Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-regoli tal-grading u l-packing li jridu jkunu konformi magħhom il-bdiewa meta jdaħħlu l-bejgħa fil-pitkalija ċentrali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li r-regoli tal-grading u l-packing, li jridu jkunu konformi magħhom il-bdiewa meta jdaħħlu l-bejgħa fil-pitkalija, ġew ippublikati bl-Avviż Legali Nru. 241 tal-2003.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett għall-iżvilupp ta' crafts village modern f'Ta' Qali wara li kien imxandar id-dokument magħruf bħala Ta' Qali action plan fi Frar 2000 u wara li l-awtorita' ta' l-ippjanar kienet xandret id-dokument Ta' Qali crafts village development brief - public consultation draft fi Frar 2001?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għal mistoqsijiet parlamentari 1684, 2640 u 5262, jista' il-Ministru jgħid meta se jkunu lesti l-local plans għan-naħa t'isfel ta' Malta? X'inhi r-raġuni għal dan id-dewmien esaġerat? Għaliex s'issa kontinwament qed jingħataw dati differenti ta' meta suppost għandhom jitlestew il-local plans għan-naħa t'isfel ta' Malta? Huwa każ li dan id-dewmien hu minħabba prograstinazzjoni tal-MEPA? Jista' il-Ministru jinnota li peress li ċ-ċittadini tan-naħa t'isfel ta' Malta jħallsu l-istess taxxi bħal ċittadini oħra, bir-raġun jistennew dan is-servizz fil-ħin?
Jista' il-Ministru ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Pjan għan-nofs in-nhar ta' Malta diġa tressaq quddiem il-bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u mistenni jingħata l-approvazzjoni fis-seduta li jmiss. Kull ma jonqos huwa li jsir il-proċess ta' printing, internet, inputting fuq CD's u l-materjal kollu normalment assoċjat mal-varar ta' Pjan Lokali. Huwa indikat li l-pjan jiġi varat għall-ħabta tat-tieni gimgħa ta' April. Id-data eżatta se titħabbar dalwaqt.
Ta' min jgħid li kien hemm numru ta' ostakli tekniċi u proċedurali li wasslu għal dewmien. Żgur mhux il-każ li wieħed jindika prokrastinazzjoni min-naħa ta’ l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Meta inqalgħu dawn id-diffikultajiet, sar minn kollox biex jiġi mgħeluba fl-aqsar żmien possibbli. In-natura tal-proċess minnha innifisha tieħu ammont konsiderevoli ta' żmien u dan kien japplika għal kull pjan lokali li ħareġ s'issa. Żgur li ma japplikax biss għall-pjan tan-nofs in-nhar ta' Malta. Ta' min isemmi wkoll li dan kien l-aktar pjan lokali li għandu kunsilli lokali (tmintax b'kollox). Għalhekk wieħed jifhem ukoll li it-termini tal-konsultazzjoni kienu aktar wiesgħa.
Tajjeb li l-Onor. Interpellant jiftakar li l-ewwel Pjan Lokali li tlesta kien jikkonċerna iż-żona ta’ B’Buġia u M’Xlokk li tinsab fin-naħa t’Isfel ta’ Malta. L-ordni ta’ kif jitlestew il-Pjani Lokali kienet ġiet stabbilita qabel l-1998.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba n-numru ta' siġar protetti ai termini ta' avviż legali 12/01 għall-protezzjoni ta' l-ambjent ġewwa l-Imtarfa f'sit biswit Dar il-Kaptan u Sisters' quarters ingħatax il-permess lil xi ħadd sabiex dawn jinqalgħu jew jinżabru? Jekk le, x'passi legali jistgħu jittieħdu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma saritilhiex talba sabiex is-siġar protetti skond l-Avviż Legali 12/2001 f'sit biswit Dar il-Kaptan u Sisters' Quarters ġewwa l-Imtarfa jinqalgħu jew jinżabru. Jirriżulta però li hemm permess ta' żvilupp numru PA 0216/00 maħruġ mill-Awtorità ta' l-Ippjanar fit-22 ta' Frar 2002 fuq is-sit in kwistjoni, liema permess għadu ma ġiex utilizzat sallum il-ġurnata.
