Identity Malta – applikazzjonijiet pendenti għal Ċittadinanza Maltija
Question
Billi qed jiġi ripetut li n-numru ta' applikazzjonijiet għal Ċittadinanza Maltija żdied b'mod sostanzjali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu, preżentament, in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem Identity Malta, biex tingħata Ċittadinanza Maltija, skont il-kategorija differenti ta' applikazzjonijiet li għandha l-istess Identity Malta? Ta’ liema sena, sena b’sena huma l-applikazzjonijiet pendenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi kif diġa’ ingħad fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 31752, sal-aħħar ta’ Frar 2017, in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem Identity Malta biex tingħata ċittadinanza Maltija kien ta’ elf, disa’ mija u erbgħa u disgħin (1,994). Minn dawn, mitejn u tnejn u erbgħin (242) huma applikazzjonijiet ta’ persuni li talbu li jkunu naturalizzati bħala ċittadini Maltin, sitt mija u tlieta u sittin (663) huma applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza b’reġistrazzjoni a bażi ta’ żwieġ ma’ ċittadin/a ta’ Malta, filwaqt li elf u disgħa u tmenin (1,089) huma applikazzjonijiet ta’ persuni li talbu li jkunu reġistrati bħala ċittadini Maltin għax fl-arblu tar-razza għandhom żewġ ġenerazzjonijiet ta’ axxendenti li twieldu Malta.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26831, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali nvestigax id-directs orders li qabżu l-limitu stabbilit u x’passi ttieħdu f’kull ċirkustanza?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ħejja rapport dwar id-direct orders li qed jirreferi għalihom, liema rapport qed inpoġġieh fuq il-Mejda tal-Kamra.
Din l-amministrazzjoni ħadmet biex il-Kunsilli Lokali jingħataw taħriġ dwar il-liġi primarja kif ukoll dwar il-leġislazzjoni sussidjarja tal-Kunsilli Lokali, inkluż dawk finanzjarji, lis-Segretarju Eżekuttiv. Permezz ta’ dan it-taħriġ il-Kunsilli Lokali qegħdin ikunu ggwidati aħjar.
Fl-ambitu ta’ governanza tajba mill-Kunsilli Lokali, kontabilità u trasparenza, ir-regolamenti u l-proċeduri finanzjarji tal-Kunsilli Lokali, kif ukoll il-proċeduri li permezz tagħhom jinħarġu sejħiet għall-kwotazzjonijiet u offerti, ser ikunu emendati biex jimxu id f’id mar-regolamenti dwar l-akkwist pubbliku. Bi preparazzjoni għal din it-tranżizzjoni, ġie introdott l-użu tas-sistema tal-akkwist elettroniku (ePPS) mill-Kunsilli Lokali biex ikun żgurat li l-Kunsilli Lokali jkunu konformi mal-proċeduri ta’ xiri addottati mill-Gvern Ċentrali.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30797 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk l-inkjesta li kienet intalbet mill-Ministru għall-Familja u Soliderjetà Soċjali waqt li kien għamel referenza għal diskors li sar minni fil-21 ta' Ottubru 2015 waqt seduta parlamentari b'rabta mal-ħidma tal-Advisory Board tal-fostering tlestietx? Jekk fil-fatt tlestiet, jista’ jpoġġi r-rapport ta' din l-istess inkjesta fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Membru li l-inkjesta għadha għaddejja u waslet fi stadju biex tingħalaq.
Jista’ l-Ministru jgħid x’għamel dan il-Gvern biex ikabbar l-użu tal-Alternative Dispute Resolution (ADR)?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-qasam ta’ Alterntive Dispute Resolutions, il-Gvern abbozza emendi għall-Att Dwar il-Medjazzjoni liema Att illum għadda mit-Tielet Qari tiegħu f’dan l-aħħar xahar. L-istess Att sallum għadu ma ġiex ippubblikat fil-Gazzeta tal-Gvern.
Illi f’dan il-qasam, hemm
features
innovattivi fejn jirriżulta li:
1. Estendejna l-Medjazzjoni obbligatorju mhux biss fil-Qorti Ċivili (Sezzjoni Familja) iżda anki sejra tiddaħħal fil-Bord li jirregola l-Kera skont u taħt iċ-ċirkostanzi kif hemm spjegat fl-istess Att;
2. Daħħalna li f’kawzi quddiem il-Qorti Tal-Maġistrati (Malta) u ma' l-ewwel smigħ il-Maġistrat irid jitlob lill-partijiet jekk jixtiequx jiftehmu b’medjazzjoni u f’każ li ma hemmx lok, allura digriet jingħata fl-istess smigħ tal-kawża jew tingħata differiment żgħir sabiex il-partijiet jippruvaw jaslu sabiex jittransiġu l-pendenzi tagħhom.
