Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament qed inaqqsulu Lm2.53c minn kull pagament tal-pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali informa lill-persuna imsemmija dwar il-każ tagħha.
B'riferenza għal-mistoqsija parlamentari nru. 31413, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija in konnessjoni ma' Blokk C, Triq Ġananton Tanti (u mhux Jonathan Tanti kif deher) f'Ħal Tarxien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jirriżultax li l-Awtorita' rċeviet applikazzjoni għall-installar ta' lift fi Blokk C, Triq Ġananton Tanti, Tarxien.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari nru. 31412, jista' l-Ministru jgħid liema huma l-11 il-blokk fejn inbeda jew tlesta x-xogħol infrastrutturali meħtieġ biex jiġu installati lifts? Jista' l-Ministru jgħid kemm attwalment twaħħlu lifts ġodda li qegħdin joperaw bħalissa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-lift fi Blokk 5 Triq il-Fosos Florinana ġie nstallat kif ukoll imħaddem. Iċ-ċwievet tal-lift ser jingħataw lir-residenti applikanti hekk kif ikun iċċertifikat mill-engineer.
Tlesta x-xogħol strutturali u nbeda wkoll ix-xogħol ta' stallazzjoni tal-makkinarju tal-lift f'dawn il-blokki:
80 Triq il-Merkanti Valletta
Blokk A2 Triq Sir Ugo Mifsud
18 Triq Sant'Anna Floriana
24 Triq Sant'Anna Floriana
39 Triq Sant'Anna Floriana
104 Triq il-Kapuċċini Floriana
S'issa nbeda x-xogħol strutturali f'dawn il-blokki:
4 Triq il-Punent Valletta
Blokk A Triq Annetto Caruana Tarxien
Blokk D1 Housing Estate Ta' Xbiex
Blokk D3 Housing Estate Ta' Xbiex
Blokk E3 Housing Estate Ta' Xbiex
85 St Nicholas Street Valletta
88 Merchants Street Valletta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-liġi dwar il-Condomenia daħlitx fis-seħħ kollha kemm hi? Jista' jgħid wkoll jekk hemmx xi struttura li twaqqfet sabiex tirċievi lmenti u problemi fost dawk li jgħixu fl-istess block ta' appartamenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onor. Interpellant hu mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw b'mod separat, ma ħaditx iż-żieda għall-għoli tal-ħajja imħabbra fl-aħħar budget?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li rreġistraw il-propjeta tagħhom fl-iskema li ġiet imnedija dan l-aħħar għal reġistrazzjoni ta' propjeta fuq mod volontarja? Jista' jaqsamhom lokal b'lokal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġgħu persuni fuq ix-xogħol is-sena l-oħra u kemm tħallsu b'benefiċċji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li għamlu talba għall-benefiċċju għall-korriment matul is-sena 2001 kien ta' 4867. Dan in-numru mhux neċessarjament li jirrapreżenta n-numru totali ta' dawk li fil-fatt weġġgħu fuq ix-xogħol. Peress li l-liġi dwar is-Sigurta' Soċjali tipprovdi li ma jitħallasx benefiċċju fejn persuna li tkorri fuq ix-xogħol tassenti ruħha għal anqas minn erbgħat ijiem, jista' jkun li nimru ta' persuni li jassentu ruħhom għal tlett ijiem jew anqas wara korriment fuq ix-xogħol ma jagħmlux talba għall-benefiċċju.
L-ammont ta' dan il-benefiċċju li tħallas is-sena l-oħra kien ta' Lm3,818,671. Dan l-ammont jinkludi ħlas dwar talbiet li kienu saru qabel l-2001 iżda li baqgħu jitħallsu matul l-2001.
Jista' l-Ministru jara li meta l-ETC jikkunsidra lill persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu under separate cover għax-xogħol tieħu in konsiderazzjoni il-qagħda mediku tiegħu hekk kif inhi spjegata on file?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant marret tirreġistra għax-xogħol mal-Korporazzjoni għall-Impjieg u Taħriġ fl-20 ta' Frar 2002, wara li waqfet mill-impjieg waqt iż-żmien ta' prova. F'dik l-istess data l-persuna nfurmat lill-Employment Advisor tal-Korporazzjoni bil-problemi mediċi li kienet issofri minnhom.