Għar-rigward ta' x'passi jistgħu jittieħdu, oltre li qed tissorvelja s-sit in kwistjoni, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) talbet lill-applikant sabiex qabel ma jutilizza l-permess ta' żvilupp relattiv jottjeni il-permessi neċessarji u jagħti t-tagħrif kollu meħtieġ dwar kif se jintlaqtu l-istess siġar protetti.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-MEPA qed tinsisti mal-kamra tal-logħob tan-nar taż-Żejtun dwar apparat speċjali fejn fih jinħarqu l-karti li jkunu skart wara li jinħadem in-nar?
Kemm-il kamra tal-logħob tan-nar hawn f'Malta u Għawdex li huma liċenzjati li għandhom dan l-apparat li qed jintalab lill-kamra taż-Żejtun?
Xi kwalifiki fix-xjenza piroteknika għandha l-persuna li qed tinsisti għal dan l-apparat?
Kemm għandha nies kwalifikati fix-xjenza tal-piroteknika l-MEPA, min huma u xi kwalifiki għandhom?
Jista' ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbiltà għall-immaniġġjar ta' l-iskart hi dejjem fuq dak li jipproduċih. Il-karti kkontaminati bi fdalijiet pirotekniċi jitqiesu bħala skart perikoluż.
L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) mhux qed tesiġi li dawn il-karti għandhom jinħarqu f'apparat speċjali; qed tesiġi iżda li jekk irid jinħaraq xi skart bħal dan, għandu jintuża apparat apposta skond il-liġi. Il-liġi ma tippermettix li jsir ħruq ta' skart bħal dan fl-apert.
L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma taf bl-ebda kamra tan-nar li għandha apparat speċjali biex jaħraq l-iskart.
Il-persuni li ħadmu fuq din l-applikazzjoni huma kkwalifikati fil-kimika, fl-immaniġġjar ta’ l-iskart, u fil-ħarsien ambjentali. Għaldaqstant, huma kkwalifikati biex jiddeterminaw li l-ħruq ta' karti kkontaminati bil-kimika piroteknika b'mod mhux ikkontrollat iġib miegħu riskju għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll għall-ambjent.
Jista' il-Ministru jispjega għaliex iż-żibel li jinġabar f'Għawdex ħalli jiġi trasportat lejn Malta qed jitħalla fit-trakkijiet f'Għawdex u ieħor Malta minn filgħaxija sa filgħodu? Jista' il-Ministru jieħu passi biex dan l-abbuż jieqaf immedjatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Dak li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant effettivament mhijiex prattika imma grat biss f’eċċezzjonijiet. Se jsir kull ma hu possibbli biex dan ma jerġax iseħħ.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10344 u cioe': B'referenza għal mistoqsija parlamentari 9966, għaliex filwaqt li fl-2004 ġew importati 5.7 miljun fellus (għas-simna) laħqu għall-ipproċessar 3.7 miljun biss skond it-tagħrif li għandu l-gvern?
Jista' il-Ministru jinvestiga u jinformani x'ġara mill-bqija taż-2 miljun fellus għas-simna li kellu pajjiżna matul l-2004?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10343.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10346 u cioe': B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9966, għaliex il-gvern mhux jiddikjara li fl-2003 il-produzzjoni tat-tjur tas-simna laħqet 6.2 miljun u mhux 4.5 miljun kif iddikjara fl-istess mistoqsija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Tweġiba Proposta :
Ninsab infurmat li fis-sena 2003, il-figura ta' 4.5 miljun hija ta' tjur maqtula, u mhux in-numru ta' produzzjoni. Il-Mistoqsija Parlamentari 9966, li għamel referenza għaliha l-Onor. Membru, kienet titlob figura tal-qatla u mhux tal-produzzjoni. Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jissustanzja il-figura ta' 6.2 miljun.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10347 u cioe': B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9686, il-Ministru jikkonferma jew jiċħad li l-aqwa ilma għat-tisqija tar-raba huwa dak ġiri naturali tax-xita (dejjem meta jiġi wżat skond il-ħtieġa naturalment tal-ħxejjex u frott imkabbra fuq l-uċuħ u s-serer)?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-aħjar ilma għal kull tisqija, inkluż is-serer, huwa ilma bl-inqas imluħa possibli, sabiex tkun tista’ tiżdied id-doża bbilanċjata ta' fertilizzant mingħajr ma jaffettwa l-livell ta' imluħa. L-ilma miġbur direttament mix-xita l-bogħod mix-xtut (minħabba l-imluħa tar-raxx tal-baħar) fih l-inqas imluħa, inqas mill-ilma ġieri naturali tan-nixxiegħat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsir xi tip ta' proġett jew żvilupp fil-viċinanzi tat-tempji megalitiċi ta' l-Imnajdra u Ħaġar Qim jew fl-area tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) żżomm din it-tip ta’ informazzjoni dwar applikazzjonijiet kif rikjesta mill-Onor. Interpellant fuq is-sistema ta’ l-informatika tagħha u li hija aċċessibbli mill-pubbliku.
