Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qiegħed jagħmel l-accounts tal-faċilita' korrettiva ta' Kordin? X'inhi r-raġuni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent ma hemm l-ebda persuna li taħdem fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin bl-isem referut fil-mistoqsija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta mistenni joħroġ bit-tender il-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li hu vojt? Dan mistenni jkun bil-kera jew għall-bejgħ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalkemm il-fond mhux qiegħed jintuża, dan huwa mikri. Infurmat ukoll illi l-kirja mhux ser tiġi imġedda wara l-iskadenza li jmiss, jiġifieri wara t-30 ta' Ġunju 2006. Malli it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern totjeni pussess tal-fond, ikunu jistgħu jiġu ippublikati l-offerti għall-kiri tal-fond mill-ġdid.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn postijiet milquta bil-liġi possession and use? Fejn huma? X'inhi l-prattika tal-gvern biex dawn il-postijiet jiġu ħielsa u jkunu jistgħu jinxtraw mill-inkwilini tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Biex jiġi stabbilit kemm hemm proprjeta' li ġiet esproprjata taħt it-titolu ta' 'pussess u użu', irid isir eżerċizzju kumplessiv li jinvolvi ħafna riżorsi u li jieħu ħafna żmien. Għaldaqstant minħabba xogħol aktar urġenti li għandha t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, ma nħossx li dan l-eżerċizzju għandu jsir.
In-numru ta' kirjiet li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern qiegħda tħallas għall-proprjeta' li qiegħda għand il-Gvern b'titolu ta' 'pussess u użu' u 'dominju pubbliku' huwa ta' 2,702. Il-lista hawn annessa tindika fejn huma dawn il-lokalitajiet.
Sabiex l-inkwilini li jikru flats jew djar li jinsabu fuq il-proprjeta' li ġiet esproprjata taħt it-titolu ta' 'pussess u użu' jew ta' 'dominju pubbliku' jkunu jistgħu jixtru ir-residenzi tagħhom, it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern trid tixtri il-kumpens li jitħallas għal pussess u użu/dominju pubbliku, skond l-Emenda tal-Kapitolu 88 tal-Ordinanza dwar Akkwist ta' l-Artijiet għal skopijiet pubbliċi li saret permezz ta' Att XI ta' sena 2002 li ġie fis-seħħ fil-5 ta' Marzu 2003.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħarġu permessi għall-Casinos f'Malta bejn l-1998 sal-lum u kemm hemm pendenti bħala applikazzjonijiet għal casinos ġodda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi liċenzji ta' każino jinħarġu mill-Aworita' dwar il-Lotteriji u l-Logħob. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-każi kollha li l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika applika n-nolle prosequi fihom mis-sena 1998 sa l-aħħar ta' Marzu 2006?
Jista' jikkonsidra li din issir proċedura tassattiva li kull sena jitpoġġew il-każi li l-Avukat Ġenerali jidhirlu li għandu jwaqqaf milli tkompli jew tibda prosekuzzjoni f'każi kriminali u dan fl-interess pubbliku u għall-iskrutinju tal-parlament?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitluba għall-parti l-kbira tas-snin imsemmija fil-mistoqsija diġa' ingħatat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10087.
Dwar il-perijodu rimanenti tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija għalkemm is-suġġeriment qed jiġi innotat, ma jidhirx li l-prattika preżenti ħolqot xi disgwid jew inċertezza.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ċitazzjonijiet li l-gwardjani lokali ħarġu xahar b'xahar fis-sena 2004 u 2005? Liema kien dak ir-regolament li l-iktar ġie miksur?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ ċitazzjonijiet li l-Gwardjani Lokali ħargu, xahar b’xahar, fis-sena 2004 u 2005 (sa Novembru) huwa kif ġej:
2004
Jannar24,151
Frar24,714
Marzu26,822
April27,836
Mejju27,444
Ġunju24,915
Lulju22,868
Awissu22,295
Settembru20,086
Ottubru23,557
Novembru23,691
Diċembru22,036
Total290,415
2005
Jannar25,038
Frar23,313
Marzu24,427
April25,773
Mejju24,697
Ġunju22,858
Lulju23,136
Awissu22,961
Settembru22,802
Ottubru24,869
Novembru19,168
Total259,042
L-aktar regolament tat-traffiku li ġie miksur kien: License not properly fixed on vehicle. License not affixed to windscreen. L-ammont ta’ dawn kien ta’ 65,058.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li tiġi emendata l-liġi biex il-kunsilli lokali li jibnu ħajt madwar sit fejn is-sid mhux identifikat ikun jista' jitlob lura il-ħlasijiet li jkun għamel, jgħaddu kemm jgħaddu s-snin biex jiġi identifikat is-sid?
