Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – rwolijiet
Question
Jista’ l-Ministru jikkjarifika liema entità, direttorat jew sezzjoni fi ħdan il-Ministeru tiegħu hija responsabbli għal kull wieħed mir-rwoli li ġejjin fil-qasam tal-ħidma marbuta mal-bidla fil-klima:
a. Reporting
relatat ma’ obbligazzjonijiet Ewropej;
b. Reporting relatat ma’ obbligazzjonijiet internazzjonali;
c. Diskussjonijiet politiċi fuq livell internazzjonali;
d. Diskussjonijiet tekniċi fuq livell internazzjonali;
e. Diskussjonijiet dwar il-ftehim internazzjonali l-ġdid li jieħu post il-protokoll ta’ Kyoto;
f. Diskussjonijiet politiċi u leġislattivi fuq livell Ewropew;
g. Diskussjonijiet tekniċi fuq livell Ewropew;
h. Disinn u implementazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali; u
i. Moniteraġġ ta’ implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninsab infurmat li fil-każ ta’ kull rwol li rrefera għaliħ l-Onor. Interpellant, is-Segretarjat Permanenti huwa responsabbli għal koordinazzjoni meħtieġa. Fil-każ ta’ l-aħħar żewġ rwoli l-koordinazzjoni meħtieġa hija mmexxija mid-Direttorat għall-Ambjent u Tibdil fil-Klima fi ħdan l-imsemmi Segretarjat Permanenti. Fil-każijiet l-oħra l-koordinazzjoni ssir mid-Direttorat għall-Iżvilipp tal-Politika u Implimentazzjoni tal-Programm tal-istess Segretarjat. F’kull każ issir il-koordinazzjoni kollha meħtieġa mar-regolaturi rispettivi u Ministeri relevanti skont il-każ fosthom il-Malta Resource Authority.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Settembru 1998 u Dicembru 2010, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli, x-xogħlijiet lill-kumpanija li d-dettalji tagħha ngħataw separatament jammontaw għall-€15,718.35.
Ninsab infurmat ukoll li x-xogħol kien jikkonsisti f’servizz ta’ konsulenza u xogħol anċillari ieħor ta’ riċerka kif jidher fit-Tabella mehmuża.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm każijiet li fihom il-kwota tal-produzzjoni tal-ħalib inqabżet matul l-aħħar 12-il xahar? Jekk iva, kemm-il darba ġrat u x’sar mill-ħalib li kien iktar mill-kwota? Kemm kien in-numru ta’ raħħala li kienu involuti fil-qbiż tal-kwota?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħal ma weġibt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7339, jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal kwota nazzjonali kif mifthiema fit-Trattat ta’ Sħubija, ninsab infurmat li din il-kwota qatt ma nqabżet.
Jista' l-Ministru jikkonferma li se jinqerdu numru konsiderevoli ta' siġar tal-palm li hemm fir-roundabout ta' quddiem Kastilja minħabba l-monument il-ġdid propost tal-ex Prim Ministru Dom Mintoff? Jista' jgħid jekk inħarġux il-permessi meħtieġa biex dawn il-palm jinqerdu? Jista' jgħid jekk id-Dipartiment tal-Plant Health ħariġx il-permessi meħtieġa skont il-liġi? Jista' jgħid jekk hemmx palm infettat fil-post imsemmi u jekk iva jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikati maħruġa mid-Dipartiment tal-Plant Health li juru liema minn dawn il-palm huma infettati u li għalhekk iridu jiġu distrutti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti ġie nfurmat mill-bidu dwar dan il-proġett u għalhekk saru wkoll diversi spezzjonijiet sabiex jiġi magħruf l-istat fitosanitarju ta’ dawn is-siġar tal-palm. B’kollox, mill-ispezzjonijiet li saru mid-Direttorat ġie stabbilit li hemm ħames siġar tal-palm li għandhom sintomi ta’ nfezzjoni tal-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm. Ninsab infurmat ukoll li d-Direttorat ta struzzjonijiet li dawn is-siġar tal-palm għandhom jiġu distrutti taħt is-superviżżjoni u fil-preżenza ta’ uffiċjali xjentifiċi tad-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti kif stipulat fil-liġi. Il-ħsieb huwa li l-kumplament tas-siġar tal-palm l-ieħor li hemm fil-viċinanza ser jitħawlu fil-bankina ta’ biswit.
