru pubblikazzjonijiet fi ħdan il-Ministeru u d-dekasteri varji li jaqgħu taħtu f’dawn l-aħħar sentejn? Jista’ jindika kemm ġew jiswew?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-pubblikazzjonijiet li saru huma kif jidher fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li kien għad jonqos tingħata informazzjoni mit-Taqsima tal-Accounts fi ħdan id-Dipartiment Servizzi Korporattivi. Dan it-tagħrif ikun jista' jingħata bħala informazzjoni addizzjonali hekk kif tingħatali din l-informazzjoni. Barra minn hekk, seta' kien hemm xi leaflets, speċjalment dawk ta' applikazzjonijiet partikolari, li mhumiex inklużi fit-tabelli. It-tabelli huma kif se nsemmi:- Tabella 'A' - Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Tabella 'B' - Direttorat għal Servizzi Edukattivi (Kulleġġi, u d-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja u Studenti li jħallu l-Iskola Kmieni) Tabella 'C' - Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni (Dipartiment tal-Kurrikulu) Tabella 'D' - Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Tabella 'E' - Kunsill Malti għall-Isport Tabella 'F' - Malta Libraries Tabella 'G' - Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ Tabella 'H' - Arkivji Nazzjonali Tabella 'I' - Aġenzija Żgħażagħ Tabella 'J' - Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla Tabella 'K' - Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea Tabella 'L' - MCAST Tabella 'M' - Università ta' Malta. L-Università toħroġ pubblikazzjonijiet kif elenkati f’Appendix ‘i’ u ‘ii'. Lista ta’ journals prominenti ppubblikati minn Fakultajiet u Istituti tal-Università huma dawn li ġejjin: Journal of Mediterranean Studies – L-Istitut tal-Mediterran The Mediterranean Journal of Human Rights – Fakultà tal-Liġi Journal of Maltese Studies – Fakultà tal-Arti Malta Medical Journal – Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija Melita Theologica – Fakultà tat-Teoloġija Malta Journal of Health Sciences – Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa Tabella 'N' - Malta Racing Club

Persuni jirreġistraw fl-ewwel parti tar-reġistru — statistika

Question

B’referenza għall-aħħar statistika pubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni, li kienu ilhom jirreġistra fl-ewwel parti tar-reġistru inqas minn 21 ġimgħa (ħames xhur), sabu impjieg fis-settur pubbliku u kemm f’dak privat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Sabiex tkun tista’ tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-perjodu li matulu jridu jittieħdu l-ħames xhur. L-istatistika pubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tagħmel referenza għall-istock ta’ reġistranti u mhux il-flow.

Facilitator — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ ta' facilitator?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li saru diversi tentattivi, inkluż fi tmiem il-ġimgħa, biex tiġi kkuntattjata din il-persuna fuq in-numru tat-telefon indikat mill-Onor. Interpellant. Peress li ma setax jiġi stabbilit kuntatt, nitlob lill-Onor. Interpellant jistax jinforma lill-persuna indikata minnu sabiex tavviċina lit-Taqsima tar-Riżorsi Umani fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, fuq in-numru tat-telefon li qed jingħata separatament, biex b’hekk tkun tista’ tingħata gwida u/jew tagħrif dwar il-każ tagħha.

