Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #8357 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Pembroke — Pembroke Battery

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li jsir ir-restawr ta' Pembroke Battery li din is-sena tagħlaq 100 sena?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-Taqsima tar-Restawr qiegħed f'arranġament mal-Kunsill ta' Pembroke sabiex Pembroke Battery tiġi restawrata u l-art ta' madwarha tiġi mibdula fi ġnien. Qiegħed isir ix-xogħol sabiex dan ix-xogħol jitwettaq.
Leg 9 PQ #7989 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment ta' l-Ambjent — Bejgħ illegali ta' annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mid-Dipartiment ta' l-Ambjent ġewwa ħwienet jew għand sidien privati biex jitwaqqaf il-bejgħ illegali ta' rettili, anfibji jew annimali oħra protetti taħt is-cites convention? Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni kwalifikati Malta biex jgħarfu dawn l-annimali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jgħaddi lill-Pulizija kull rapport li jirċievi jew li jkollu dwar bejgħ illegali ta' annimali protetti taħt is-CITES. L-ispetturi ta' l-ambjent jagħmlu spezzjonijiet fuq dawn l-annimali kemm il-darba jkun hemm talba mill-Pulizija għall-assistenza mid-Dipartiment ta' l-Ambjent biex l-annimali jiġu identifikati. Jiena mhux f'pożizzjoni ngħid kemm hawn nies Malta li huma kwalifikati biex jgħarfu dawn l-annimali, iżda nista' naċċerta lill-Onorevoli Interpellant li fid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent hemm uffiċjali li huma kwalifikati u għandhom esperjenza biex jagħrfu dawn l-annimali.
Leg 9 PQ #8350 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Drenaġġ — Servizz ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-inħawi f'Malta u Għawdex fejn id-djar tar-residenti għadhom mhumiex imqabbda mas-sistema pubblika tad-drenaġġ? F'kull każ, kemm hemm djar jistennew li jintlaħqu mis-servizz pubbliku tad-drenaġġ? Għat-tliet snin li ġejjin xi pjani hemm biex dawn id-djar jitqabbdu mas-sistema pubblika tad-drenaġġ? X'finanzi hemm bżonn?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar.
Leg 9 PQ #8791 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Power Station — Marsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kumpens se jieħdu n-nies tal-Marsa minħabba l-ħmieġ li qegħda toħloq il-power station tal-Marsa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #8792 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Marsa — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li l-gvern ċentrali wasal biex jasfalta ġewwa l-lokalita' tal-Marsa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #8793 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Marsa — Ġnien Spencer

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Ġnien Spencer fil-Marsa jiġi rranġat minn gvern ċentrali minħabba l-istat diżastruż li jinsab fih?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7285 (Seduta 110).
Leg 9 PQ #8821 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Proġett ta' Manoel Island — Consortium MIDI

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu d-diskussjonijiet mal-consortium MIDI dwar il-proġett ta' Manoel Island u Tigne' Point peress li xi xhur ilu l-Ministru kien ħabbar li dawn id-diskussjonijiet kellhom jiġu konklużi fi ftit jiem?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Gvern bħalissa qed jidħol fid-dettalji kollha meħtieġa rigward il-'vacant possession issues' marbuta ma' dan il-proġett, peress li d-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-konsorzju MIDI huma konklużi fis-sens li hemm qbil fuq l-aspetti kollha kontrattwali bejn il-Gvern u l-istess konsorzju.
Leg 9 PQ #8181 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Petrol/diesel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tlaħħaq l-ispiża mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-21 ta' Ġunju, 1999 f'petrol jew diesel għall-użu tal-karozzi tal-Ministeru tiegħu karozza b'karozza? Jista' jgħid ukoll kemm laħqet l-ispiża fl-istess perijodu f'petrol jew diesel għall-użu tal-karozzi tad-Diretturi u Chairmen li jaqgħu b'xi mod taħt wieħed mid-dekasteri tiegħu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Għar-rigward ta' l-ewwel parti tal-mistoqsija, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-nefqa totali f'petrol għall-użu tal-karozzi fil-Ministeru għall-perjodu Settembru 1998/Jannar 1999 u Frar 1999/Ġunju 1999, Settembru 1997/Jannar 1998 u Frar 1998 sa Ġunju 1998 li tagħmel paragun ma' infieq f'petrol fil-Ministeru f'perjodu simili taħt l-amministrazzjoni ta' qabel. Inqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella oħra dwar l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija li wkoll tagħmel paragun ma' infieq f'petrol ta' karozzi ta' diretturi u chairpersons fid-dekasteru ta' dan Il-Ministeru f'perjodu simili taħt l-amministrazzjoni ta' qabel.
Leg 9 PQ #8625 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Kottonera — Proġett tal-marina

