Legislature:
Category:
Reset
Active:

OPCs

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm matul is-snin 2004, 2005 u Jannar u Frar 2006 il-pulizija ħadu passi kontra OPCs (Outside Promotion Contact) li jbiegħu t-timeshare f'Buġibba minħabba l-mod abbużiv kif idejqu lit-turisti, anke b'imġieba agressiva?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-sena 2004 il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti erba' outside promotions contacts fuq ksur tar-Regolamenti ta' l-2004 dwar il-Promozzjoni tat-Timeshare ġewwa Buġibba, filwaqt li matul is-sena 2005 ressqet wieħed, u matul din is-sena, s'issa, ma tressaq ħadd.

Gżira — Immaniġġar ta' traffiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi arranġament mal-pulizija dwar ħarsien ta' liġi u mmaniġġar ta' traffiku fil-ħin tal-bidu u t-tmiem tal-jum skolastiku ġewwa triq fil-Gżira barra l-kulleġġ Stella Maris, peress li għandi ilmenti dwar konfużjoni sħiħa fit-triq u ksur tal-liġi tat-traffiku kull jum skolastiku?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-passaġġ tat-traffiku fit-toroq li jagħtu għall-iskola msemmija mill-Onorevoli Interpellant huwa ristrett b'tabelli tas-sinjali tat-traffiku għal waqt il-ħinijiet tad-dħul u ħruġ ta' l-istudenti. Pero' jidher illi xi ġenituri tat-tfal li jattendu dan il-Kulleġġ jippretendu li jwasslu lit-tfal tagħhom sal-bieb. Infurmat ukoll illi kien hemm żmien meta kien ikun hemm is-sorveljanza tal-Gwardjani Lokali, fil-ħinijiet tad-dħul u ħruġ tat-tfal f'din l-iskola.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Droga

Question

Wara x-xhieda mogħtija fil-qorti minn Joseph Fenech dwar l-ammont ta' droga fil-ħabs, u anke kif ġie rrapportat li xehed li qed isir negozju tad-droga fil-ħabs, jista' il-Viċi Prim Ministrui jgħid jekk hux ser jordna investigazzjoni biex jara x'qed isir fil-ħabs biex kif inhu allegat qed tidħol tant droga fil-ħabs? Ma jaħsibx li kulħadd, iżda speċjalment iż-żgħażagħ fil-ħabs, għandhom jiġu protetti mid-droga?

Response (BORG, TONIO)

L-awtoritajiet tal-ħabs jagħmlu investigazzjonijiet kontinwi dwar il-presenza ta' droga fil-ħabs; dawn il-kontrolli wkoll iħallu frott kif jidher mir-riżultati miksuba u persuni mressqa l-Qorti.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm priġunieri fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin li qed jattendu kors ta' riabilitazzjoni mid-droga? Kemm hemm persuni fil-ħabs li għad m'humiex ikkundannati li qed jattendu xi kors simili? Kemm hemm persuni sentenzjati u anke dawk li mhumiex li qed jingħataw il-methadone fil-ħabs?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm disa u għoxrin (29) priġunier li qegħdin jattendu kors ta' riabilitazzjoni mid-droga. Infurmat ukoll li ma hemm l-ebda priġunier li jinsab taħt arrest preventiv li qiegħed jattendi xi kors simili u li fil-preżent hemm ħdax-il priġunier li jingħataw il-methadone fil-ħabs.

Visa għall-istudenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk f'pajjiżna għandniex il-possibbilta' ta' visa għall-istudenti? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din il-visa tidħol ħalli jkun hemm anqas problemi għal studenti barranin li jkunu għażlu lil Malta sabiex ikomplu l-istudji tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent studenti minn pajjiżi fejn hija meħtieġa l-visa, li jkunu jridu jiġu jistudjaw Malta, diġa' jistgħu japplikaw sabiex jingħataw permess jiġu Malta sabiex isegwu l-kors ta' studju fl-istess ħin qed jittieħdu miżuri biex jiffaċilitaw il-ħruġ ta' tali visas.

Qrati — Medjaturi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm medjaturi impjegati tal-qorti? Min huma u kemm għandhom sigħat ta' xogħol kull wieħed u waħda minnhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi hemm għaxar medjaturi impjegati tal-Qorti li l-ismijiet tagħhom u n-numru ta' siegħat li jaħdmu huwa kif indikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti Ċiniżi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformana kemm ġew studenti Ċiniżi biex jitgħallmu l-Ingliż fis-snin 2004 u 2005? Kemm fil-fatt applikaw studenti Ċiniżi biex jiġu Malta fis-sena 2005 u kemm ġew aċċettati?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġibiet li jien kont tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 13001 u 14159, fis-seduti 279 u 344 rispettivament.