Servizz ta’ LSA fix-xhur tas-Sajf

Question

Peress li diversi tfal li minħabba l-abilitajiet tagħhom jenħtieġu l-appoġġ ta’ Learning Support Assistants matul is-sena skolastika huma obligati li jibqghu d-dar matul ix-xhur tas-sajf għax minkejja li l-ġenituri jkunu jixtiequ jibagħtu lil uliedhom jew Klabb 3-16 jew xi post ieħor, ma jifilħux iħallsu l-paga addizzjonali ta’ LSA biex jassisti lil uliedhom, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux ser jestendi dan is-servizz essenzjali għall-integrazzjoni ta’ dawn it-tfal għax-xhur tas-sajf li ġej, għal dawk it-tfal li ġa jikkwalifikaw għal LSA matul is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Skolasajf tilqa’ lit-tfal kollha bejn l-età ta’ 3 u 16-il sena. It-tfal kollha li jaqgħu taħt din il-kategorija tal-età, inkluż tfal li jinħtieġu l-appoġġ ta’ Learning Support Assistant matul is-sena jistgħu jattendu Skolasajf u jkollhom anke s-servizz ta’ Child Support Worker, dak li fix-xitwa nsejħulu LSA. Dan is-servizz jiġi offrut bejn it-08.30 u n-12.30 waqt il-programm ta’ Skolasajf (core programme). Il-ġenituri/kustodji legali tat-tfal kollha li jkunu jaħdmu jistgħu japplikaw biex jagħmlu użu mill-ħin estiż tas-servizz (extended hours-07:00 – 08:30 u 12:30 – 17:30). F’każ li fi klassi jkun hemm tifel/tifla li jkollu bżonn iktar appoġġ fil-ħin estiż, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi toffri s-servizz ta’ Playworker extra fil-klassi sabiex it-tifel/tifla jingħata aktar sapport u jkun taħt is-superviżjoni ta’ żewġ adulti. Dan l-istess servizz jingħata wkoll fix-xitwa waqt il-Programm ta’ Klabb 3-16.

Settur Privat — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa: (a) in-numru ta' nies in totali li jaħdmu fis-settur privat u kemm minnhom huma rġiel u nisa; (b) in-numru ta' impjegati kollha (Gvern, privat u parastatali) li jużaw family friendly measures (reduced hours, flexi time u teleworking separatament) maqsumin f'nisa u rġiel; (ċ) in-numru ta' riżenji mis-settur privat f'dawn l-aħħar ħames snin; u (d) in-numru ta' nies li ġew imkeċċija mix-xogħol fis-settur privat f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' nies li jaħdmu fis-settur privat full time u part time f’Ottubru 2014 kien ta' 152,734. Minnhom 93,288 kienu rġiel u 59,446 kienu nisa. Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma jkollhiex informazzjoni dwar kemm hemm impjegati li jużaw family friendly measures. Rigward kemm kien hemm riżenji fis-settur privat u kemm kien hemm nies li tkeċċew mix-xogħol fis-settur privat f'dawn l-aħħar ħames snin, it-tagħrif rispettiv hu kif se nsemmi: Numru ta' r iżenji fis-settur p rivat Jannar sa Diċembru Jannar sa Ottubru Total 2009 2010 2011 2012 2013 2014 21,373 23,936 26,303 27,000 28,430 24,841 151,883 Numru ta' nies li ġew imkeċċija fis-settur privat Jannar sa Diċembru Jannar sa Ottubru Total 2009 2010 2011 2012 2013 2014 3,786 3,940 3,850 4,039 4,241 3,539 23,395

Giovanni Curmi Higher Secondary School – teħid tad-droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jieħu l-Ministeru tiegħu wara rapport li deher fil-Malta Today tat-28 ta’ Jannar 2015 dwar teħid tad-droga fil-Higher Secondary Giovanni Curmi fin-Naxxar, speċjalment minħabba li fil-viċinanzi hemm l-Iskola Sekondarja Subien San Nikola u l-Middle School Kulleġġ Maria Reġina?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li wara li deher ir-rapport li għamlet referenza għalih l-Onor. Interpellant, mill-investigazzjonijiet li għamlet l-iskola ma nstab xejn li xi ħadd għamel użu mid-droga fl-iskola. Il-Kap tal-iSkola sejjaħ laqgħa ma' uffiċjali tad-drug squad li talabhom jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom skont dak li deher fil-ġurnal. L-iskola għaddiet kull informazzjoni li kellha relatat mal-każ għal aktar investigazzjoni mill-pulizija. Infurmat ukoll li kemm l-omm kif ukoll l-istudent qed jingħataw l-għajnuna kollha mill-iskola u t-tifel kien diġa` qed jingħata assistenza qabel deher l-artiklu in kwistjoni.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Positions of trust

Question

Jista' l-Ministru jelenka u jgħid liema kienu l-positions of trust li kien hemm fi ħdan l-Ministeru tiegħu u fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b’sena, matul l-2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Laqgħat tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema laqgħat tal-Unjoni Ewropea attenda s-sena li għaddiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-sena li għaddiet attendejt għal dawn il-laqgħat tal-Unjoni Ewropea: - Il-laqgħa tal-Kunsill tal-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) li saret f’Marzu fi Brussel. - Il-laqgħa informali għall-Ministri għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali (Informal EPSCO) li saret f’Lulju f’Milan. - Il-laqgħa tal-Kunsill tal-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) li saret f’Ottubru fil-Lussemburgu.