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma saritx xi tip ta' konsultazzjoni man-nies tal-Kottonera dwar l-effetti tal-proġett tal-marina approvat mill-Parlament? Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa f'dan ir-rigward peress li mhux sewwa li għan-nies tal-Kottonera hemm ħafna dettalji dwar dak li se jsir li għadhom m'humiex magħrufa jew mhux ċari?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Għar-rigward tal-Proġett tal-Kottonera saret diġa' konsultazzjoni wiesgħa permezz tal-kunsilli lokali. Naturalment issa tkompli l-konsultazzjoni li hi parti ntegrali mill-proċess ta' l-ippjanar.
Leg 9 PQ #8657 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Tiswijiet ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jara li l-bankina ta' quddiem l-għassa ta' Bormla tingħata wiċċ diċenti għax qed tkun ta' periklu għan-nies? Peress li suppost il-bankini huma respnsabbilta' tal-kunsilli, jistax jivverifika dwar din il-bankina msemmija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7285 (Seduta 110)
Leg 9 PQ #8682 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Ta' Qali — Park nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid taħt liema dipartiment taqa' t-tmexxija tal-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali? Min hu nkarigat mit-tmexxija tal-park u min hu nkarigat mix-xogħol ta' manutenzjoni tiegħu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Park Nazzjonali Ta'Qali bħalissa jaqa' taħt it-tmexxija tad-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija. Il-persuna inkarigata mit-tmexxija u mix-xogħol tal-manutenzjoni tal-park huwa s-Sur Edmond Mifsud.
Leg 9 PQ #8728 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Buġibba — Proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proġetti ta' embellishment li qegħdin jitwettqu f'Buġibba bħalissa? X'inhi r-raġuni għala dawn ix-xogħlijiet ma tlestewx mill-bidu tas-sajf kif ġie mwiegħed xhur ilu mill-istess ministru? Meta hu ppjanat li jitlestew dawn ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-proġetti li għaddejjin f'Buġibba huma:- i) Jet Fountain fil-Bajja ta' Buġibba - Ix-xogħol fuq dan il-proġett jinsab avanzat ħafna. Il-funtana mistennija li titniżżel il-ġimgħa d-dieħla. L-unika problema li għad baqa' hi l-konnessjoni tad-dawl mal-cable li diġa' jinsab fuq il-post. ii) Il-ħajt tat-triq fl-inħawi bejn il-Gillieru u Portobello Restaurants - wara li tlesta t-twaqqieħ tal-ħajt fuq ordni ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għaddejin diskussjonijiet ma' uffiċjali ta' l-istess Awtorita' dwar ix-xogħol alternattiv li jrid isir fl-istess sit. Saru disinji li fihom qiegħed jiġi propost l-użu ta' 'geotextiles'. iii) L-inħawi ħdejn il-boathouses fil-Qawra - wara diskussjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar intlaħaq ftehim dwar id-disinn finali għal dan il-proġett. Ix-xogħol qiegħed isir minn kuntrattur tat-toroq. Fil-preżent qegħdin nistennew l-awtorizzazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti biex il-kuntrattur jitħallas tax-xogħol li sar, parti minnu li kien 'extra', u anke jkun jista' jitħaffef ix-xogħol biex jiġi konkluż mill-aktar fis possibbli.
Leg 9 PQ #8729 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Proġetti ta' embellishment