L-Employment Advisor kien tal-parir li din il-persuna tiġi riferuta biex tirreġistra bħala special case u għalhekk ingħatalha appuntament għal vista mat-tabib tal-Korporazzjoni.
Jista’ l-Ministru jghid x' kienet d-data meta s-soċjeta Technical and Management Services Limited, sussidjarja tal-Maltacom plc, għamlet talba għall-ingaġġ ta' konsulent fil-qasam tas-sigurta u kontroll ta' frodi mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ? Jista l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni qegħdin jirregistraw għal dan it-tip ta' xoghol, min huma, kemm kienu ilhom hekk jirregistraw wieħed, wieħed u min intagħzel minnhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Technical and Management Services Limited hija kumpanija sussidjarja tal-Maltacom PLC, u għalhekk l-informazzjoni li qed tintalab tista' tkun ta' valur kummerċjali. Mhux soltu tingħata informazzjoni fuq ażjendi kummerċjali.
Maltacom PLC għandha 40% tal-isħma f'idejn il-privat. Nassigura lill-Onor. Interpellant li l-ETC segwiet il-proċeduri kollha li normalment jiġu segwiti f'każijiet bħal dawn.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intefgħu offerti għal bejgħ ta' fondi f'Ħal Farruġ, Luqa kif imħabbra fil-gazzetta tal-Gvern, tat-12/10/01, nru. 17,150. Avviżi nri. 166, 167, 168 u 169? Kemm kienu l-offerti li ntefgħu skond kull fond? Min ingħatat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-Awtorita' tad-Djar irċeviet offerti għal bejgħ ta' fondi f'Ħal Farruġ kif ġej:
Avviż 166 - Fond numru 20 Luqa Ħal Farruġ
L-Awtorita' tad-Djar irċeviet offerta waħda għall-bejgħ ta' dan il-fond mingħand is-Sur Gordon Micallef għall-ammont ta' Lm3500. Il-fond ġie allokat lis-Sur Micallef.
Avviż 167 - Fond numru 14 Luqa Ħal Farruġ
L-Awtorita' tad-Djar irċeviet żewġ offerti għall-bejgħ ta' dan il-fond kif ġej:
a) mingħand is-Sinjura Anna Zammit li offriet Lm3610.75;
b) mingħand is-Sur Ronald Meli li offra Lm3501.
Il-fond ġie allokat lis-Sur Ronald Meli għall-prezz ta' Lm3610.75 peress illi skond il-kondizzjonijiet relatati mal-bejgħ ta' garaxxijiet b'offerti, dawn jiġu offruti lil min joqgħod l-iżjed viċin tal-garaxx inkwestjoni u bil-prezz ta' l-għola offerta.
Avviżi 168 u 169 - Fondi numri 3 u 4 Luqa Ħal Farruġ
L-Awtorita' tad-Djar ma rċeviet l-ebda offerta għal dawn il-fondi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefgħu offerti għal bejgħ ta' fond f'Ħal Kirkop, kif imħabra fil-Gazzetta tal-Gvern, tat-12/10/01, nru. 17, 150, avviż nru. 161? Kemm kien hemm l-offerti li ntefgħu skond kull fond? Lil min ingħatat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-fond li rreferiet għalih l-Onor. Interpellanti, li jikkonsisti f'garaxx li qiegħed numru 6, Triq tal-Fieres, Ħal-Kirkop, kien ġie oriġinarjament offrut flimkien ma' appartament numru 5 fi blokk 7, Triq tal-Fieres, Ħal-Kirkop skond Avviż Numru 64, li ġie ppubblikat fil-Gażżetta tal-Gvern tat-30 ta' Mejju 2000. L-applikanta li ġiet offruta dan l-appartament u l-garaxx riedet tixtri l-appartament biss u għalhekk il-garaxx reġa nħareġ għall-bejgħ bl-offerti b'Avviż Numru 161, li ġie ppubblikat fit-12 ta' Ottubru 2001. L-Awtorita' tad-Djar ma rċeviet ebda offerta għal dan il-garaxx.
