Jista' l-Ministru jgħid jekk l-impjant fejn jiġi pproċessat il-laħam tal-majjal huwiex konformi mar-regolamenti u l-ħteġijiet ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jkun iktar speċifiku rigward liema mpjant.
Pero' inżid ngħid li kemm bi sħubija kif ukoll kemm mingħajr sħubija, jekk l-imsemmi mpjant mhux ta' "standard" Ewropew, xorta fil-futur immedjat l-istess "standard" irid jiġi 'upgraded' għall-livell tajjeb biżżejjed fl-aħjar interess u għall-ġid tal-konsumatur.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-produtturi Maltin u Għawdxin tat-tjur se jmorru aħjar bit-tneħħija tal-protezzjoni tal-levy fuq importazzjoni ta' dawn il-prodotti f'pajjiżna?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant jaf li sħubija sħieħa fl-U.E tfisser pakkett sħiħ għal benefiċju tal-produtturi Maltin u Għawdxin tat-tjur. Dan il-pakkett għandu jiġi negozjat fid-dettal mal-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej. Kien il-Kap ta' l-Oppożizzjoni li qal li l-levies kellhom jitneħħew bla ebda benefiċju fl-ambitu taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles li ried hu.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-produtturi Maltin u Għawdxin tal-majjal se jmorru aħjar bit-tneħħija ta' protezzjoni tal-levy fuq l-importazzjoni ta' dan il-prodott f'pajjiżna? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji relatati dwar dan?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant jaf li sħubija fl-U.E. tfisser pakkett sħiħ għal benefiċju tal-produtturi Maltin u Għawdxin tal-majjal. Dan il-pakkett għandu jiġi negozjat fid-dettal mal-Kummissjini tal-Kommunitajiet Ewropej. Kien il-Kap ta' l-Oppożizjoni li qal li l-levies kellhom jitneħħew bla ebda benefiċju fl-ambitu taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles li ried hu.
Jista' l-Ministru jgħid kif l-agro-industrija lokali se tmur aħjar bit-tneħħija ta' protezzjoni tal-levy fuq importazzjoni tal-prodotti simili f'pajjiżna? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji relati dwar dan l-impatt li saru mill-5 ta' Settembru 'l hawn?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant jaf li sħubija sħieħa fl-U.E. tfisser pakkett sħiħ għal-benefiċju ta' l-Agri-Industrija f'Malta. Dan il-pakkett għandu jiġi negozjat mal-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej. Kien il-Kap ta' l-Oppożizjoni li kien qal li l-levies kellhom jitneħħew bla ebda benefiċju fl-ambitu tal-ftehim ta' Żona Kummerċjali Ħielsa.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li ġew irriklamati għall-bejgħ bl-offerti l-annimali ostrich u lamas li hemm fil-farm esperimentali tal-gvern fl-Għammieri? Kemm fil-fatt inbiegħu minn dawn l-annimali u kemm huwa n-numru ta' dawk l-ispeċi li baqa' fil-farm?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta' l-interpellant li ġew irreklamati għall-bejgħ ostrich wieħed u lamas wieħed.
Ir-raġuni għal dan kienet li dawn kienu żejda.
Il-farm tal-Gvern irċieva żewġ offerti għall-lamas u offerta għall-ostrich.
Il-lamas nbiegħ lil dak li tefa' l-għola offerta. L-ostrich ma nbiegħx minħabba li l-prezz offrut kien baxx.
Fil-farm bħalissa għandna par lamas, tnejn ostrich maskili u ostrich femminili.