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proġetti ta' embellishment li qegħdin isiru f'Wied il-Għajn, Marsaxlokk u Birżebbugia bħalissa? X'inhi r-raġuni għala dawn ix-xogħlijiet ma tlestewx sal-bidu tas-sajf kif ġie mwiegħed xhur ilu mill-istess ministru? Meta hu ppjanat li jitlestew dawn ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-proġetti ta' embellishment li qed isiru huma dawn: MARSASCALA ---------- 1. Żonqor Area. Ix-xogħol kien f'żewġ fażijiet: PA 7231/98 u PA 7230/98. Ix-xogħol ta' paviment fuq permess 7231/98 huwa lest. Il-permessi neċessarji fuq PA 7230/98 ħarġu reċentement u għalhekk ix-xogħol ser jiġi pospost għal wara s-sajf. 2. Lamp Posts. It-tender rigward il-provvista ta' lamp posts ser tingħata sa l-aħħar ta' Lulju. 3. Embellishment Area madwar it-Torri San Tumas. Ix-xogħol ta' bankini u traffic management huwa lest. Il-ġimgħa d-dieħla ser jibdew xogħlijiet ta' paving li parti minnu ser isir minn ħaddiema tal-Gvern u parti ser issir minn kuntrattur privat. Ix-xogħol ta' paviment mistenni jkun lest sa l-aħħar tas-sajf. Ir-restawr ta' parti mit-torri ser jibda l-ġimgħa d-dieħla. 4. Embellishment Area tal-Bajja ta' San Tumas. Wara li tlesta x-xogħol taż-Żonqor Area mill-ħaddiema tal-Kalaxlokk, ser jitkompla x-xogħlijiet ta' playing fields li kien diġa' mibdi mill-istess ħaddiema. 5. Żona ċentrali fil-Bajja ta' San Tumas. Saret applikazzjoni lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar (PA 2977/99) mill-Works Division. Ix-xogħol mistenni jibda hekk kif joħorġu l-permessi neċessarji mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. 6. Passaġġ Żonqor Housing Estate to Primary School. Dan ix-xogħol mistenni jibda hekk kif joħorġu l-permessi neċessarji mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar (PA 2219/99) MARSAXLOKK ---------- 1. Area quddiem il-Knisja. Ix-xogħol ma setax jibda minħabba li nqalgħu problemi mal-Knisja u r-residenti rigward l-aċċess tal-vetturi ġol-pjazza. Wara li ntlaħaq ftehim saret applikazzjoni oħra lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar mill-Works Division. Il-permessi neċessarji ġew approvati. Wara ġie deċiż li x-xogħlijiet jibdew wara li l-festa tal-lokal tkun għaddiet. 2. Tal-Kavallerizza Area. Flea Market PA 6264/98 Bus Terminus PA 137/99 Football Pitch PA 6263/98 Dawn l-applikazzjonijiet għadhom qed jiġu pproċessati mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. 3. Upgrading f'Xatt is-Sajjieda. Ix-xogħol ta' upgrading ma jistax jinbeda qabel ma jiġu pproċessati l-permessi neċessarji tal-Kavallerizza Area. BIRŻEBBUGIA ----------- 1. Qajjenza By-Pass Hemm problemi legali ta' esproprjazzjoni fuq l-art fejn qed isir il-proġett. 2. Ġnien Pubbliku San Ġorġ Il-play equipment u s-safety material ġie nstallat u x-xogħol huwa lest. 3. Pretty Bay Ix-xogħol ta' embellishment għaddej b'ritmu tajjeb. L-embellishment jinkludi sistema ta' passaġġi fuq ir-ramel, recreational area, tined u twaħħil ta' siġar. Kien hemm dewmien fuq il-proġett minħabba problemi tekniċi ta' proċessar ta' tender fuq Geo Textiles. Il-passaġġi tal-konkos ser ikunu lesti sa l-aħħar ta' Lulju. 4. Al Fresco Car Park Ser issir installazzjoni ta' pipeline mill-Enemalta fl-istess car park u parti mix-xogħlijiet ma jistgħux jitkomplew. Xogħlijiet sa 'formation level' se jkunu lesti fi żmien ġimgħatejn.
Leg 9 PQ #8761 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Imtieħen

