Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #8506 Sitting 130 1999-07-05 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Monument Great Siege

Question

Jista' l-Ministru jassigura li madwar il-Monument tal-Great Siege ta' Antonio Sciortino quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja jiġi pavimentat qabel il-festa ta' 8 ta' Settembru?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Jien infurmat li se jsir kisi temporanju. Għar-rigward tal-paviment il-perit inkarigat iffinalizza l-pjanti u se ssir l-applikazzjoni lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Leg 9 PQ #8041 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Kamra tax-Xjenzati — Prof Alfred Vella

Question

Wara l-istudju tal-Prof. Alfred Vella imxandar fir-rivista uffiċjali Xjenza tal-Kamra tax-Xjenzati fejn jingħad kif studji juru l-livelli allarmanti tal-benzene fl-inħawi traffikużi f'pajjiżna, jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi se jittieħdu, flimkien ma' ministeri oħra, biex il-kwalita' ta' arja ma tkompliex tiddeterjora b'detriment għal saħħitna?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Profs. A. Vella ntalab jissottometti kopja tar-rapport imsemmi lid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent għall-kummenti ta' l-istess Dipartiment.
Leg 9 PQ #8296 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Fgura — Twessigħ ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 8141?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Dan il-Ministeru qiegħed f'konsultazzjoni mal-Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni biex dan il-każ ikun riżolt.
Leg 9 PQ #8304 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Sorijiet tal-Karmnu

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li s-sorijiet tal-Karmnu li għandhom proprjeta' fuq ix-xatt ta' Sant Anġlu, qed iġorru? X'inhi r-raġuni? X'se jsir mit-tfal li suppost se jattendu din l-iskola s-sena d-dieħla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Jien m'hinix infurmat jekk is-sorijiet humiex qegħdin iġorru u jekk qegħdin iġorru għal liema raġuni. Bħalma jaf l-Onorevoli Interpellant il-propjeta' tas-sorijiet m'hijiex inkluża fil-kuntratt tal-Cottonera.
Leg 9 PQ #8305 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Birgu — Klabb tar-Regatta

Question

Peress li fuq l-area fejn hemm il-klabb tar-Regatta tal-Birgu qed jingħad li se jittieħed ukoll mal-proġett, jista' l-Ministru jikkonferma li dan mhux minnu u jagħti garanzija li dan il-club se jibqa' fuq l-istess sit?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8067.
Leg 9 PQ #8306 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Cottonera Rehabilitation Project

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta reġa' twaqqaf il-Cottonera Rehabilitation Project? Min huma l-membri li jiffurmawh? Hemm xi membri li jirċievu xi onorarja, min huma u x'jirċievu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Jiena nkarigajt lis-Sur Ray Bondin bħala Kordinatur Eżekuttiv tal-Cottonera Rehabilitation Project, kif ukoll ta' l-Imdina Rehabilitation Project, b'żieda mar-responsabbiltajiet li diġa' kellu fuq il-Valletta Rehabilitation Project. L-idea hi li jkun hemm kordinatur wieħed fuq proġetti ta' riabilitazzjoni, iżda kumitati differenti li jitwaqqfu sa nofs Lulju.
Leg 9 PQ #8308 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li inspection box tad-drenaġġ isirilha l-wiċċ għax ilha mgħottija b'biċċa injama minn Diċembru u qed tkun ta' periklu għat-tfal u r-residenti fl-area tal-madwar id-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Jista' l-Ministru jgħid għaliex din l-inspection li tinsab fin-niżla ta' Pjazza Santa Margerita, Bormla, ilha daqshekk żmien miftuha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-main imsemmi sar mill-kuntrattur imqabbad mill-Housing Construction and Maintenance Department u għalhekk il-manhole kellha tiġi rranġata mill-kuntrattur stess. Madankollu, l-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ xorta għandhom jirranġaw il-manhole din il-ġimgħa stess.
Leg 9 PQ #8315 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Buġibba — Bay Square - Funtana

