Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — positions of trust
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14173 u jelenka u jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 15295 u 15296.
Persuni jirreġistraw fl-ewwel parti tar-reġistru — statistika
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14852, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-2,389 persuna li kienu kklassifikati bħala li qed jirreġistraw għax-xogħol għal inqas minn 21 ġimgħa fl-aħħar ta’ Awwissu 2014 skont l-NSO press release 181/2014 sabu xogħol fis-settur pubbliku u fis-settur privat sal-aħħar ta’ Jannar 2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mill-2,389 persuna li kienu kklassifikati bħala li qed jirreġistraw għax-xogħol għal inqas minn 21 ġimgħa fl-aħħar ta’ Awwissu 2014, 841 persuna sabu xogħol sal-aħħar ta’ Jannar 2015. Minnhom 777 persuna sabu xogħol fis-settur privat filwaqt li 64 persuna sabu xogħol fis-settur pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-istudenti li qed jattendu għall-kors ta’ B. Sc. Creative Computing fl-istituzzjoni, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, għadhom mhux qegħdin jirċievu stipendju?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-istudenti li qed isegwu kors undergraduate u li applikaw taħt l-MGUS scheme kollha tħallsu u għadhom qed jitħallsu inkluż dawk li qed jattendu għall-kors ta’ B.Sc. Creative Computing fl-Istitut indikat mill-Onor. Interpellant u li kienu eliġibbli u li kellhom id-dokumentazzjoni kollha kif rikjesta fir-regolamenti annessi mal-istess applikazzjoni. Huma biss dawk l-istudenti li applikaw u li għadhom ma pprovdewx id-dokumenti obbligatorji li għadhom mhux jirċievu stipendju. Sakemm id-dokumenti ma jiġux provduti lill-Bord dwar l-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti, l-ebda deċiżjoni ma tkun tista’ tittieħed u d-dettalji tal-istudenti ma jkunux jistgħu jiġu proċessati għall-ħlas.
Università ta’ Malta — Kors ta’ Prokuratur Legali - stipendju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-istudenti li qed jattendu għall-kors ta’ prokuraturi legali fl-Università ta’ Malta għadhom mhux qed jirċievu stipendju?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dawk l-istudenti Universitarji reġistrati għall-kors LLB u li jagħżlu li filwaqt li jkunu qed jagħmlu sena addizzjonali għall-kors imsemmi jagħmlu wkoll programm full time b’60 credit li jwassalhom għal Diploma ta’ Prokuraturi Legali minn din is-sena skolastika bdew jitqiesu bħala eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti u dan wara deċiżjoni tal-Bord dwar l-Għotjiet ta’ Manteniment lill-iStudenti. Id-dettalji ta’ dawn l-istudenti qed jiġu proċessati għall-ħlas b’lura mill-bidu ta’ din is-sena skolastika.
Malta Council for Science and Technology – China Liaison Officer
Question
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentri 14942, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-China Liaison Officer li ġie impjegat mill-Malta Council for Science and Technology? Jista’ jgħid x’inhuma l-kwalifiki li għandha l-persuna li ntgħażlet li jagħmluha idonea għal din il-pożizzjoni? Jista’ jgħid għal-liema raġuni ġie deċiż li ma ssirx sejħa pubblika għal din il-pożizzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-pożizzjoni ta’ China Expert Liaison Consultant ġiet approvata fuq bażi ta’ Position of Trust. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji tal-kuntratt kif ukoll informazzjoni dwar il-kwalifiki li għandha l-persuna li tokkupa din il-pożizzjoni.
L-esperjenza tax-xogħol barra minn Malta f’diversi oqsma kif ukoll komunikazzjoni u xogħol ta’ konsulenza ma’ imprendituri Ċiniżi anke ġewwa ċ-Ċina stess kienu ta’ potenzjal għal din il-persuna, li timmeritalu l-pożizzjoni li għandu mal-MCST. Il-fatt li din il-persuna tivvjaġġa b’mod regolari għaċ-Ċina għal raġunijiet personali jfisser li l-MCST sab persuna mill-aktar adatta biex jinvestiga kull opportunità li tista’ tinħoloq għal kollaborazzjoni fis-settur tar-Riċerka u Innovazzjoni mingħajr il-ħtieġa li jiġi ffinanzjat l-ivjaġġar b’mod regolari.
L-isem tal-persuna f'din il-pożizzjoni qiegħed jingħata lill-Onor. Interpellant separatament.