Komunikazzjoni Nazzjonali – Konvenzjoni qafas dwar il-bidla fil-Klima
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6952, jista’ l-Ministru jipprovdi lil din il-Kamra timeline speċifiku ta’ meta din il-komunikazzjoni nazzjonali se tiġi sottomessa, dan fid-dawl li tliet xhur wara d-data ta’ sottomissjoni li kellha tkun l-1 ta’ Jannar 2014, jidher li għadha ma saret l-ebda sottomissjoni f’isem Malta?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Komunikazzjoni ser tiġi sottomessa din il-ġimgħa.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġitx sejħa biex timtela l-pożizzjoni ta’ HR Manager fil-Wasteserv? Jekk le, jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterju intgħażlet il-persuna li llum qed tokkupa din il-pożizzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-HR Manager li hemm illum kienet appuntata fis-sena 2012 taħt l-amministrazzjoni preċedenti u ma kienx hemm sejħa għall-applikazzjonijiet. Jidher li l-persuna ntgħażlet fuq dak li l-management ta’ dak iż-żmien ikkunsidra li kien wieħed ta' meritu.
ELC – tmexxija ta’ partijiet mill-Park tal-Familja
Question
Jista’ jgħid jekk il-Ministeru li hu responsabbli għalih ikkunsidrax li jilħaq ftehim mal-Environment Landscaping Consortium dwar l-iżvilupp u t-tmexxija ta’ partijiet mill-Park tal-Familja, liema ftehim seta’ anke jippermetti li l-faċilitajiet f’dan il-park jibqgħu jitgawdew mill-familji mingħajr il-bżonn li jsir ħlas għalihom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li bħal ma ġie imħabbar fil-konferenza għall-istampa li saret fid-19 ta' Marzu 2014 fil-Park tal-Familja, għada kif ħarġet sejħa għal turija ta' interess għal min jixtieq jinvolvi ruħu fit-tmexxija ta' diversi żoni fil-Park.
Għaldaqstant kull entita jew persuna inkluż dik indikata mill- Onor. Interpellant għanda l-opportunita li tagħmel il-proposti illi tkun tixtieq fil-parametri tal-kundizzjonijiet imħabbra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-flus allokati mill-Wasteserv biex titkompla t-tieni u t-tielet fażi tax-xogħol fuq it-toroq tal-Magħtab ġewx allokati għal dan ix-xogħol?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fid-dawl tas-sitwazzjoni prekarja li ntirtet mill-amministrazzjoni preċedenti u fid-dawl tal-budget li għandha l-WasteServ, il-Kumpanija m’għandha l-ebda flus li ġew allokati biex isiru toroq.