Question

Jista' l-Ministru jara li l-funtana f'nofs Bay Sqare, f'Buġibba titnaddaf minn ġewwa peress li hija kollha ħaxix?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan ix-xogħol jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsilli Lokali.
Leg 9 PQ #8331 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Valletta — Marsamxett - Banjijiet

Question

Jistgħu jittieħdu l-miżuri minn min hu konċernat sabiex jitnaddfu l-banjijiet fl-inħawi ta' Marsamxett fil-Belt?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant qed jiġi kkunsidrat.
Leg 9 PQ #8337 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Ambjent

Żabbar — Tal-Ħofra - Culverts

Question

Jista' l-ministeru jieħu passi immedjati biex isiru l-culverts li suppost saru fl-inħawi Tal-Ħofra, Ħaż-Żabbar, partikolarment fi Triq il-President tar-Repubblika? (File No. Lands L425/98) File Public Works 748/98. Billi dawn il-culverts irridu jsiru fl-għelieqi tal-bdiewa, japprezza l-Ministru li dawn iridu jinbdew u jispiċċaw qabel jibda l-istaġun tax-xita?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #7849 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Mobile phone

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex jagħmel użu minn mobile phone li jsir ħlas għalih mill-fondi tal-Ministeru? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm laħqet l-ispiża ta' dan l-użu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Marzu, 1999? Jista' wkoll ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Naħseb li l-Onorevoli Interpellant japprezza li, fl-1999, mhix xi ħaġa straordinarja, u żgur li hekk għandu jkun, li Ministru jkollu użu ta' "mobile phone". Jien infurmat li bejn il-5 ta' Settembru 1998 u l-aħħar ta' Marzu 1999 in-nefqa fuq il-"mobile phone" li nagħmel użu minnu jien kienet ta' Lm519.37. Ma narax il-ħtieġa li nqiegħed l-irċevuti fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #8078 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Ambjent

Buġibba — Twaqqigħ ta' ħajt illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li tingħata stima ta' kemm ġie jiswa x-xogħol ta' ħatt tal-ħajt mibni llegalment u mingħajr permess tal-Planning Authority ġewwa Buġibba, liema ħajt inbena matul l-amministrazzjoni Laburista 1996-1998?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-ħatt ta' l-istruttura msemmija mill-Onorevoli Interpellant hu xogħol li sar b'sejħa għall-offerti. Il-kuntratt ġie mogħti għas-somma ta' Lm9,682. liema kuntratt ġie estiż b'somma addizzjonali ta' Lm3,243. biex ikopri xogħol ta' natura simili fl-istess inħawi. Il-valur finali tax-xogħol kollu li sar qiegħed jiġi determinat permezz tat-Taqsima tal-Quantity Surveying fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Leg 9 PQ #7750 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