Jista’ l-Ministru jgħid kif l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, ġie impjegat mal-Kunsill Malti għall-Isport u meta saret is-sejħa pubblika għall-ingaġġ? Fuq liema bażi ġie ngaġġat dan l-individwu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellant ġie ngaġġat fuq bażi ta' person of trust u beda fi Frar 2014.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-grad u kemm hi l-paga u l-pakkett sħiħ ta’ perkaċċi fis-sena tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-orarju tax-xogħol marbut mal-kariga u allura kemm kien l-ammont ta’ sigħat f’overtime fix-xahar u l-ammont fix-xahar li tħallas l-istess individwu kemm ilu impjegat mal-Kunsill Malti għall-Isport sal-lum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-paga tal-individwu indikat mill-Onor. Interpellant hija ta’ €12,755 fis-sena u tirċievi wkoll il-Bonus ta’ Ġunju u Diċembru u l-Income Supplement ta’ Marzu u Settembru.
L-orarju tax xogħol marbut mal-kariga huma 40 siegħa fil-ġimgħa flessibli skont l-esiġenzi tax-xogħol.
L-
overtime
mħallas lil din il-persuna huwa kif ġej:
Xahar
Sigħat
Overtime
Ammont
April 2014
8
73.60
Mejju 2014
38
349.60
Ġunju 2014
18
165.60
Settembru 2014
18
165.60
Jista’ l-Ministru jgħid fejn jirrapporta għax-xogħol l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fil-ġranet u l-ħinijiet meta ċ-Chairman ma jkunx qiegħed fuq impenji tal-Kunsill Malti għall-Isport jew imsiefer? X’tip ta’ xogħol jagħmel f’dawn il-ġranet u min jikkonferma l-attendenza tiegħu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellant taħdem 40 siegħa fil-ġimgħa li jiġu mqassma skont l-esiġenzi tax-xogħol. Ix-xogħol tiegħu huwa relatat max-xogħol taċ-Ċermen u l-Bord tad-Diretturi tal-KMS. Sal-lum il-prassi kienet li meta ċ-Ċermen ikun imsiefer dan l-individwu joħroġ bil-leave. Iċ-Ċermen jivverifika l-ħinijiet tax-xogħol u wara jibgħat l-attendenzi lid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani.
Skejjel u Kulleġġi — educational psychologists u counselling psychologists
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm educational psycologists u counselling psychologists disponibbli fl-iskejjel tal-istat u fuq liema skejjel jew kulleġġi huma assenjati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm ħames fully warranted Educational Psychologists (tnejn minnhom qegħdin fuq maternity/parental leave). Ma’ dawn hemm tlieta oħra li għandom il-grad ta’ Masters jew Dottorat fl-Educational Psychology li qed jistennew il-warrant. Hemm ukoll Clinical Psychologist full-time u tlett Clinical Psychologists li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali. Ma’ dawn hemm żewġ Psychology Assistants, li wieħed minnhom qed jitħarreġ sabiex jilħaq Psikologu u l-ieħor qed jistenna biex jibda t-taħriġ.
Dawn il-Psikoloġi u l-Assistenti tal-Psikoloġija huma mqassmin biex jaħdmu f’Kulleġġi differenti u qed iservu l-Kulleġġi kollha ta’ Malta u dak ta’ Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati ħaddiema bħala persons of trust bejn it-8 ta’ Marzu 2008 u l-10 ta’ Marzu 2013 fil-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u setturi kollha li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u Sport ta’ dak iż-żmien?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14796 li l-perjodu tagħha jkopri wkoll is-snin 2008 sa 2012. Rigward il-perjodu li jifdal, jiġifieri bejn l-1 ta' Jannar 2013 u l-10 ta' Marzu 2013, ninsab infurmat li f'dan il-perjodu ġiet ingaġġata persuna fuq bażi ta' person of trust fil-pożizzjoni ta' Personal Assistant to CEO mal-Kunsill Malti għall-Isport.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu assenjati xufiera miegħu s-segretarju parlamentari għall-isport bejn it-8 ta' Marzu 2008 u l-10 ta' Marzu 2013? Jista jgħid x'remunerazzjoni kellhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bejn Marzu 2008 u Marzu 2013, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport kellu assenjat miegħu xufier wieħed.
Huwa kellu remunerazzjoni marbuta mal-massimu ta’ Skala 14 u kellu wkoll Secretariat Allowance ta’ 35% tas-salarju annwali tiegħu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jkunu qed jiġu mħarsa l-ħtiġijiet edukattivi li għandhom u se jikomplu jiżdiedu matul is-snin li ġejjin, it-tfal li joqogħdu f'San Pawl il-Baħar matul is-snin li ġejjin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada qed tħejji pjanijiet sabiex tinbena skola Primarja ġdida ġewwa San Pawl il-Baħar. Din mistennija li tibda topera fis-sena skolastika 2017/2018.
