Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Tarxien — Tempji Neolitiċi - żjarat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żaru t-Tempji Neolitiċi li jinsabu f'Ħal Tarxien tul is-sena li għaddiet 2016? Jista' jgħid kemm ittieħdu student mill-iskejjel primarji? Jista' jgħid x'xogħol u spejjeż saru fuq l-istess post?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li matul l-2016 kien hemm 65,512 viżitatur li żaru t-Tempji ta’ Ħal Tarxien bi ħlas. Kien hemm ukoll madwar 600 tifel u tifla mill-iskejjel primarji li żaru dawn it-tempji. Matul l-istess sena tkomplew ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ fis-sit kif ukoll manutenzjoni tax-xogħlijiet li saru bħala parti mill-proġett tal-ERDF. Dan ix-xogħol kien jammonta għal spiża ta’ madwar €72,000.

Identity Malta – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ mal-Identity Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li reġa’ sar kuntatt mal-persuna kkonċernata.

Heritage Malta – Proġett MUŻA

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għamlet il-Fondazzjoni Valletta 2018 minn Marzu tas-sena 2013 sa issa, sabiex tippromovi l-proġett ta' Heritage Malta -MUŻA? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra wkoll il-costings ta' kull inizjattivà abbinata ma’ dan il-proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li għal dan il-għan il-fondazzjoni Valletta 2018 u Heritage Malta, żviluppaw, b’mod konġunt il-proġett ta’ parteċipazzjoni ċivika ‘Naqsam il-MUŻA’ – eżerċizzju għall-kurazzjoni artistika mill-komunita’. F’din l-attività membri mill- kommunita’ jiġu mistiedna jagħżlu u jippreżentaw xogħlijiet artistiċi mill-kollezzjoni tal-arti li ser tkun għall-wiri dalwaqt f’MUŻA. Permezz tal-istess proċess, il-parteċipanti qed jiġu esposti għall-mudell MUŻA li se kun qed jiħeġġeġ kurazzjoni nnovattiva tal-arti fejn l-interpretazzjoni ta’ min iżur il-Mużew ser ikollha valur ġdid. Dan il-proġett ilaqqa’ diversi membri tal-komunità sabiex jitkellmu dwar liema biċċa arti mill-kollezzjoni nazzjonali tolqothom l-iktar. Imbagħad jidentifikaw spazju u mod sabiex jesebixxu l-biċċa li tkun laqtithom l-iktar ma’ membri oħra tal-komunita’ tagħhom u l-pubbliku inġenerali. B’hekk tkun qed titpoġġa l-arti fil qalba tal-kommunita’. Sa tmiem l-2016, kienu saru erba’ interventi twal f’dawn il-lokalitajiet: Valletta, Kalkara, Gżira u Marsa. F’kull lokalita’ ġew involuti madwar 200 ruħ fuq perjodu twil u numru ta’ interventi/workshops. Il-prodott finali kien gawdut minn numri ħafna ikbar ta’ udjenzi. Fost dawn insemmu student fi skejjel, parteċipanti ta’ festival lokali u numru estensiv ta’ turisti. Il-proġett ‘Naqsam il-MU¯A’ sar b'investiment ta’ € 28,560.19 fis-sena (2016).

Heritage Malta – Proġett MUŻA

Question

B'referenza għall-proġett ta' Heritage Malta - MUŻA, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' individwi/organizzazzjonijiet li ġew ikkonsultati f'dan ir-rigward tal-interpretazzjoni ta' dan il-proġett? Jista’ jinkludi wkoll id-dati ta' meta saru dawn il-konsultazzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-kontenut tal-interpretazzjoni ta’ dan il-proġett tfassal kompletament minn Heritage Malta skond il-prassi. Dan wara ġie mgħoddi lill-konsulent internazzjonali ta’ fama f’dan il-qasam, li huwa parti mill-konsorzju li intagħzel minn fost numru sostanzjali li ħadu sehem fil-kompetizzjoni internazzjonali mnedija b’dan il-għan. MUŻA huwa mużew parteċipattiv ispirat mill-aktar żviluppi reċenti fid-dinja tal-mużewijiet. Dan il-proċess ġie mniedi f’Ġunju tal-2014 b’seminar flimkien ma’ workshops miftuħ għall-pubbliku. Wara dan ġew organizzati għadd ta’ focus groups li għalihom kienu mistiedna jipparteċipaw għadd ta’ individwi u akkademiċi, studjużi u artisti, anke minn istituzzjonijiet, fosthom Dipartimenti tal-Universita’ ta’ Malta, istituzzjonijiet pubbliċi kulturali u soċjali. Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni għadu u ser jibqa għaddej fuq livelli differenti wkoll permezz tal-proġett ‘Naqsam il-MUŻA’ bil-parteċipazzjoni ta’ għadd ta’ lokalitajiet f’Malta u Għawdex.