3. Daħħalna il-
videoconferencing
għal Medjazzjonijiet liema Medjazzjonijiet jistgħu jsiru anki tramite dawn is-sistemi teknoloġiċi basta li l-partijiet u l-medjatur huma miftiehmin bil-mezzi li sejrin jaddottaw;
4. Daħħalna artikolu fejn il-Gvern jista’ joħroġ skemi għal pubbliku mad-Dipartimenti tiegħu stess li jippromwovu medjazzjonijiet fi kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien bejn il-partijiet u bejn id-Dipartimenti konċernati.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ x’sar minn dan il-Gvern sabiex tissaħħaħ l-indipendenza fil-ġudikatura?
Response (BONNICI, OWEN)
L-indipendenza tal-ġudikatura hija waħda mill-elementi bażiċi tal-istat tad-dritt (rule of law) u dan il-gvern ħa diversi passi biex isaħħaħha.
Dan kemm fuq il-livell legislattiv u partikolarment fuq dak Kostituzzjonali kif ukoll fuq il-livell prattiku.
Fuq il-livell legislattiv l-aktar passi importanti li mexxa dan il-gvern f’ dan il-qasam kienu l-emendi għall-Kostituzzjoni li saru permezz tal-Att XLIV tal-2016 u li bih issaħħet il-protezzjoni Kostituzzjonali tal-Kummissjoni Għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u twaqqfu l-Kumitat dwar Ħatriet fil-Ġudikatura u l-Kumitat dwar l-Imħallfin u l-Maġistrati li permezz tiegħu il-ġudikatura teżerċita awto-dixxiplina fuqha nnifisha.
Dawn l-iżviluppi kienu passi verament storiċi li abbordaw kwistjonijiet u problemi li kienu ilhom jiġu diskussi fis-sistema Kostituzzjonali Maltija għal ħafna snin u li donnu kien hemm ukoll rassenjazzjoni li dawn qatt ma huma se jissolvew.
Fuq il-livell prattiku dan il-Gvern żied ir-riżorsi tal-ġudikatura kemm billi żied in-numru ta’ ġudikanti kif ukoll billi pprovda għat-twaqqif tal-kariga ta’ Court Attorney illi jassistu lill-membri tal-ġudikatura fix-xogħol tagħhom.
Dan il-Gvern irriżolva ukoll il-kwistjoni tal-pensjoni tal-membri tal-ġudikatura illi kienet ilha s-snin tiġi diskussa biex b’ hekk setgħet tissaħħaħ ukoll l-indipendenza personali tal-ġudikanti.
Għad illi f’ dan il-qasam dejjem jibqa’ xi jsir, din il-leġislatura certament illi se tibqa’ tissemma bħala waħda fejn ġew sblokkati, u fejn sar progress kbir dwar, ħafna kwistjonijiet li jirigwardaw il-ġudikanti u l-indipendenza taghhom kemm personalment kif ukoll bhala organu kostituzzjonali.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ x’viżibilità kellha l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta barra minn Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta żaret diversi pajjiżi u tellgħet għadd numru sostanzjali ta’ kunċerti barra minn Malta , fejn ndaqqu xogħlijiet ta’ kompożituri Maltin. Qed inpoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-postijiet li ġew restawrati mid-Direttorat għar-restawr matul l-2016?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ postijiet li ġew restawrati matul l-2016, kif ukoll lista ta’ dawk il-postijiet li matul l-istess sena beda xogħol ta’ restawr fuqhom.
Wara li l-impjegati tal-Awtorità tax-Xandir kitbu lill-Prim Ministru dwar intimidazzjoni u bullying fuqhom miċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir u wara li l-Oppożizzjoni stqarret pubblikament li tilfet il-fiduċja li l-persuna magħżula għandha l-kompetenzi u l-ħiliet neċessarji biex tmexxi din l-awtorità importanti, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk irċeviex jew talabx għar-riżenja ta’ din iċ-Chairperson?