San Pawl il-Baħar — binja fil-grawnd tal-iskola primarja
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-binja li hemm fir-rokna tal-grawnd tal-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, għaddietx taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol? Jekk iva, x'se jkun l-użu ta' din il-binja? Jekk le, jista' jara jekk hux possibli li jagħmel użu minnha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-binja li hemm fir-rokna tal-grawnd tal-iskola primarja hija proprjetà tal-Water Services Corporation. Intlaħaq ftehim bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Water Services Corporation, sabiex din il-binja tibda tintuża bħala faċilità edukattiva għall-istudenti li jattendu l-iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar. Fil-fatt bħalissa għaddej xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni sabiex din il-binja tkun tista’ tibda tintuża mill-istudenti mill-bidu tas-sena skolastika 2015/2016.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – xogħol mogħti lil kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, mill-Ministeru u mid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2004 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mid-direttorati, d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi li, bejn Jannar 2004 u Marzu 2013, ma ngħata ebda xogħol lill-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14254 u jgħid kemm għandu impjegati bħala persons of trust fil-Ministeru u fid-dekasteru tiegħu? Min huma u x’pożizzjoni għandhom? Kemm huma s-salarju annwali, il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera) u l-ispiża fuq safar tagħhom, u għalhekk jgħid x’inhi n-nefqa globali f’sena għal kull wieħed minn dawn il-persuni impjegati bħala person of trust?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant illi l-persuni u l-konsulenti li huma fis-Segretarjat tiegħi huma wkoll Persons of Trust li ġew ingaġġati skont ir-regolamenti meħtieġa.
Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport – persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jwiġeb mistoqsija parlamentari 14255 u jgħid kemm għandu impjegati bħala persons of trust fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport? Min huma u x’pożizzjoni għandhom? Kemm huma s-salarju annwali, il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera) u l-ispiża fuq safar tagħhom, u għalhekk jgħid x’inhi n-nefqa globali f’sena għal kull wieħed minn dawn il-persuni impjegati bħala person of trust?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-persuni fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport huma kollha persons of trust. Ma' dawn hemm ukoll persuna assenjata mal-iStrategic Priorities Unit li s-salarju annwali tiegħu huwa €27,043 flimkien mal-bonus ta' Ġunju u Diċembru u l-Income Supplement ta' Marzu u Settembru, u għandu wkoll, bħala perkaċċi, expense allowance ta' €900. L-ispiża fl-2014 ta' din il-persuna fuq safar kienet €1,276.00.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14675, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk iċ-ċentri/skejjel fil-lokalità tal-Ħamrun li jagħtu s-servizz ta’ Klabb 3-16 lid-19-il istudent li jattendu l-Klabb 3-16?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-iskola li tagħti s-servizz ta' Klabb 3-16 ġewwa l-Ħamrun hija:
Dun Ġorġ Preca Primarja ‘C’
Triq Ġuże’ Pace,
Ħamrun HMR 1032
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward allokażżjoni ta' Learning Support Assistant?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-istudenta kkonċernata ġiet imsejjħa biex tersaq quddiem il-Bord tar-Review biex jirrevedu l-istatement of needs tagħha. Dan huwa proċess li jsir f’kull skola. Din l-istudenta minn shared same class ħadet statement ta’ shared minħabba li kien hemm ħafna titjib kemm akkademikament u kif ukoll soċjalment u għaldaqstant l-istatement ġie rivedut biex tkun aktar indipendenti u ppreparata għall-ħajja ta’ kuljum.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux kull skola tal-Gvern individwali, tal-primarja u tas-sekondarja huma attrezzati bis-support group/zone? Xi professjonisti jinkludi fih is-support group/zone?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bħalissa mhux kull skola primarja jew sekondarja tal-Istat huma attrezzati b’Nurture Group jew Learning Support Zone. Bħala professjonisti dawn jinkludu għalliema, li ħafna drabi jkunu speċjalizzati fl-SEBD, u Learning Support Assistants (LSAs).
Miżuri ta’ ħinijiet estiżi għall-istudenti fl-iskejjel
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu għamilx studju jew hux biħsiebu jagħmel studju biex jgħarbel jekk, apparti l-benefiċċji ekonomiċi li jista’ jkollhom il-bosta miżuri introdotti bħal breakfast club, Klabb 3-16 u ħinijiet estiżi ta’ skola sajf, jistgħux dawn qed ikunu ta’ dannu għat-tfal? Ġiet ikkonsidrata l-possibbiltà li jista’ jkun hemm min hu komdu juża s-servizzi kollha offruti b’konsegwenza li dawn it-tfal qed jispiċċaw iqattgħu ħinijiet eċċessivi fl-istess ambjent?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma sarx studju fuq l-impatt li hemm referenza għalih fil-mistoqsija, għalkemm jidher li dawn huma servizzi li qed jibbenefika minnhom il-poplu u ma jidhirx li qed ikunu ta' dannu għat-tfal. Madankollu, bi ħsiebna nagħmlu evalwazzjoni fil-futur qrib dwar is-servizz tal-Breakfast Club li introduċa dan il-Gvern f'April 2014.