Response (BORG, TONIO)
Il-proposta ta' l-Onor. Interpellant ser tiġi kkonsidrata.
Jistgħu jittieħdu inizjattivi biex f'Buġibba jiġu identifikati min huma s-sidien ta' ħafna siti li qed jimtlew ħmieġ għax huma bla ħitan madwarhom? Kemm hemm siti li mhux magħruf ta' min huma f'Buġibba?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' trabi li twieldu matul Jannar u Frar 2006? X'kienet l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għas-snin 2003, 2004 u 2005?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-trabi li twieldu f’Malta u f’Għawdex li ġew reġistrati fir-Reġistru Pubbliku Malta/Għawdex matul ix-xhur u s-snin mitluba huwa kif murija fit-tabella ta’ hawn taħt:
MaltaGħawdex
SenaJannar / FrarJannar / Frar
200363149
200460559
200560955
200657751
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex, minkejja l-wegħdiet li saru f'dan il-Parlament dwar l-għalqa ta' Kola, Rabat, ix-xogħlijiet baqgħu ma sarux? Meta fil-fatt mistennija li jsiru din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Peress li la l-Ministeru għall-Ġustizzja u Intern u l-anqas id-dipartimenti li jaqgħu taħtu m'huma responsabbli biex isiru xogħlijiet fuq l-art in kwistjoni, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi forma ta' arranġament ma' enti kummerċjali dwar użu ta' art fiz-zona tal-fire station ta' Ħal Far? Jekk iva, jista' jagħti dettalji?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob l-Onor. Interpellant jindika aħjar liema parti qiegħed jirreferi għaliha.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kolliżjonijiet tat-traffiku reġistrati mal-pulizija matul l-2005? Kemm kienu l-każi ta' bumper to bumper fl-istess perijodu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 il-Pulizija kellha 4,181 rapport dwar inċidenti tat-traffiku. Kif diġa' kelli l-okkażżjoni ninforma lill-Kamra, mill-15 ta' Jannar 1998, l-inċidenti bumper to bumper ma baqgħux ikunu irrapurtati lill-Pulizija, filwaqt li mill-1 ta' Marzu 2004, inċidenti tat-traffiku fejn ma jkunx hemm persuni mweġġa' jew ħsara fi proprjeta' pubblika, bdew jiġu rrapurtati lill-Gwardjani Lokali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17398 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk daħlux fis-seħħ dak li ġie rrapportat fil-gazzetti li l-kabinett iddeċieda li dawk taħt is-16-il sena li jinsabu taħt l-influwenza tax-xorb jiġu mmultati? Jekk iva, jista' jispjega kif se topera?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika jekk hemmx kunsilli lokali li għad ma ħadux id-delega għall-infurzar lokali? Kien hemm kunsilli li tilfu din id-delega minn mindu daħlet is-sistema?
Hemm xi standards ta' infurzar li għandhom jimxu magħhom il-kunsilli lokali jew kumitati konġunti fl-iffissar tar-rotot tal-wardens jew dwar l-imġieba jew rwol tal-gwardjan fil-lokal?
Hemm xi forma ta' quota ta' kontravvenzjonijet li tiġi imposta fuq il-gwardjani?
Kif jinqasam id-dħul mill-kontravvenzjonijiet?
Hemm xi persentaġġ li ma jmurx lejn il-kunsill lokali partikolari?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Kunsilli Lokali tal-Marsa u Birżebbuġa qatt ma ħadu d-delega għall-Infurzar Lokali. L-Imqabba li kien wieħed minn dawk li kellu d-delega kien tilifha matul is-sena 2005.
Rigward l-informazzjoni mitluba dwar ir-rotot tal-gwardjani lokali, ninforma lill-Onor. Membru li dawn jiġu iffissati mill-Authorised Officer, għax dawn isiru skond l-esiġenzi tal-Kunsilli u l-lokalita' tagħhom.
L-imġiba tal-Gwardjani Lokali, tiġi regolarizzata mir-Regolamenti tal-Gwardjani Lokali li jinkorporaw fihom Code of conduct, u fuq il-kwistjoni ta' kwota għandi assigurazzjoni li din ma tiġix imposta. Infurmat li l-Aġenzija tal-Gwardjani Lokali għandhom ukoll Bord li jinvestiga ilmenti li jsiru fuq gwardjani lokali.