Heritage Malta — CEO

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li s-CEO ta' Heritage Malta qiegħed jokkupa wkoll il-kariga ta' Head Curatorial Affairs, Head Conservation u Manager DSL? Jista' jispjega kif din il-persuna qiegħda tlaħħaq ma' erba’ pożizzjonijiet simultanjament? Ma' jaħsibx il-Ministru li wasal iż-żmien li din il-persuna tingħata l-għajnuna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-persuna kkonċernata għandha esperjenza twila f’dan il-qasam u għalhekk ilha tlaħħaq ma’ dawn ir-responsabbiltajiet għal żmien konsiderevoli. F’dan iż-żmien kollu ix-xogħol ta’ Heritage Malta mexa b’mod regolari. L-aġenzija tikkunsidra tibdel din is-sitwazzjoni fil-mument opportun, jekk ikun il-każ.

Mużew tal-Arkeoloġija – esebizzjoni temporanja biex tikkomemora l-150 sena tal-pittura Il-Mewt ta’ Dragut

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27825, ma jaħsibx il-Ministru li tkun idea tajba li Heritage Malta torganizza esebizzjoni temporanja fil-Mużew tal-Arkeoloġija sabiex tikkomemora l-150 sena Anniversarju tal-pittura tant famuża ta' Ġużeppi Cali, “Il-Mewt ta' Dragut”?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li inagħatat fil-mistoqsija parlamentari 27825.

L-Imtarfa – Triq l-Imtarfa – dislivelli ta’ asfalt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31854 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u ċioè: Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni minnufih biex jiġu indirizzati dislivelli ta’ asfalt, fi Triq l-Imtarfa, ġewwa l-Imtarfa, għax qed iwasslu biex joqogħdu rqajja tal-ilma, li qed ikunu ta’ dannu għal għadd ta’ residenzi li qed jidħlilhom l-ilma fi djarhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Imtarfa li Triq l-Imtarfa għandha bżonn li tinbena mill-ġdid bl-ispiża stmat li titla’ madwar €18,000. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra stima mill-Perit tal-Kunsill kif ukoll site plan taż-żona. Intant infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali tal-Imtarfa li l-problema nħolqot għaliex (1) il-livell tar-residenza (binja ġdida li nbniet madwar seba’ snin ilu fl-aktar parti dejqa ta’ Triq l-Imtarfa) qiegħed ’l isfel mit-triq; u (2) ir-roqgħa bid-diżlivell li qed issir referenza għaliha saret mill-istess kuntrattur li għamel id- drainage house connection għall-binja msemmija.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Staff klerikali – degree mill-Università

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm staff klerikali li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom degree mill-Università? Jista' jgħid x'inhi d-degree u f'liema dipartimenti qegħdin? Jista' jgħid jekk humiex nisa jew irġiel?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Avukat Ġenerali – persuni li inħarġilhom ċertifikat ta’ immunità

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30853 u jgħid kemm-il darba l-Avukat Ġenerali ddikjara li persuna kellha tinħarġilha ċertifikat ta’ immunità minn prosekuzzjoni skont il-liġi tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni minn wara Marzu 2013, u jagħti d-data meta?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi għar-risposta li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 31153.

Attivitajiet kulturali mmexxija mill-Gvern li saru barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna x’attivitajiet kulturali, immexxija mill-Gvern, saru barra minn Malta matul l-2016 sa issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Espressjoni ħielsa u hatespeech

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar sabiex ikun hawn espressjoni aktar ħielsa fl-istess waqt li jiġi miġġieled aktar il-hate speech?

Response (BONNICI, OWEN)

Dan il-Gvern mill-ewwel imbarka fuq programm ta’ liberalizzazzjoni mhux biss ta’ liġijiet iżda wkoll ta’ attitudini favur iżjed tolleranza u iżjed liberta’ tal-espressjoni. Id-diversi liġijiet fil-qasam tal-ugwaljanza huma xhieda ewlenija ta’ dan kif huma wkoll l-attitudini liberali fil-qasam tal-liberta’ artistika. B’mod partikolari għandhom jissemmew il-miżuri meħuda permezz tal-Att XXXVII tal-2016 li filwaqt li neħħa r-reat antikwat tal-vilipendju tar-reliġjon saħħaħ id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82A tal-Kodiċi Kriminali kontra t-tixrid tal-mibgħeda reliġjuża filwaqt li wkoll introduċa reġim iżjed liberali f’dak li għandu x’jaqsam l-offiżi għall-moralita’ pubblika. L-istess Att introduċa l-Artikolu 208E tal-Kodiċi Kriminali li jistabbilixxi reat speċifiku għal min jiżvela ritratti privati ta’ persuna oħra b’kontenut sesswali. Hemm ukoll id-diversi miżuri meħuda bl-Att XXIV tal-2014 illi saħħaħ id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali dwar il-“hate crimes” u saħħaħ ukoll il-liġijiet dwar il-fastidju (harrassment) u introduċa r-reati ġodda ta’ “stalking” u ta’ “stalking” li jinvolvi biża ta’ vjolenza jew li jikkaġuna allarm. L-aktar miżura reċenti fil-qasam tal-liberta’ tal-espresjoni huwa l-Abbozz ta’ liġi dwar il-Midja u l-Malafama illi jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-ġurnalisti u jaġġorna l-liġi dwar l-istampa.