Identity Malta – applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija pendenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31508 u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija pendenti fil-preżent ġewwa Identity Malta? Jista’ jgħid kemm minnhom huma għal ċittadinanza biż-żwieġ, b'naturalizzazzjoni u taħt l-iskema IIP?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2010 sa Frar tal-2017, id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza irċieva total ta’ disat elef, seba’ mija u ħamsa u għoxrin (9,725) applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija. Minn dawn, elf, disa’ mija u erbgħa u disgħin (1,994) applikazzjoni għadhom qiegħdin jiġu pproċessati.
L-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija żdiedu minn sena għall-oħra, bl-aktar żieda sostanzjali tkun irreġistrata fl-2016. Is-sena li għaddiet, l-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza żdiedu b’sebgħa u ħamsin fil-mija (57%) meta mqabblin ma’ dawk li d-Dipartiment kien irċieva fl-2011.
Bejn l-2010 u Frar 2017, id-Dipartiment irċieva total ta’ erbat elef, seba’ mija u tliet (4,703) applikazzjonijiet li jirrigwardaw ċittadinanza bi żwieġ jew naturalizzazzjoni, li minnhom disa’ mija u ħamsa (905) għadhom qegħdin jiġu pproċessati.
Meta wieħed iqabbel is-sena 2016 mas-sena 2011 isib illi matul is-sena li għaddiet, żdiedet b’sitt elef, disa’ mija u għoxrin fil-mija (6920%) ir-rata ta’ rifjut ta’ applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija bi żwieġ u b’naturalizzazzjoni.
Fil-każ tal-Programm ta’ Cittadinanza b’Investiment, sal-ahhar ta’ Frar 2017 kien hemm 346-il applikazzjoni li ghadhom ghaddejjin mill-fazi ta’ due diligence.
Jista’ l-Ministru jgħid kif inhi komposta l-Awtorità tax-Xandir skont l-Att dwar ix-Xandir? Jista’ jgħid kemm hemm membri fuq il-Bord li huma nisa u kemm minnhom huma persuni b’diżabilità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Awtorità hija appuntata mill-President ta’ Malta fuq parir tal-Prim Ministru wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppozizzjoni. Illum l-Awtorita’ hija komposta kif gej:
Chairperson: Is-Sinjura Tanya Borg Cardona
Membri: Dr Peter Fenech,
Sur Francis Ghirxi
Dr Alessandro Lia
Sur Christian Scicluna.
Fil-preżent iċ-Chairperson tal-bord tal-Awtorita’ hija femminili u ma hemmx persuni b’diżabilità.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31654 u jinforma l-Kamra kemm tressqu talbiet ta’ petizzjonijiet taħt is-sistema kif stabbilita fl-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja Kap. 291 tal-Liġijiet ta’ pajjiżna? Kemm minnhom daħlu direttament u elettronikament? Kemm minnhom ġew milqugħa u kemm ġew miċħuda?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
L-Imdina – is-Saqqajja – art protettiva tal-playground fil-bandli – xogħlijiet ta’ manutenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni minnufih rigward ta’ manutenzjoni urġenti meħtieġ fuq l-art protettiva tal-playground bil-bandli fis-Saqqajja, l-Imdina, hekk kif allegatament weġġgħu t-tfal minħabba l-kundizzjoni ħażina tal-art?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Imdina li ma rċieva l-ebda rapport li weġġgħu xi tfal. Intant infurmat ukoll li dan l-aħħar il-Kunsill għamel xogħol ta’ manutenzjoni fil-bandli. Fil-frattemp il-Kunsill ser iqabbad playground inspector biex jagħmel risk assessment sabiex il-Kunsill ikollu stampa tas-sitwazzjoni u jkun jista’ jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-benefiċċju li qed jinħass bl-implimentazzjoni tal-proġetti tal-informatika, f’dawk l-awli li qed jagħmlu użu minn din is-sistema?
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-fondi li qassam il-Kunsill Malti għall-Arti fis-sena 2016 u kif tqassmu?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li l-Kunsill Malti għall-Arti matul is-sena 2016 qassam €1,052,217.7. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni dwar kif ġew mqassma dawn il-Fondi.
Postijiet artistiċi/kulturali li huma mmexxija mill-Gvern – avvenimenti kulturali
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm ittellgħu avvenimenti kulturali fil-postijiet artistiċi/kulturali li huma mmexxija mill-Gvern matul l-2016?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.