Legislature:
Category:
Reset
Active:

OPM — Safar

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16877 u jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-ministeru, dipartiment, kumpanniji eċċ. li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tiegħu ta' safar li sar matul l-2005? Kemm miċ-ċifra tħallset?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16877 f’din l-istess seduta.

Riċevimenti f'dipartimenti tal-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17185 u jgħid kemm saru riċevimenti fil-ministeri kollha matul l-2005 u fl-ewwel xahar ta' l-2006? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġie jiswa kull riċeviment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta li tajt f’Mistoqsija Parlamentari Numru 16896.

Għawdex — Depożiti/self mill-banek

Question

Nirriferi lill-Prim Ministru għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 16769 dwar depożiti u self mill-banek f'Għawdex, jista' jgħid kemm kien in-numru ta' kontijiet ta' depożiti u ta' self fl-aħħar ta' kull sena u kemm kien in-numru u l-ammont ta' house loans fl-aħħar ta' kull sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex

Question

Nirriferi lill-Prim Ministru għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 17305 dwar konsultazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex fit-tfassil tal-politika għat-twaqqif ta' korpi statutorji. Peress li jiena tlabtu jgħid x'konsultazzjoni saret mal-Ministeru għal Għawdex u l-Prim Ministru wieġeb li "il-Ministeru għal Għawdex kien u għadu nvolut fit-tfassil tal-politika ta' pajjiżna bil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex fil-Kabinett", jista' jekk jogħġbu l-Prim Ministru jippreċiża t-tweġiba tiegħu u jgħid jekk il-konsultazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex li staqsejt dwarha jien saritx biss mal-Ministru fil-Kabinett? X'inhuma l-mekkaniżmi formali u uffiċjali li hemm ma' l-istrutturi tal-Ministeru għal Għawdex biex il-ministeru jkun ikkonsultat u nvolut b'mod effettiv fit-tfassil tal-politika għal pajjiżna? Kif qed jiġu mħaddma dawn il-mekkaniżmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M’għandi xejn x’inżid ma dak li ġa irrispondejt f’Mistoqsija Parlamentari numru 17305 u 16766.

Valur tal-Euro

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17703 u jgħid kif jispjega l-fatt il-Prim Ministru li filwaqt li l-imprenditur għal kull valur ta' 242 euro kien jissarraf Lm100 f'Ottubru ta' l-2003, illum fl-2006 iħallas Lm109 sabiex jakkwista l-valur ta' 242 euro u dan meta llum il-basket tal-muniti huwa 100% fl-euro u mhux 60% kif kien fl-2003?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M’għandi xejn x’inżid ma dak li ġa irrispondejt f’Mistoqsija Parlamentari numru 17305 u 16766.

VAT

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul mit-taxxa tal-VAT matul Jannar u Frar 2006 separatament? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tagħrif mitlub jiġi ppubblikat regolarment kull xahar fil-Gazzetta tal-Gvern fl-aħħar Ġimgħa tax-xahar.

Taxxa ta' l-Income

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul mit-taxxa ta' l-income matul Jannar u Frar 2006 separatament? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tagħrif mitlub jiġi ppublikat regolarment kull xahar fil-Gazzetta tal-Gvern fl-aħħar Ġimgħa tax-xahar.

Taxxa tas-Sisa

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul mit-taxxa tas-Sisa matul Jannar u Frar 2006 separatament? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub.

Dwana

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul mit-taxxa tad-Dwana matul Jannar u Frar 2006 separatament? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttur tal-VAT

Question

Peress li d-direttur tal-VAT qiegħed jimponi taxxa ta' 5% fuq vaċċini li jintużaw għat-tilqim kontra mard infettiv, li ċertament huma sustanzi mediċinali u li jistgħu jiġu amministrati biss minn tobba jew nurses kwalifikati, jista' il-Prim Ministru jispjega għaliex qiegħda tiġi imposta din it-taxxa ta' 5% fuq dawn il-vaċċini, meta huma meqjusa minn kulħadd bħala prodotti mediċinali u għaldaqstant suppost ikunu eżenti mit-taxxa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sabiex wieħed jidentifika t-tip eżatt ta’ vaċċin li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Membru, huwa meħtieġ l-HS Code tal-prodott in kwistjoni. Iżda, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-prodotti li għalihom tista’ tiġi tiġi applikata r-rata ta’ 0% VAT kienu identifikati flimkien mal-Kummissjoni ta’ l-Unjoni Ewropea u għandhom ikunu simili għal dawk li hemm fir-Renju Unit u fl-Irlanda.