Bejgħ ta’ proprjetà miżmumin inkomun

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’riżultati kien hemm wara l-emendi li ffaċilitaw il-bejgħ ta’ proprjetà miżmumin inkomun?

Response (BONNICI, OWEN)

L-emendi li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant huma l-emendi legali introdotti bl-Att tal-2016 li jemenda Diversi Liġijiet (Riforma tal-Ġustizzja) (Proċedura Ċivili) (Att IV tal-2016). Permezz ta’ dan l-Att kull min kellu proprjetà immobbli in komun ma’ ħaddieħor għal aktar minn 3 snin (qabel kienet 10 snin), seta’ b’rikors fil-qorti jitlob l-awtorizzazzjoni sabiex ikun jista’ jbiegħ dik il-proprjetà wara li l-maġġoranza tas-sidien tal-ishma f’dik il-proprjetà jkunu sabu bejgħ tal-istess proprjetà. Fl-2016 jidher li n-numru ta’ sidien ta’ proprjetà għoġobhom li jieħdu azzjoni sabiex ibiegħu proprjetà immobbli in komun ma ħaddiehor żdied. Qiegħed nirriproduċi hawn taħt tabella (A) li turi ammont ta’ rikorsi ta’ dan it-tip li ġew ippreżentati fil-Qorti Ċivili ta’ Malta mill-2010 sat-23 ta’ Frar, 2017 u Tabella (B) li turi ammont ta’ rikorsi ta’ dan it-tip li ġew ippreżentati fil-Qorti ta’ Għawdex, mill-2010 sat-23 ta’ Frar, 2017: Tabella A 2010 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 10 7 5 5 8 14 24 1 Tabella B 2010 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 2 3 1 1 0 3 4 1

Revoki ta’ prokuri

Question

Jista’ l-Ministru jfisser x’inhu l-benefiċċju tal-emendi fejn jidħlu revoki ta’ prokuri?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onorevoli membru huwa nfurmat illi l-benefiċċju prinċipali tal-emendi huwa ili l-individwi li jkunu jridu jirrevokaw prokura ma jkollhomx jinkorru ħafna spejjeż li sa qabel ir-riforma kienu jammontaw ghal eluf ta' Ewro. Is-Sistema l-gdida taghti wkoll iktar certezza.

Twessiegħ tal-patteġġament fl-awli kriminal kollha

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’feedback kien hemm wara t-twessiegħ tal-patteġġament fl-awli kriminal kollha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-miżura li biha l-patteġġjament ġie estiż ukoll għal kawżi kriminali quddiem il-Qrati tal-Maġistrati kienet waħda mill-miżuri meħuda biex il-kawżi ma jitwalux bla bżonn. Min mindu ġiet introdotta din il-miżura kien hemm numru ta’ kawżi fejn il-piena ġiet patteġġjata b’dan il-mod.

Kawżi tad-droga – appell mid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-effett tal-emendi li bihom jista’ jsir appell mid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali fil-kawżi tad-droga?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li mindu daħlet fis-seħħ l-emenda legali li permezz taghħa seta’ jsir appell mid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali fil-kawżi tad-droga, fi stadju meta l-kawżi kienu ghadhom fi stat ta’ kumpilazzjoni, kien hemm ħmistax (15)-ir rikors mid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali, minn dawn tlieta (3) ġew milqugħa, erbgħa (4) ġew miċħuda u tmienja (8) ġew irtirati F’każijiet meta sar rikors wara li nħareġ Att ta’ Akkuża kien hemm dsatax (19)- il talba li minnhom tnejn (2) ġew milqugħa, tnax (12) ġew miċħuda u ħamsa (5) għadhom pendenti.

Santa Luċija — Triq il-Burka - Tarmak

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31557 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u ċioè: Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq il-Bruka f’Santa Luċija tingħatax it-tarmak?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija li ma għandux ippjanat li ssir bit-tarmak għalissa però qed jikkunsidra l-upgrading tal-bankina ta’ naħa minn din it-triq.

Ħal Tarxien – Triq il-Fieres – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra f’liema stat u kundizzjoni tinsab il-parti inizjali ta’ Triq il-Fieres Ħal Tarxien u jekk kemm-il darba huwiex ser isir xi xogħol fuqha tul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li tajt f’Mistoqsijiet Parlamentari 31150 u 31151.

Bormla – Windmill Str – xogħol fil-mitħna l-antika

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31047 jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba huwiex previst li tul din is-sena jsiru t-tiswijiet neċessarji mid-Dipartiment tal-Kultura fil-mitħna l-antika li tinsab f’Windmill Str, Bormla billi għandha bżonn dan urġenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Kultura ma jagħmilx xogħol ta tiswijiet u manutenzjoni ta’ bini jew siti storiċi.