Bdiewa/raħħala/sajjieda — Bolla tas-sigurta' nazzjonali
Question
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari numri 13396 u 12556, fejn il-Ministru wieġeb dwar in-numru globali, jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda separatament u mhux f'ċifra globali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħalma jaf l-Onor. Interpellant, ma tinżamx statistika separata ta' bdiewa, raħħala u sajjieda li bbenefikaw mill-għajnuna fuq il-bolla tas-sigurta soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-produtturi Maltin u Għawdxin tal-
ħalib frisk se jmorru aħjar bit-tneħħija tal-protezzjoni tal-levy fuq l-importazzjoni ta' dawn il-prodotti f'pajjiżna? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti li saru sabiex jiġi stabbilit dan il-fatt li qed isostni fid-diskorsi tiegħu dwar il-vantaġġ li se ġġib il-politika komuni tal-biedja ta' l-Unjoni Ewropea f'din l-industrija lokali?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant jaf li sħubija sħieħa fl-Unioni Ewropea tfisser pakkett sħieħ għal-benefiċju tal-produtturi Maltin u Għawdxin tal-ħalib frisk. Dan il-pakkett għandu jiġi negozjiat mal-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej. Kien il-Kap ta' l-Oppożizzjoni li kien qal li l-levies kellhom jitneħħew bla ebda benefiċju fl-ambitu tal-ftehim ta' Żona Kummerċjali Ħielsa.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-bdiewa Maltin u Għawdxin se jmorru aħjar bit-tneħħija ta' protezzjoni tal-levy fuq importazzjoni ta' ħaxix frisk f'pajjiżna? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji relatati dwar l-impatt ta' din l-eżenzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant jaf li sħubija sħieħa fl-U.E. tfisser pakkett sħiħ għall-benefiċju tal-bdiewa Maltin u Għawdxin. Dan il-pakkett għandu jiġi negozjat fid-dettal mal-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Europej. Kien il-Kap ta' l-Oppożizzjoni li qal li l-levies kellhom jitneħħew bla ebda benefiċju fl-ambitu taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles li ried hu.
Jista'l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' raħħala li jrabbu l-baqar, l-għoġġiela, majjal, tjur, mogħoż, nagħaġ u fniek reġistrati mad-dipartiment tas-servizzi veterinarji tad-dipartiment ta' l-agrikoltura matul l-1999?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' raħħala reġistrati f'Malta mas-Servizz Veterinarju huma :
i. Baqar u Għoġiela 116
ii. Mogħoż u Nagħaġ 1258
iii. Majjal 183
iv. Tjur 410
Għar-rigward tal-produtturi tal-fniek għad ma jeżistix reġistrazzjoni ta' dawn.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar sabiex tiġi rranġata l-problema ta' nuqqas ta' ilma fil-mixtla ta' Wied Inċita? Meta huwa maħsub li tiġi rimedjata din il-problema?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-sitwazzjoni rigward l-ilma għada bħal ma kienet sentejn ilu. Il-problema tista' tiġi rimedjata hekk kif jiġu pprovduti r-riżorsi neċessarji.
Jista' l-Ministru jgħid xi kwalifiki kellhom l-uffiċjali li attendew għal safar sabiex jirrappreżentaw id-dipartiment ta' l-agrikoltura u sajd matul l-1999 u f'liema konferenzi/laqgħat attendew?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista tal-konferenzi u laqgħat li sar minn uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u Sajd barra minn Malta matul l-1999.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi progress sar dwar il-proġett ta' bini ta' fabbrika ġdida tal-ħalib? Fejn hi l-art li se jagħti l-gvern lir-raħħala għal dan il-proġett?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jiena nfurmat li l-MDP ikkomissjonat studju dwar il-bini ta' fabbrika ġdida tal-ħalib. Il-konsultazzjonijiet mal-PA dwar l-art identifikata għal dan il-proġett għadhom sejrin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni tal-majjal f'Malta u f'Għawdex matul l-1999?
Response (ZAMMIT, NINU)
B'risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 13687 il-produzzjoni/qatla totali tal-majjal kif kienet sa l-aħħar tas-sena 1999, kienet kif tidher indikata fit-tabella ta' hawn taħt :
MALTA GĦAWDEX BIĊĊERIJA PRIVATA
Numru Piz/Kilos Numru Piz/Kilos Numru P iz/Kilos
96,942 7,928,107 5,315 452,426 22,299 1,877,637
TOTALI : NUMRU 124,556
PIZ/KILOS 10,258,170
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz ta' kull kilo ċanga friska tal-BIS li nbiegħ mill-biċċerija matul l-1999? Kemm kien il-prezz għas-snin 1997 u 1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-interpellant li l-prezz taċ-ċanga mibjugħ taħt il-BIS fis-snin 1997, 1998 u 1999 kien rispettivament ta' 65c, 78c5 u 45c kull kilo. Il-prezz lill-proċessuri huwa relatat mal-prezzjijiet taċ-ċanga għall-manufattura fis-swieq internazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bejjiegħa tal-laħam li xtraw iċ-ċanga friska mill-biċċerija matul l-1999? Xi kwantitajiet xtraw u kemm huwa kkalkulat f'ċifra ta' flus dan it-tunnellaġġ?