Laqgħat tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema laqgħat fi ħdan l-Unjoni Ewropea u taħt din il-Presidenza huwa previst li jattendi? Jista’ jindika x’hemm fuq l-aġenda preliminari tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li filwaqt li m’attendejt ebda laqgħa fi ħdan l-Unjoni Ewropea taħt din il-Presidenza, il-laqgħat li hu mistenni, jew hemm possibbiltà, li nattendi, dejjem suġġett għall-aġenda tal-laqgħa, huma kif se nsemmi: - Il-laqgħa informali għall-Ministri għall-Edukazzjoni tal-UE, li se ssir fis-17 ta’ Marzu 2015, f’Pariġi . Fuq l-aġenda preliminari hemm diskussjoni u l-iffirmar ta’ dikjarazzjoni rigward il-promozzjoni ta’ ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, tolleranza u non-diskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni. - Il-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (Informal EPSCO Council) f’Riga, Latvia bejn l-20 u t-22 ta’ April 2015 . L-Aġenda għadha ma ġietx riċevuta. - Il-ħames laqgħa għall-Ministri għall-Edukazzjoni tal-ASEM , li se ssir fis-27-28 ta’ April 2015, f’Riga, Latvia. L-Aġenda għadha ma ġietx riċevuta. - Laqgħa tal-Kunsill tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport li se ssir fit-18-19 ta’ Mejju 2015, fi Brussel . L-aġenda preliminari qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. - Laqgħa tal-Kunsill tal-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) fit-18 ta’ Ġunju 2015 fil-Lussemburgu. L-Aġenda preliminari qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ETC – nies reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nies irreġistrati mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) li qegħdin jistennew biex jibdew korsijiet tat-training?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ li l-għadd ta’ nies li qed jistennew biex jibdew wieħed jew uħud mill-korsijiet li qed toffri l-Korporazzjoni taħt proġett ko-finanzjat mill-Fond Socjali Ewropew bit-titlu Enhancing Employability through Training, hu kif se nsemmi: Kategorija tal-korsijietPersuni fuq il-Waiting list Health, Safety and Security Courses1491 Literacy Courses632 Technical Courses233 ICT Courses1207 Numeracy Courses117 Hospitality and Customer Service Courses575 Accounting Courses161 Trainer Training Courses16 Transport Courses97 Care Courses117 Welding Courses100 Trade Courses361 Clerical Courses324 Renewable Energy Courses3 Total5434 Wieħed ma jistax ma jsemmix li wħud mill-korsijiet imsemmija hawn fuq ma setgħux jiġu offruti qabel minħabba l-fatt li n-numru ta’ trejners li jgħallmu s-suġġett huwa limitat ferm bħal per eżempju fil-każ ta’ Transport courses u Health, Safety and Security courses. Mill-banda l-oħra, l-Korporazzjoni mhux dejjem tkun f’pożizzjoni li tibda korsijiet jekk numru ta’ trainees ma jintlaħaqx. L-esperjenza tul dawn l-aħħar snin turina li jekk kemm-il darba minn tal-inqas 30 ruħ ma jissejħux għal kors, hemm ċans kbir li ftit ikunu dawk li jattendu l-lezzjonijiet bil-konsegwenza li kors xorta jkollu jitwaqqaf għax in-numru minimu ta’ trainees ma jkunx intlaħaq. Konsegwenza ta’ dan tkun li jkunu saru sforzi ta’ riżorsi umani u finanzjari li finalment ma jkunux wasslu biex kors jibda u jkompli. Infurmat ukoll li wħud min-numru ta’ nies li jidhru fit-tabella bħalissa qed jiġu mħajjra biex jattendu kors.