Mid-dħul tal-kontravvenzjonijiet jitħallsu l-ispejjeż kollha tas-Sistema u milli jibqa' jamministrahom il-Kunsill skond il-ħtiġijiet tiegħu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn gwardjani lokali liċenzjati? Kemm kien hemm każi li fihom gwardjani liċenzjati tilfu l-liċenzja tagħhom matul l-aħħar ħames snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji ta' min huma l-uffiċjali awtorizzati tal-kumitati konġunti responsabbli mis-sistema ta' l-infurzar tal-liġijiet (LES)? Jista' jgħid jekk hemmx minn dawn l-uffiċjali li huma kunsilliera?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Uffiċjali Awtorizzati tal-Kumitati Konġunti responsabbli mis-sistema ta' l-infurzar tal-liġi (LES) huma dawn li ġejjin:
1. Birkirkara Raphael Carabott
2. Ċentrali (Qormi) Tony Borg Caruana
3. Fgura John Bonavia
4. Għawdex Ina Zammit
5. Sliema David Soler
6. Tramuntana Raymond Grima
7. Valletta Ernest Tonna
8. Żejtun Paul Taliana
9. Żurrieq Dennis Vassallo
Kemm hu possibbli li nagħmlu mistoqsijiet parlamentari dwar l-operat tal-kunsilli lokali peress li dawn qed joperaw b'fondi pubbliċi?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huma biss dawk il-Mistoqsijiet li jsiru dwar materja li tkun fil-kompetenza tal-Kunsilli Lokali u tirreferi speċifikament għal xi Kunsill Lokali partikolari fejn dawn iridu jsiru lill-Kunsill ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-pulizija jew mill-kunsill lokali tal-Ħamrun minħabba problemi kkawżati minn sitwazzjonijet ta' konġestjoni ta' traffiku jew ta' parkeġġ double u triple li kważi ta' kuljum matul il-ġimgħa jkun hemm f'parti fi Triq il-Kappillan Mifsud, Ħamrun kif ukoll filgħaxijiet, in-naħa ta' Pjazza ta' Fra Diegu fi Triq il-Kbira San Ġużepp, dejjem fil-Ħamrun?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tagħmel ronda fl-inħawi msemmija sabiex l-abbużi msemmija jkunu mrażżna.
Għal dak li jikkonċerna l-Kunsilli Lokali, bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, dawn huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-kumpanniji liċenzjati li joffru servizzi ta' gwardjani lokali lill-kumitati konġunti? Attwalment, liema huma l-kunsilli li kull kumpannija qed tkopri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kumpaniji li qed joffru servizzi ta’ gwardjani lokali lill-Kunsilli Lokali huma il-“Guard and Warden Service House Ltd” u “Sterling Security Co. Ltd.”.
Il-“Guard and Warden Service House Ltd” qed toffri servizzi lill-Kumitati Konġunti imniżżlin hawn taħt:
a. Kumitat Konġunt Valletta magħmula mill-Kunsilli Lokali ta’ Valletta, Floriana u Marsa (il-Marsa m’għandiex delega);
b. Kumitat Konġunt Sliema - Pembroke, San Ġiljan, San Ġwann, Sliema, Swieqi,. Gzira u Ta’ Xbiex;
c. Kumitat Konġunt Birkirkara - Imtarfa, Attard, Balzan, Birkirkara, Dingli, Iklin, Lija, Mdina, Rabat u Santa Venera;
d. Kumitat Konġunt Ċentrali (Qormi) – Siġġiewi, Qormi, Zebbuġ, Hamrun, Msida u Pieta’;
e. Kumitat Konġunt Tramuntana – Għarghur, Mellieha, Mġarr, Mosta, Naxxar u San Pawl il-Baħar; u
f. Kumitat Konġunt Għawdex – Il-Kunsilli Lokali Għawdxin.
L-iSterling Security Co Ltd qed toffri tagħti s-servizzi tagħha lil dawn il-Kumitati Konġunti:
a. Kumitat Konġunt Żejtun – Ghaxaq, Gudja, Marsaxlokk, Żejtun, Paola u Santa Lucia u Tarxien;
b. Kumitat Konġunt Żurrieq – Birzebbuġa, Kirkop, Luqa, Mqabba, Qrendi, Safi u Żurrieq; u
c. Kumitat Konġunt Fgura – Birgu, Bormla, Fgura, Isla, Kalkara, Marsaskala, Xgħajra u Żabbar.