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 8487?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-mitħna ta' Triq San Ġwann Bormla ser tiġi restawrata mill-'Cottonera Rehabilitation Project' u bħalissa qegħdin isiru l-preparamenti meħtieġa biex dan ix-xogħol jinbeda. Ma hemmx il-ħsieb li din tinfetaħ għall-pubbliku għax hija mikrija lill-privat. Għar-rigward tal-mitħna fi Triq il-Mitħna, Bormla, s'issa ma kellna ebda talba għar-restawr.
Leg 9 PQ #8507 Sitting 131 1999-07-06 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Sta. Luċija — Ġnien is-Serenita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Ġnien is-Serenita' li hemm f'Sta. Luċija jinfetaħ xi forma ta' restaurant biex St. Luċija tkompli tressaq lejha aktar nies mil-lokalitajiet oħra u tfal, żgħażagħ u familji jkollhom fejn jirrikreaw ruħhom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7285 (Seduta 110).
Leg 9 PQ #8531 Sitting 131 1999-07-06 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Tarxien — Triq Leonardo Abela - Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir drenaġġ fit-Triq Leonardo Abela, Tarxien peress li hemm nies li jridu jmorru fil-post imma jistgħux jagħmlu dan għaliex m'hemmx drenaġġ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li din l-estensjoni qiegħda ssir preżentament, u hu maħsub li x-xogħol jitlesta dalwaqt.
Leg 9 PQ #8312 Sitting 130 1999-07-05 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Pjazza Santa Margerita

Question

Peress li x-xogħol fuq Pjazza Santa Margerita issa beda pero' miexi bil-mod wisq, jista' l-Ministru jgħid x'time-frames iridu jinżammu sabiex dan il-proġett ikun jista' jitlesta? Jiġifieri meta suppost ikun lest il-proġett kollu? Meta se titlesta xi fażi minnu u fiex se tkun tikkonsisti? Meta jaħseb il-Ministru li jkun lest il-ground? Meta jaħseb li se jkun lest il-pitch u l-club tal-boċċi? Jikkonsidra l-Ministru li x-xogħol jitħaffef sabiex anke d-dar ta' l-anzjani li suppost tiftah din is-sena tkun f'ambjent nadif u mhux dawk il-ħafna trabijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li dan il-proġett ġie maqsum f'fażijiet u hu mistenni li jitlesta sa l-aħħar tas-sena d-dieħla. L-ewwel fażi tinkludi l-pavimentar ta' quddiem id-dar ta' l-anzjani u l-parkeġġ, u x-xogħol hu maħsub li jkun lest mad-dar ta' l-anzjani. It-tieni fażi tinkludi x-xogħol konness mal-ground u l-klabb tal-boċċi.
Leg 9 PQ #8348 Sitting 130 1999-07-05 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Raħal Ġdid — Ġnien Pawlu Boffa

Question

Jista' l-Ministru jara li ġnien Pawlu Boffa, f'Raħal Ġdid jiġi rranġat? Jista' jgħid x'inhu li qiegħed iżomm lill-gvern milli jieħu passi biex jirrimedja s-sitwazzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant qed ikun ikkunsidrat.
Leg 9 PQ #8398 Sitting 130 1999-07-05 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Masġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-masġar ta' quddiem il-Kwartier San Nikola, f'Bormla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-ewwel fażi tal-proġett tal-Kottonera Lines, jiġifieri dik imsejħa l-Park Reġjonali ta' Ħaż-Żabbar qed tkun riveduta flimkien ma' uffiċjali mis-Sezzjoni ta' Restawr fit-Taqsima tax-Xogħlijiet. Dan għaliex nemmnu li l-proġett tal-masġar ma jistax ma jkunx marbut ma' l-aspett ta' restawr tas-swar. Fl-istess ħin diġa' beda l-proċess fuq espropriazzjoni ta' art privata u terminazzjoni ta' ċens ta' artijiet li jaqgħu fl-istess zona. Bdew ukoll il-preparamenti biex jinħarġu 'tenders' għall-kostruzzjoni ta' 'boundary wall' għall-masġar. Iżda x-xogħlijiet ikunu jistgħu jibdew ladarba l-espropriazzjoni u t-terminazzjoni taċ-ċnus ikunu saru.
Leg 9 PQ #8401 Sitting 130 1999-07-05 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Swar

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern għad-daħliet fis-swar ta' ħdejn l-iskola ta' Verdala jew Skola Ġużeppi Despott, f'Bormla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Fil-preżent immedjat ma kienx hemm pjani li jsir xogħol ħdejn l-iskola ta' Verdala jew Skola Ġużeppi Despott f'Bormla. Madankollu ser jintbagħat uffiċjal tad-Dipartiment konċernat biex nistabilixxu jekk hemmx bżonn urġenti ta' xi xogħol.