San Ġiljan — Sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex problema fis-sistema tad-drenaġġ li hemm f'Telgħet Birkirkara, San Ġiljan u li hi riżultat ta' problema li hemm taħt tappiera li qiegħda quddiem il-bibien numri 23 u 24 tiġi solvuta mill-aktar fis possibbli peress li din qed toħloq inkonvenjenti kbar għar-residenti ta' l-inħawi peress li minħabba din il-problema qed jidħol id-drenaġġ f'uħud mid-djar tan-nies ta' din it-triq?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Jien infurmat li minn investigazzjoni li għamel id-dipartiment, ġie nnutat li din il-problema minkejja illi s-sezzjoni tat-tindif naddaf il-main regolarment qed tiġri ta' spiss u għalhekk qed jittieħdu passi biex isiru xi xogħlijiet ġodda biex din il-problema tissolva darba għal dejjem.
Leg 9 PQ #8058 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Distrett Nru. 2 — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru fil-lokalitajiet tat-2 Distrett Elettorli, minn ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Ambjent, u li ma tħallsux mill-kunsilli lokali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Jien infurmat li x-xogħlijiet li saru fit-Tieni Distrett Elettorali mill-ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent u li ma tħallsux mill-Kunsilli Lokali huma dawn: RESTORATION UNIT ---------------- - Restawr minn ġewwa fil-Kappella ta' San Ġużepp (Bormla) - Kontinwazzjoni ta' xogħol b'restawr fuq is-swar ta' Santa Liena (Bormla) - Xogħol ta' tindif fuq swar Bormla u Isla - Xogħol ta' restawr fil-Palazz ta' l-Inkwiżitur (Birgu) - Xogħol ta' restawr fuq is-sur ta' Santa Margerita - Xogħol ta' tikħil fuq is-Sur ta' San Mikiel l-Isla - tindif u tikħil ta' rampa fi Triq Polverista viċin St Helen's Gate DIPARTIMENT TAD-DRENAĠĠ ----------------------- Xogħlijiet ta' estensjoni ta' drenaġġ li saru f'dan id-Distrett Elettorali jinkludu: - Triq ix-Xatt, Kalkara (45m) - Carmel Street, Fgura (90m) - Triq il-Gardjola, Fgura (80m) - Triq id-Dukkar, Żabbar Dawn ix-xogħlijiet saru din is-sena minn kuntratturi privati. STORM WATER SYSTEMS UNIT ------------------------ - Twaħħil ta' Hand Railing Marsascala Road, Żabbar - Bdil ta' gratings ta' l-ilma tax-xita Marsascala Road, Żabbar - Bdil ta' gratings ta' l-ilma tax-xita f'Gavino Square, Cospicua COTTONERA REHABILITATION PROJECT -------------------------------- - Titjib fil-Bajja ta' Rinella, Kalkara - Proġett ta' Pjazza Santa Margerita, Bormla - Restawr fis-swar Santa Margerita u Santa Elena, Bormla - Tindif fil-Foss tal-Birgu - Tibjid ta' ħajt ħdejn it-tunnel ta' Għajn Dwieli Bormla - Irranġar madwar Żabbar Gate, Birgu XOGĦLIJIET OĦRA --------------- - Embellishment fil-Kalkara quddiem ir-Rinella Film Facilities - Xogħol ta' kostruzzjoni ta' ħajt fil-Kalkara fit-triq li tagħti għar-Rinella Park - Patching fil-Kalkara - Triq Santa Liberata - Tindif tal-Moll il-Birgu (Boat Show) - Tindif madwar id-Distrett kollu - Embellishment fi Pjazza Santa Margerita, Bormla - Embellishment f'Rinella Bay, Kalkara.
Leg 9 PQ #7828 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Xogħlijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7582 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista' tara li x-xogħol li ilu għaddej għal ħafna xhur fl-erba' toroq li jdawru d-dar ta' l-anzjani f'Bormla jitlesta mill-aktar fis possibbli? Jaf il-Ministru li t-tfal li jmorru l-iskola fl-istess triq tad-dar: 1) jgħaddu minn fuq ħafna trabijiet; 2) qed ikollhom jgħaddu minn fuq twavel ta' l-injam biex joħorġu mid-djar? Meta hemm il-ħsieb li jitlesta dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet prattikament tlestew iżda minħabba li żdiedu ħafna xogħlijiet li me kenux previsti, ċioe li jsiru servizzi ġodda ta' l-ilma u drenaġġ mhux għad-dar ta' l-anzjani biss iżda għar-residenti ta' l-imsemmija erba' toroq kif ukoll għar-residenti ta' toroq oħra fil-viċinanzi, iż-żmien kellu jitwal. Ix-xogħlijiet għadhom biss qed isiru fi triq waħda u mhux f'erba' toroq, ċioe fi Triq il-Konservatorju. It-trabijiet fi Pjazza Santa Margerita huma kaġun ta' alterazzjonijiet fil-landscaping u formazzjoni ta' livelli ta' toroq ġodda li qed isir minn dipartiment ieħor. It-twavel imsemmija saru biss għal circa tlett ijiem biex jgħinu lin-nies joħorġu minn darhom u dan waqt li kienu qed isiru xogħlijiet fuq servizzi ta' ilma ġodda għal dawn l-istess residenti kif indikat aktar 'il fuq. Qed isir kull sforz biex jitlesta dan ix-xogħol mill-aktar fis possibbli u għalhekk qed isiru anke xogħlijiet tard fil-għaxija biex ikun jista' jitlesta x-xogħol.
Leg 9 PQ #7846 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Birgu — Sant'Anġlu