Espropriazzjoni ta' art — Sptar Mater Dei

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dikjarazzjonijiet kollha ta' l-espropriazzjonijiet kollha ta' l-artijiet illi ttieħdu mill-gvern in konnessjoni ma' l-isptar Mater Dei u jpoġġi wkoll fuq il-mejda tal-Kamra l-kuntratti li diġa' saru mas-sidien in konnessjoni ma' l-imsemmija artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant jirrikjedi ħafna xogħol u riżorsi sabiex jinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Kunsilli lokali — Ħaddiema tal-gvern

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-gvern attached ma' kull kunsill lokali u jekk hemmx talbiet pendenti minn xi kunsilli lokali għall-ħaddiema tal-gvern?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 40 ħaddiema tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet assenjati mal-Kunsilli Lokali. Saret talba mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali sabiex il-45 ħaddiema li ssejħu lura mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jerġgħu jiġu assenjati mal-Kunsilli Lokali rispettivi malli dawn itemmu l-proġett li għalih kienu ġew imsejħa lura.

Immigrazzjoni llegali

Question

Wara ż-żjara tal-Kummissarju Frattini, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-proġetti li Malta issottomettiet jew se tissottometti lill-Kummissjoni Ewropea għal għajnuna mill-Unjoni Ewropea in materja tal-kriżi ta' l-immigrazzjoni llegali li qed tolqotna?

Response (BORG, TONIO)

Minn wara ż-żjara tal-Kummissarju Frattini, Malta issottomettiet numru ta’ proġetti għall- għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-programmi ‘RETURN – preparatory actions’ u l-ARGO. ‘Return – preparatory actions’ Malta għamlet talba għall-fondi sabiex jitħallsu 80% tan-nefqa għar-ripatriju ta’ 185 immigrant illegali li ġew mill-Afrika ta’ Fuq. Malta, flimkien ma’ l-Italja u l-‘International Organisation for Migration’ (IOM), issottomettiet proġett li jindirizza b’mod partikolari r-ripatriju ta’ immigranti llegali lejn l-Eġittu, l-Libja u n-Niġerja. Flimkien ma’ l-Belġju, Franza u l-Ġermanja, Malta issottomettiet proġett sabiex tkun stabbilita koperazzjoni mar-Republika Demokratika tal-Kongo bl-għan li jitwaqqaf proċess effiċjenti ta’ identifikazzjoni u repatriju ta’ immigranti llegali mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Mal-Ġermanja, Malta issottomettiet proġett għall-finanzjament ta’ titjiriet magħrufa aħjar bħala ‘joint flights’ li permezz tagħhom jiġi iffaċilitat ir-repatriju ta’ immigranti llegali li joriġinaw mill-Punent ta’ l-Afrika. ARGO Malta issottomettiet proġett sabiex jitħallsu 80% tan-nefqa fuq il-bini u xogħol ta’ manutenzjoni f’ċentri ta’ accommodazzjoni partikolarment f''Lyster Barracks’ u ‘Safi Barracks’. Flimkien ma’ l-Olanda, Malta issottomettiet proġett li jkopri t-taħriġ għall-uffiċċjali inkarigati miċ-ċentri ta’ akkommodazzjoni. Dan il-proġett jaħseb ukoll għar-‘resettlement’ fl-Olanda ta’ numru ta’ refuġjati minn Malta.

Ġustizzja u Intern — Rigali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq rigali li ngħataw minnu jew mill-istaff privat tiegħu, kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, matul l-2003, 2004, 2005 u minn Jannar 2006 sal-lum separatament? Jista' jgħid lil min ingħataw, fiex kien jikkonsisti r-rigal li ngħataw, kemm qam flus, minfejn inxtara u min approva x-xiri tiegħu? Jista' jgħid x'rigal ingħata hu bħala Ministru b'reċiproċita'?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istaff privat tiegħi ma ta l-ebda rigali la f'Malta u lanqas barra minn Malta. L-uniċi rigali li ngħataw kienu minni bħala Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern u mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħi. Kien hemm drabi wkoll fejn għamilt dan bħala Aġent Prim Ministru. In-nefqa kienet hekk: Sena 2003 Lm494.15 2004 Lm806.30 2005 Lm812.18 2006 Lm155.51 Ir-rigali ġew mogħtija lil diversi persuni bħal kapijiet ta' stat, prim ministri, ministri u membri għolja ta' delegazzjonijiet li kellna laqgħat magħhom fil-perjodu msemmi kemm f'Malta kif ukoll barra. Dawn ir-rigali inxtraw minn erbatax-il ħanut/aġent differenti u kienu jikkonsistu f'oġġetti ta' artiġjanat Malti, kotba u affarijiet oħra. Spiss f'dawn l-istess laqgħat saru skambji ta' rigali li kienu jikkonsistu ħafna drabi f'rigali ta' l-istess ġeneru.