Jista' l-Ministru jagħti break down dettaljat ta' kemm ġiet l-ispiża biex ġew organizzati l-laqgħat f'Malta tax-Sherpa’s u tan-'9th Meeting of Ministers of Agriculture, Fisheries and Food of CIHEAM's Member Countries' f'Mejju 2012 u f'Settembru 2012 rispettivament, minn dakinhar li nbdew il-preparamenti biex tali laqgħat isiru Malta, sakemm ingħalqu l-kontijiet kollha, filwaqt għal kull nefqa li saret jgħid min awtorizza tali nefqa u kemm fadal kontijiet pendenti x'jitħallsu minn tali laqgħat?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli, l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ xogħol qed isir fil-park ta’ ħdejn Kennedy Grove, fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar? Kemm sar investiment ġdid fuq il-park imsemmi matul l-aħħar tnax-il xahar? Meta hu mistenni li jkun hemm xi xogħol ta’ estensjoni fl-istess park? Kemm tħawlu siġar ġodda f’dawn l-inħawi matul l-aħħar sena?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li matul l-aħħar tnax il-xahar għalkemm ġewwa l-Park ta’ ħdejn Kennedy Grove jew kif inhu magħruf, Salina National Park, ma sarx investiment ġdid, tħawwlu madwar 146 siġra u m’hemmx pjanijiet biex isiru aktar estensjonijiet fuq dan il-Park.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fuq liema parks sar xogħol ġdid matul l-aħħar 12-il xahar? Liema parks hu mistenni li jsir xogħol ġdid fuqhom matul din is-sena? Kemm hi mistennija li tkun in-nefqa fuq kull wieħed mill-proġetti li hu maħsub li jsir din is-sena? Liema kunsilli lokali qed jitolbu l-għajnuna tal-Ministeru biex ikunu jistgħu jsiru parks fil-lokalità tagħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli, l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Malta Dairy Products (MDP) għadx għandha l-ħsieb li tbiddel il-post li minnu topera għall-ħtiġijiet tagħha?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-kumpanija Malta Dairy Products (MDP) hija kumpanija privata.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Settembru 1998 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli, x-xogħlijiet lill-kumpanija li d-dettalji tagħha ngħataw separatament jammontaw għall-€2,505,510.74 li parti minn din is-somma huma marbutin ma’ kuntratt mgħoti lill-konsortium, li minnhu din il-kumpanija tagħmel parti, għall-proġett tal- “Mechanical and Biological Treatment Plant for the North of Malta” wara sejħa għall-offerti. Il-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet l-oħra ingħataw b’Direct Order.
Ix-xogħol kien jikkonsisti f’konsulenza, assistenza teknika u dak ta’ riċerka kif jidher fit-Tabella mehmuża.
Jista’ l-Ministru jispeċifika jekk ħut ta’ akwarji humiex inklużi fl-obbligazzjonijiet tal-Legal Notice 244 tal-2013?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fit-tieni artiklu tal-Avviż Legali 244 tal-2013, hemm id-definizzjoni ta’ Pet Shop:
"
Pet Shop
" tfisser kull fond jew proprjetà fejn l-annimali jkunu offruti għall-bejgħ għall-pubbliku jew fond jew proprjetà fejn l-annimali jkunu miżmuma bl-intenzjoni li jiġu offruti għall-bejgħ ukoll permezz ta’ riklami u, jew sistemi elettroniċi.
Il-ħut tal-akwarji huma annimali u għaldaqstant jaqaw f’din il-kategorija wkoll. L-uniku parti fejn il-ħut tal-akwarji huma esklużi mill-obbligi ta’ dan l-Avviż Legali, huwa l-obbligu tar-
records
u tal-identifikazzjoni ta’ dawn l-annimali, li jinstab fl-artiklu 5(1) u (2).
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-aħħar li sar ħlas permezz ta’ voucher mill-Good Neighbourhood Scheme (ekwivalenti għall-150 electricity units) lilkull resident (madwar 7,000 resident) ta’ madwar 3,000 familja li joqogħdu madwar 1.5Km (radius) miċ-Ċentru Sant’ Antnin? Meta hu maħsub li se jsir il-ħlas li jmiss?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-iskema inkwistjoni tnehdiet fl-aħħar tal-2012 u l-vouchers għas-sena 2013 ħarġu bejn Diċembru 2012 u Marzu 2013 peress li dawn joħorġu bil-quddiem. Dan il-Gvern appoġġja din l-iskema u fil-fatt aktar kmieni din is-sena awtorizza li din titkompla. Iżda peress li kif inhu magħruf min kullħadd il-kontijiet tad-dawl u l-ilma ser jorħsu b’effett mill-1 ta’ April 2014 ġie deċiż li l-pagament għas-sena 2014 jinqasam fi tnejn. L-ewwel wieħed ikun ikopri l-perjodu Jannar sa Marzu u li l-pagament tiegħu ser isir fil-futur qrib. It-tieni pagament li jkun għall-perjodu April sa Diċembru jkun ikkalkulat hekk kif jitħabru r-rati l-ġodda tad-dawl u l-ħlas isir fil-ġimgħat sussegwenti.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess li kien inbeda permezz ta’ sejħa għall-espressjoni ta’ interess għall-fish hatchery f’Marsaxlokk? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm persuni/organizzazzjonijiet li esprimew interess f’din is-sejħa? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk is-sejħa għadhiex tiġi kkunsidrata jew jekk ġietx imwaqqfa wara l-Gvern kien mitlub li joħroġ sejħa kompetittiva oħra permezz ta’ proċess ta’ tender? Min kienu dawk li wrew interess li jieħdu sehem f’dan il-proċess u li għadhom qed jiġu kkunsidrati?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-għan tas-sejħa għall-Espressjoni ta’ Interess kien biex il-Gvern ikollu ħjiel ta’ jekk hemmx interess fis-settur privat li jidħol għall-proġett ta’ hatchery marittima u faċilitajiet ta’ riċerka fl-akkwakultura.