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — ħaddiema rtirati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema fi ħdan id-dipartimenti, l-azjendi, awtoritajiet eċċ fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xoghol li rtiraw bl-età minn Marzu ta' 2013 u dawn inżammu fl-impjieg jew ingħataw kuntratt għal servizz wara li għalqu l-eta tal-irtirar? Jista' jgħid x'inhuma l-kriterji sabiex persuna tibqa’ fl-impjieg jew tingħata kuntratt għal servizz? Jista' jgħid x'inhuma l-pożizzjonijiet li qed jokkupaw dawn il-ħaddiema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Bi tweġiba għal din il-mistoqsija, ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sal-aħħar tal-2013, ma kienx hemm ħaddiema mid-Direttorati tal-Edukazzjoni u mid-Direttorat għas-Servizzi Korporattivi li rtiraw bl-età u li ngħataw kuntratt għal servizz. Matul dan l-istess perjodu, persuna waħda, fi grad ta’ Teacher, kellha l-impjieg tagħha estiż sa tmiem is-sena skolastika 2012/2013. Matul l-2014, persuna waħda, fi grad ta’ Teacher, kellha l-impjieg tagħha estiż sa tmiem is-sena skolastika 2013/2014. Żewg persuni oħra li rtiraw matul l-2014 ingħataw kuntratt ta’ servizz mid-Direttorat tal-Edukazzjoni. Waħda ingħatat kuntratt ta’ servizz bħala Task Officer responsabbli mill-Inclusive Education Placements u l-persuna l-oħra ingħatat kuntratt ta’ servizz fi ħdan l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Ukoll, kien hemm żewg persuni oħra li nżammu fl-impjieg wara li rtiraw matul l-2014, wieħed bħala Chief of Staff u l-ieħor bħala Manager fil-Vocational Education Unit. It-teachers li ngħataw estensjoni tal-impjieg tagħhom huwa skont proċeduri stabbiliti sabiex ma jkunx hemm interruzjoni tat-tagħlim sat-tmiem is-sena skolastika. Il-persuni l-oħra li rtiraw inżammu fl-impjieg minħabba l-expertise tagħhom, wieħed minnhom f’position of trust. Rigward l-entitajiet, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kellha żewġ impjegati illi kienu nżammu fl-impjieg wara li għalqu l-età tal-irtirar. Persuna minnhom kienet tokkupa l-pożizzjoni ta' Unit Manager filwaqt li l-persuna l-oħra kienet tokkupa l-pożizzjoni ta' Executive. Dawn iż-żewg persuni baqgħu ingaġġati mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, minkejja li kienu laħqu l-età tal-irtirar, minħabba l-fatt illi kienu qed jiżvolġu funzjonijiet direttament relatati ma' proġetti b'fondi Ewropej u għaldaqstant ma kienx ser ikun vijabbli għal skop tal-proġetti illi jiġu ingaġġati żewġ persuni ġodda sakemm jingħalaq u jitlesta x-xogħol pendenti fuq dawn il-proġetti b'fondi Ewropej. Dawn iż-żewġ persuni waqfu mill-impjieg tagħhom minn mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ f‘Jannar 2015. Infurmat ukoll li minn Marzu 2013, hemm tliet impjegati tal-Università ta’ Malta li ngħataw kuntratt definit ta’ impjieg wara li rtiraw bl-età u l-kuntratt indefinit tagħhom ġie tterminat. Ir-raġuni għal dan l-impjieg temporanju hu għax il-persuni kkonċernati għandhom esperjenza estensiva u għalhekk jistgħu jipprovdu taħriġ u mentoring lill-impjegati ta’ sostituzzjoni u lill-impjegati ġodda oħra fl-amministrazzjoni tal-Università. Il-pożizzjoni ta’ dawn it-tliet impjegati hi ta’ General Administrator. Fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) irtiraw tliet impjegati li nżammu fl-impjieg. Persuna minnhom fil-grad ta’ Għalliem ingħata permess ikompli jagħti servizz ta’ għalliem fil-klassi sat-tmiem tas-sena akkademika biex ikun hemm l-inqas disturb fl-implimentazzjoni tas-sillabu fl-istess sena akkademika. Persuna oħra fil-kariga ta’ Kordinatur tal-Purchasing u Procurement ingħata estenjoni tal-kuntratt għas-servizz tiegħu fejn qed jaħdem total ta’ għoxrin siegħa fil-ġimgħa sakemm jiġi kompletat il-proċess ta’ reklutaġġ b’sejħa mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC). Il-persuna l-oħra qed tagħti kontribut fid-Dipartiment għall-Assikurazzjoni tal-Kwalità u għandu kuntratt definit għal perjodu ta’ sena. Dan l-impjegat qed jaħdem fuq riviżjoni u l-aġġornament tal-materjal akkademiku fis-settur vokazzjonali u qed jaħdem fuq l-implimentazzjoni tal-miri fuq proġetti varji ta’ riċerka.