Jistgħu l-istrutturi rilevanti tal-MEPA jżommu quddiem għajnejhom li meta jiġu biex jikkunsidraw l-appell 092/2004 fil-15 ta' April 2005 l-inħawi milquta, għalkemm jaqgħu taħt it-temporary provisions schemeta' San Pawl il-Baħar (TPS No.6) hija skedata (level 2) fin-north west local plan minħabba l-importanza ekoloġika tagħha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Għandi fiduċja li l-Bord ta’ l-Appell jieħu konjizzjoni tal-fatti kollha u jiddeċiedi b’mod ġust.
Jista' il-Ministru jgħid x'applikazzjonijiet pendenti hemm quddiem il-MEPA għal bini u żvilupp ieħor fil-gżira ta' Kemmuna u jagħti tagħrif ġenerali fiex jikkonsistu dawn l-applikazzjonijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) iżżomm din it-tip ta’ informazzjoni rikjesta mill-Onor. Interpellant fuq is-sistema ta’ l-informatika tagħha u li hija aċċessibbli mill-pubbliku.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11231 u cioe' ġentilment jelenka f'lista n-numru ta' safriet minn persuni, uffiċjali f'dipartimenti, aġenziji u awtoritajiet fi ħdan il-ministeru bejn April 2003 s'issa?
Jista' jelenka l-ismijiet ta' dawk li siefru, f'liema post u l-iskop ta' dan is-safar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ safriet minn persuni u uffiċjali fi ħdan il-Ministeru minn April 2003 sa l-aħħar ta’ Frar 2005 huwa kif gej:
Agrikoltura - 393
Sajd - 86
Żvilupp Rurali - 41
Ambjent - 49
Biċċerija - 115
Director of Review - 4
Ninsab ukoll infurmat li s-safriet li saru minn impjegati ta’ l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) bejn April 2003 s'issa kienu 305, li minnhom 234 kienu fuq ambjent, 33 kienu relatati ma’ Ppjanar u 38 kienu jkopru suġġetti oħra.
Is-safriet li saru minn impjegati tal-kumpanija Wasteserv Malta Co Limited bejn April 2003 s'issa kienu 26.
Numru kbir ta’ safriet ta’ l-uffiċjali f’dan il-Ministeru huma marbuta mal-ħidma ta’ pajjiżna bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea, u għalhekk l-ispejjeż tas-safar huma ntitolati għal rifużjoni mill-Kummissjoni Ewropea.
Tajjeb ukoll li l-Onor. Membru japrezza wkoll li dawn iż-żewġ setturi jingħataw l-akbar priorita’ fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 11168, jista' il-Ministru jagħti d-dati ta' meta saru dawn il-public consultation meetings, kemm għall-pubbliku kif ukoll għal-kunsilli lokali? Jista' jgħid fuq liema mezzi tax-xandir ingħata it-tagħrif ta' meta se ssir il-laqgħa għall-pubbliku?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għall-fatt li l-gvern qed jerġa' iħaddem l-inċineratur tal-biċċerija li kien ikkundannat li jagħmel ħsara lis-saħħa tal-ħaddiema u n-nies tal-madwar, jista' il-Ministru jinvestiga jekk dan l-inċineratur huwiex ikun ta' theddida għas-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9684.
Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' għasafar u/jew ħlejjaq oħra waqgħu f'idejn id-dipartiment ta' l-ambjent is-sena l-oħra? X'sar minnhom u kemm kien in-numru ta' ħlejjaq f'kull każ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7698.