Ninsab infurmat ukoll li minn din is-sejħa rriżulta li hemm dan l-interess mill-privat u għaldaqstant il-Gvern ser ikompli bil-proċess billi jinħareġ
Tender
fil-futur.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8388 u li kienet tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 8315, jista’ l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub fiż-żewġ domandi, liema tagħrif jinsab għand il-Ministeru/dipartiment li jaqgħu taħtu?
Response (BRINCAT, LEO)
Peress li l-Onor. Interpellant ma tax kjarifika dwar x’tip ta’ informazzjoni jixtieq, qed nieħu l-impressjoni li l-Onor. Interpellant mhuwiex daqstant ċar dwar id-distinzjoni bejn il-closed season obbligatorju u l-iskema ta’ kumpens għall-waqfien temporanju u volontarju tal- attivitajiet tas-sajd.
Fil-konfront tal-closed season obbligatorju nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 8388.
Fil-konfront tal-iskema volontarja ninsab infurmat li din l-iskema ġiet ippublikata f’Ottubru tal-2013 u fi Frar tal-2014. Ninsab infurmat ukoll li saru 18 il-applikazzjoni għall- Iskema ta’ Kumpens għall-Waqfien Temporanju u Volontarju tal-Attivitajiet tas-Sajd tal-2013, li minnhom 13 il-bastiment kienu eliġibbli li jipparteċipaw f’din l-iskema. Il-lokalitajiet minn fejn għandhom ir-residenza tagħhom dawn tal-aħħar jinkludu Marsaxlokk, Naxxar u San Pawl Il-Baħar. Għar-rigward tas-sena 2014 l-applikazzjonijiet għall- Iskema ta’ Kumpens għall-Waqfien Temporanju u Volontarju tal-Attivitajiet tas-Sajd għalqu fil-15 ta’ Marzu 2014 u saru 13 il-applikazzjoni. Dawn l-applikazzjonijiet għadhom qed jiġu pproċessati.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8355 billi mkien ma tlabt informazzjoni ta' natura kummerċjali, jista' l-Ministru jagħti taħgrif mitlub fil-mistoqsija? Jista' jagħti tagħrif dwar x'tip ta' superviżjoni hu mistenni li jagħmel il-Ministeru f'dan il-proċess?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi nerġa ntenni li l-mistoqsija hija ta' natura kummerċjali, għax lejn liema pajjiżi u meta ssir l-esportazzjoni huwa ftehim milħuq bejn l-esportatur Malti u l-importatur fil-pajjiż rispettiv. Madanakollu nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni li tista’ tintalab mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Ninsab infurmat li minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropeja fl-2004, id-Dipartiment tal-Agrikoltura ma baqax responsabbli għas-superviżjoni tal-patata għall-esportazzjoni imma din ir-responsabbilta waqgħet fuq l-esportaturi.
JIsta' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Aworità ta' Malta dwar l-Ambjnet u l-Ippjanar għall-proġetti li hu mistenni li jwettaq il-Ministeru, għal dak li jikkonċerna żviluppi marbuta mas-sajd, mal-biedja u ma' ġonna pubbliċi? Meta saru l-applikazzjonijiet li għadhom pendenti quddiem l-Awtorità? Minn min saru dawn l-istess applikazzjonijet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.