National Literacy Agency — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati llum man-National Literacy Agency? F’liema gradi huma dawn l-impjegati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qegħdin jaħdmu 87 persuna kif se nsemmi: · Uffiċjal Edukattiv issekondat mid-Dipartiment tal-Kurrikulu li qed jassumi r-rwol ta’ Direttur tal- Aġenzija · Senior Executive · Programmes Coordinator · 2 segretarji · 3 persuni b’xogħol amministrattiv u segretarjali b’kuntratt ta’ sena · skrivana ssekondata mid-Dipartiment tal-Kurrikulu · LST issekondat mid-Dipartiment tal-Kurrikulu · 2 għalliema tar-riżorsi ssekondati mid-Dipartiment tal-Kurrikulu · Supply KGA issekondata mid-Dipartiment tal-Kurrikulu · 11 il-Koordinatur taċ-Ċentri tal-programm NWAR · 45 għalliem tal-programm NWAR · 16-il tutur tal-Programm Klabb Naħla · 2 għalliema tal-MWP, impjegati tad-Dipartiment tal-Kurrikulu

Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi – sit elettroniku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sa meta se tkun lesta l-manutenzjoni tas-sit elettroniku tal-Fondazzjoni għas- Servizzi Edukattivi? Kemm ilu mhux aċċessibbli dan is-sit?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kien hemm manutenzjoni ppjanata fuq is-sit elettroniku tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi. Is-sit elettroniku ma kienx aċċessibbli mill-Ġimgha 13 sat-Tlieta 17 ta’ Frar, 2015.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – xogħol mogħti lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ingħatatx xogħol mill-Ministeru, inkluż minn kull entità jew dipartiment li jaqgħu taħtu, minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Jekk iva, meta u kemm kien il-valur finanzjarju tax-xogħol mogħti u jekk dan kienx fortt direct order jew tender? Fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol, jekk ingħata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-direttorati, d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi li, minn Marzu 2013, ma ngħata ebda xogħol lill-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant.

Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport – xogħol mogħti lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ingħatatx xogħol mis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, inkluż minn kull entità jew dipartiment li jaqgħu taħtu, minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Jekk iva, meta u kemm kien il-valur finanzjarju tax-xogħol mogħti u jekk dan kienx frott direct order jew tender? Fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol, jekk ingħata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Dipartiment Servizzi Korporattivi u l-entitajiet li jaqgħu taħt is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport li, minn Marzu 2013, ma ngħata ebda xogħol lill-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant.

Klabb 3-16

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tfal jattendu fil-Klabb 3-16 li qegħdin fil-lokalitajiet tal-Ħamrun, Santa Venera u l-Belt Valletta? Jista' jghid kemm-il persuna taħdem f'dawn il-Klabbs? Jista’ jagħti din l-informazzjoni b’mod separat? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn il-persuni jaħdmux fuq bażi full-time jew part-time, u jekk humiex jaħdmu fuq kuntratt definit jew indefinit?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-għadd ta’ tfal li jattendu l-Klabb 3-16 fil-lokalitajiet indikati fil-mistoqsija flimkien mat-total ta’ persuni li jaħdmu f’dawn il-klabbs, hu kif se nsemmi: Ċentru Ħamrun Sta. Venera Valletta Studenti reġistrati 19 49 18 Numru ta' Staff 7 (6 part-time u 1 full-time) 11 (10 part-time u 1 full-time) 6 (6 part-time) Mit-total ta’ 24 staff, disgħa huma fuq kuntratt definit filwaqt li 15 huma fuq kuntratt indefinit.