Response (ZAMMIT, NINU)
In-numru ta' bejjiegħa tal-laħam li xtraw ċanga friska u ħadu ċ-ċertifikat matul l-1999 kien ta' 14,200.
Il-kwantita li xtraw kienet ta' 1124089 kgs.
Peress li l-prezz li tinxtara ċ-ċanga huwa dak miftiehem bejn il-'Middleman' u l-kumpratur (butcher shop), ma tistax tiġi kkalkolata ċ-ċifra ta' flus.
Jista' l-Ministru jara li jiġi nvestigat għaliex il-ġonna li hemm fl-Imtarfa huma kolha abbandunati? Jista' jiġi kkordinat programm ta' tindif meħtieġ? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-uniku sit fl-Imtarfa li għalih hemm kuntratt tal-manutenzjoni huwa tal-playing field li tinsab fi Triq San David u f`dan il-post qed isir xogħol regolarment. Kien sar xogħol ta` landscaping f`Lulju tal-1998, u f`Lulju u Awissu tal-1999, biss minn dak in-nhar l`hawn id-Dipartiment ma ġiex imqabbad mill-Kunsill tar-Rabat biex iwettaq xi xogħol ieħor.
Jista' l-Ministru jgħid min se jibda jħallas lill-ispetturi barranin li jridu jispezzjonaw kull qabda tal-ħut tas-sajjieda Maltin u Għawdxin wara li Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea? Jikkonferma l-Ministru li ebda sajjied Malti ma jkun jista' jdaħħal ebda ħuta fis-suq lokali qabel tkun ġiet spezzjonata minn dawn l-ispetturi ta' l-Unjoni Ewropea? Jekk iva, kemm saru laqgħat mal-koperattivi dwar dan u x'ġie spjegat lis-sajjieda Maltin u Għawdxin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li normalment l-ispezzjonijiet fuq territorju jsiru minn 'inspectors' ta' dak it-territorju fuq bażi regolari u MHUX min barranin. Huma stabbilimenti u dgħajjes li darba kultant jiġu ispezzjonati mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropeja.
L-Onor. Interpellant għandu jibda jiċċekkja l-fatti qabel ma jibbaża domandi fuq informazzjoni ħażina.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 12675 u l-fatt li sajjieda Maltin u Għawdxin jenħtieġu immedjatament li jispiċċa l-użu ta' l-ajruplan u xibka in kwestjoni fis-sajd tat-tonn ħalli fl-istaġun li ġej ma jkunux żvantaġġjati ma' sajjieda Mediterranji li jistadu llegalment għat-tonn, jista' l-Minstru jitlob li ssir laqgħa urġenti u jekk hemm bżonn anke jiffinanzjaha l-gvern fid-dawl li jkunu rispettati r-regoli tal-ħarsien ta' l-ambjent u tas-sajjieda tal-gżejjer tagħna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi miżuri ta' din ix-xorta jiġu attwati wara li jkunu tressqu riżoluzzjonijiet għal dan il-għan lill-ICCAT u ħadd mill-membri ma joġġezzjona għalihom. L-aħħar sett ta' riżoluzzjonijiet fuq l-użu tax-xibka u l-ajruplan fis-sajd tat-tonn bix-xibka kienu:
* L-użu tax-xibka fil-Mediterran huwa projbit bejn l-1 ta' Awissu sal-31 ta' Awissu.
* L-użu ta' ajruplani jew 'helicopters' fis-sajd huwa projbit fil-Mediterran fix-xahar ta' Ġunju.
Dawn iż-żewġ rakkomandazzjonijiet ġew addottati mill-ICCAT fil-meeting li sar Spanja bejn it-22 u d-29 ta' Novembru 1996 fuq suġġerimenti li kienu saru fl-1994 u fl-1995. Dawn iż-żewġ rakkomandazzjonijiet kellhom effett mill-4 ta' Awissu 1997.
Fl-1998 l-ICCAT resqet rakkomandazzjonijiet oħra li fosthom ġie mibdul il-perjodu tal-projbizzjoni tal-użu tax-xibka fil-Mediterran għall-perjodu bejn is-16 ta' Lulju sal-15 ta' Awissu.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li sal-lum aħna OSSERVATURI biss tal-ICCAT u mhux membri sħaħ. Għaldaqstant m'għandniex il-fakulta li nivvutaw fuq rakkomandazzjonijiet.