Każ dwar Overspeeding

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17342, tajjeb li l-Viċi Prim Ministru jkun jaf li l-appell skond Artikolu 11(1) ta' Kap 291 sar Malta quddiem il-qorti tal-maġistrati u mhux Għawdex peress li s-sentenza tat-tribunal ġiet mogħtija mit-tribunal ta' Tas-Sliema.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li wara li ġie verifikat li daħal appell fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta) u mhux ta' Għawdex, kif ukoll li sad-data tal-Mistoqsija Parlamentari kien għadu ma ntalabx l-inkartament mingħand l-Uffiċjal Awtorizzat (tat-Tribunal Lokali), ittieħdu l-miżuri sabiex it-tiġdid ta' l-imsemmija vettura jkun jista' jsir.

Striptease Clubs

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar il-ftuħ ta' striptease clubs? Jista' jgħid jekk ikun hemm applikazzjoni, huwiex possibbli li joħroġ il-permess skond il-liġijiet eżistenti ta' Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tinvestiga kull informazzjoni li jkollha dwar xi operat tà striptease, u fejn dan jirriżulta jittieħdu proċeduri quddiem il-Qorti. Infurmat ukoll illi talbiet għall-permessi tà striptease ma jiġux milqugħa mill-Pulizija.

Shipbuilding — Parking

Question

B'riferenza għal parking li jinsab fl-ex-shipbuilding, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li dan jiġi trasformat fi ġnien/area ta' rikreazzjoni għat-tfal/residenti ta' Albert Town?

Response (BORG, TONIO)

Il-Gvern għadu ma ħax deċiżjoni dwar l-aħjar użu li għandu jsir mill-art li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.

Ħal Kirkop — Sprayer/painter

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid, għar-rigward ta' l-isprayer/painter li jinsab fi Triq iż-Żebbiegħ f'Ħal Kirkop, li qiegħed dar ma' dar ma' skola tal-gvern: a) hux jopera bil-permess; b) x'posibbilta' hemm, jekk fl-affermattiv, li jiġi allokat banda oħra u dan minħabba l-fumes li jikkawża li hu ta' dannu għal saħħet il-ġirien u l-istudenti?

Response (BORG, TONIO)

Ser issir ri-lokazzjoni fil-Qasam Industrijali ta' Ħal Luqa tal-garaxx in kwestjoni mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern u d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni; dan ser isir in vista tal-Pjan mniedi sentejn ilu mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni ta' espansjoni tal-iskola eżistenti u l-bini ta' kumpless sportiv ġdid. Diġa' nħarsu l-permessi tal-MEPA għall-bini ta' post alternattiv u malli dan ikun lest issir ir-rilokazzjoni.

Mqabba — Spazju għal rikreazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jitnaddaf l-ispazju kbir li huwa ntiż bħala spazju għar-rikreazzjoni tal-pubbliku fi Triq Dun Giacomo Tortella, fl-Imqabba u x'tip ta' ippjanar hemm għal kif dan l-ispazju għandu jiġi żviluppat u utilizzat?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalita’ legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali ikkonċernat.

Reġistru tal-Qorti

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 17759 li ngħatat fit-13 ta' Marzu 2006 - seduta 364 - jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-verifiki jsiru sew stante li ma teżisti l-ebda oġġezzjoni minn terz kreditur billi l-avukat jew prokuraturi legali tal-partijiet rispettivi ffirmaw għan-nuqqas ta' oġġezzjoni tagħhom ħalli l-imsemmija somma indikata tiġi sbankata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-oġġezzjoni minn terz kreditur kienet magħmula mill-HSBC kif hemm indikat fin-nota li ppreżenta l-istess Bank fil-25 tà Novembru 2004, kif jidher mid-dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll illi din l-oġġezzjoni ġiet sorvolata ai fini tà dan l-iżbank b’kunsens mogħti fit-13 tà Marzu 2006.

Qrati — Separazzjonijiet/Annullamenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kawżi ġodda ta' separazzjonijiet u annullamenti ċivili matul l-2005?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' kawżi ġodda preżentati quddiem is-sezzjoni tal-Qorti tal-Familja għal separazzjonijiet personali u kawżi ġodda għal annullament fl-2005 kienu kif ġej:- Separazzjonijiet Personali Annullamenti Qorti Ċivili (Malta) 149 208 Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) 8 10 Dawn ma jinkludux il-każijiet tal-medjazzjoni.