Introduzzjoni tal-Euro

Question

Jista' il-Prim Ministru ġentilment jgħid jekk meta tiġi ntrodotta l-munita Euro il-qisin tal-muniti f'ċenteżmi u 1 euro u 2 euros hux ser jkunu f'daqs eżatt bħal dawk diġa' fiċ-ċirkulazzjoni fil-pajjiżi stati Ewropej oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf l-Onorevoli Interpellant li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti ta’ l-euro maħruġa fil-pajjiżi euro huma stabbiliti mir-Regolament (KE) Numru 975/98 tat-3 ta’ Mejju 1998. Għaldaqstant l-ispeċifikazzjonijiet għall-muniti taċ-ċenteżmi u dawk ta’ 1 euro u 2 euros maħruġa minn Malta għandhom ikunu l-istess bħal dawk tal-muniti euro diġa fiċ-ċirkulazzjoni.

OPM — Mobile Phones

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel fuq mobile phones matul is-sena 2005?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ‘A’ għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Fil-każ tal-Ministeru tal-Finanzi tabella ‘B’ turi l-istess informazzjoni mitluba.

OPM — Safar

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid min huma l-persuni mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li siefru fuq xogħol uffiċjali matul l-2005? Fejn marru, x'kienet ir-raġuni u kemm kienet l-ispiża għal kull safra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mil-Onorevoli Interpellant.

Ħaddiem tal-Bank Ċentrali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17060 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Prim Ministru jara fiex wasal il-każ ta' ħaddiem li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilu ma jieħu paga għal dan l-aħħar xahar u qiegħed jistenna li jgħaddi board? Jista' dan il-każ jitmexxa 'l quddiem?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-impjegat imsemmi ma jaqax taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Finanzi. Pero’ għandi informazzjoni li l-każ qiegħed jiġi trattat skond il-proċeduri fis-seħħ fl-entita’ fejn hu impjegat.

Taxxi Interni — Refund

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta l-persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, se jieħu l-income tax refund dovuta lilu għas-sena 1998 peress li issa ilha pendenti ħafna snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pożizzjoni li jiżvela informazzjoni personali. Nitlob għalhekk lill-persuna konċernata biex tiċċekkja mas-sezzjoni tar-Refunds tad-dipartiment matul il-ħin ta’ l-uffiċċju.

Industrija tal-Manifattura f'Għawdex

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15342 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li fit-tweġiba tagħha qed jintqal li parti mill-informazzjoni ta' din il-mistoqsija tinġabar mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika, għalhekk jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien il-bejgħ medju fil-ġimgħa għal kull ħaddiem fid-diversi setturi ta' l-industrija tal-manifattura f'Għawdex kull sena mill-1998 'il hawn fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti ta' l-1998 u ta' l-2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li mhux possibli li tingħata informazzjoni dettaljata tas-setturi tal-industrija tal-manifattura f’Għawdex għax diversi setturi hemm kumpannija waħda jew tnejn biss u allura tkun qed tingħata informazzjoni kunfidenzjali. Madankollu qed nagħti stima tal-medja fis-sena għal kull ħaddiem tal-valur miżjud gross tal-industrija tal-manifattura f’Għawdex : Sena Industrija tal-Manifattura f’Għawdex Valur Miżjud Gross bħala medja għal kull ħaddiem kull sena (stima) Lm 2001 10,258 2002 10,429 2003 11,442 Ma jeżistix tagħrif għas-snin 1998, 1999 u 2000 filwaqt li tagħrif għas-sena 2004 jkun lest lejn nofs din is-sena. Din l-informazzjoni hija disponibbli biss fi prezzijiet tas-suq.

Avviż Legali 463

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta ġew fis-seħħ ir-regolamenti kontenuti f'avviż legali 463 tas-sena 2004? Jista' jgħid meta ħareġ l-avviż legali fil-gazzetta tal-gvern sabiex dawn ir-regolamenti jiġu fis-seħħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-Avviż Legali 463 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2005 permezz ta’ l-Avviż Legali 531 ta’ l-2004. L-Avviż Legali 531 kien ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern Numru 17,702 tal-31 ta’ Diċembru 2004.

OPM — Karozzi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inxtraw, inkrew jew ġew leased karozzi fil-ministeru u l-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament bejn Ottubru sa Diċembru 2005 u mill-1 ta' Jannar sal-lum separatament? X'inhi ċ-ċilindrata ta' dawn il-karozzi u x'tip ta' fuel jużaw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ‘A’ għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Fil-każ tal-Ministeru tal-Finanzi tabella ‘B’ turi l-istess informazzjoni mitluba.