Eventwalment din l-applikanta rrifjutat li tixtri anki l-appartament u għalhekk il-garaxx reġa nħareġ għal bejgħ flimkien ma' l-appartament imsemmi skond Avviż Numru 66 ippubblikat fil-Gażżetta tal-Gvern fis-26 ta' Novembru 2001. L-applikazzjonijiet dwar dan l-Avviż għadhom qed jiġu proċessati.
Jista' l-Ministru jgħid lil min ingħatat l-offerta għal xiri ta' vettura bit-tail lift (second hand) għar-residenza San Vinċenż de Paule, Ħal Luqa skond il-Gazzetta tal-Gvern ta' 12/10/01 nru 17, 150? Għaliex din il-vettura qed tinxtara second hand? Kemm tiswa ġdida? Kemm tiswa second-hand?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ma ġiet aċċettata ebda offerta għax-xiri ta' vettura bit-tail lift għar-Residenza San Vinċenz peress li ebda offerta ma kienet tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet rikjesti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tarbija ta' omm u missier frustiera li hija imwielda Malta u li missierha għandu freedom of movement jaħdem u jħallas il-bolli u t-taxxa għandha dritt għac-children allowance?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali tistabilixxi l-kriterji għad-dritt taċ-Child Allowance. Dan il-benefiċċju jitħallas f'isem kull tarbija lill-kap ta' familja li:
1. jissodisfa test tad-dħul stabbilit mill-istess Att;
2. għandu l-kura u l-kustodja tat-tarbija;
3. ilu residenti Malta għal tlett xhur qabel id-data ta' l-applikazzjoni għal benefiċċju;
4. wieħed mill-ġenituri huwa ċittadin Malti.
Fir-rigward ta' l-aħħar kundizzjoni huwa mportanti li wieħed isemmi li bis-saħħa ta' l-Avviż Legali 204 ta' l-1999, ċittadini ta' pajjiżi membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa jitqiesu bħala ċittadini Maltin għal skopijiet ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.
L-istess trattament ġie estiż ukoll permezz ta' l-Avviż Legali 291 ta' l-2001 lil persuni meqjusa bħal refuġjati skond l-Konvenzjoni ta' l-1951, kif ukoll l-Protocol tal-31 ta' Jannar 1967, tal-Ġnus Magħquda.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-persuna ndikata mhux qed jingħata l-pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tiġi nfurmata bl-eżitu tal-każ tagħha personalment mill-uffiċċjal inkarigat tad-distrett tagħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta għandha tiġi ppubblikata l-legal notice in konnessjoni ma' l-aħħar ftehim kollettiv li kien sar għall-ħaddiema fis-settur pubbliku biex jirregola l-pensjoni ta' dawk li kienu ngaġġati fis-Servizz Pubbliku qabel is-sena 1979? Jista' jgħid kemm huwa kkalkulat li din il-miżura sejra tqum għall-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kontenut tal-Mistoqsija jindika li l-Onor. Interpellant mhux qed jirreferi għal pensjonijiet imħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Għalhekk nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Foundation for Human Resources Development hijiex tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, min huma l-membru tal-fondazzjoni? Jista' jgħid meta twaqfet din il-fondazzjoni? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istatut tal-fondazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani hi Fondazzjoni awtonoma b'personalita' legali distinta li ġiet imwaqqfa permess ta' Att Notarili fl-24 ta' Settembru 1990.
Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 31488 b'referenza għall-Blokk 2 (u mhux Blokk 1)
skema 2, Telgħet Raħal Ġdid, Paola u cioe, jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-applikazzjoni
li kien hemm biex jiġi installat lift fi blokk 1, scheme 2, Telgħat Raħal Ġdid, Paola li fih
16-il appartament u hemm ħafna spazju fejn lift jista' jiġi installat faċilment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ma jirriżultaliex li rċieviet xi applikazzjoni għall-installar ta' lift minn residenti ta' Blokk 2, Telgħet Raħal Ġdid, Paola.