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kobor ta' art se jinbnew l-appartamenti fl-area ta' Sant'Anġlu l-Birgu? Kemm-il sular se jogħla kull blokk ta' appartamenti? Kemm-il metru bogħod se jkunu l-appartamenti mill-bini storiku ta' Sant'Anġlu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Kif jista' japprezza l-Onorevoli Membru dak kollu li staqsa hu jinkwadra ruħu fi u jagħmel parti mill-proċess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li għad irid jgħaddi minnu l-iżvilupp.
Leg 9 PQ #7879 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru għall-Ambjent

Bordijiet governattivi — Membri

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta' nies u l-persentaġġi ta' rġiel u nisa li huma membri f'bordijiet governattivi u parastatali li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-bordijiet governattivi u parastatali li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru għall-Ambjent huma dawn: Masons' Board -------------- Arch. Franco E Montesin Chairman Arch. Carmelo Barbara Member Mr. Joseph Camilleri Member Mr. Paul E Cassar Member Mr. Joseph Farrugia Member Mr. Joseph Gatt Member Engineering Board ----------------- Dr. Thomas Abela Chairman Ing. Marjohn Abela Member Ing. Carmelo Bonello Member Ing. Anthony Cachia Member Ing. Paul Cardona Member Ing. Alexander Galea Member Dr. Ing. Paul Micallef Member Il-membri ta' dawn il-bordijiet huma kollha irġiel.
Leg 9 PQ #7890 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Ambjent

Kottonera — Proġett

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown dettaljat ta' l-impjiegi li mistennija jinħolqu bil-proġett tal-Kottonera?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ma jistax jingħata 'breakdown' b'dan il-mod.
Leg 9 PQ #8027 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru għall-Ambjent

Tniġġis ta' l-arja

Question

Billi waqt seminar riċenti kien imsemmi li ċertu tniġġis (SO2) ta' l-arja kien qiegħed jasal Malta mir-raffinerija fi Sqallija, jista' l-Ministru jgħid huwiex vera u jekk saritx xi rappreżentazzjoni mal-Gvern Taljan fuq il-każ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-awtur ta' l-istudju ntalab biex jissottometti kopja ta' l-istudju lid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent għall-kummenti ta' l-istess Dipartiment.
Leg 9 PQ #8051 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tal-Kuntratti — Tenders

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li d-Dipartiment tal-Kuntratti mhux qiegħed japprova ħruġ ta' tenders għal xogħlijiet ta' drenaġġ minħabba li l-vot ta' dan id-dipartiment għal din is-sena hu diġa' over committed b'aktar minn Lm1 miljun? Jekk fl-affermattiv, kif wieħed jista' jispjega li d-Dipartiment tad-Drenaġġ xorta għadu joħroġ departmental tenders biex b'hekk qiegħed idur madwar id-deċiżjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Bħalma jaf l-Onorevoli Interpellant, jekk tender hijiex dipartimentali jew le jiddependi mill-valur tax-xogħlijiet li jkunu ntiżi biex isiru taħt dik it-tender. Għalhekk, din mhix kwestjoni li wieħed jipprova jdur madwar xi deċiżjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Bħalma jaf l-Onorevoli Interpellant wkoll, huwa normali li matul is-sena l-maġġoranza tal-voti jkunu "over committed". Dan iżda ma jfissirx iżda illi l-ħlasijiet tax-xogħlijiet isiru kollha sa l-aħħar tas-sena u b'hekk l-ammont ivvutat jinqabeż. Barra minn hekk il-Ministeru tal-Finanzi iżomm ruħu nfurmat regolarment fuq il-pożizzjoni tal-voti.