Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pjanti — Spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li tħallset lill-kumpaniji privati lill-Ministeru u jew id-Dipartimenti, kumpaniji eċċ li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għas-servizz taż-żamma tal-pjanti jew xtieli matul is-sena li għaddiet? Kemm għat-tindif?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Pjanti - SpejjeżSakemm ma tingħatax raġuni l'għala qed tintalab, ma naara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba. Informazzjoni dettaljata fuq infieq attwali għal dak li għandu x'jaqsam ma dipartimenti tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Teżor jippubblika aktar tard fis-sena u għar-rigward ta' Korporazzjonijiet u Awtoritajiet, fir-rapporti annwali partikulari tagħhom.

Għawdex — Qgħad

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 30435, jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif kif klassifikat f'din il-mistoqsija parlamentari dwar ħaddiema qegħda, jiġifieri lokal b'lokal, eta' nisa w rġiel, il-kategorija ta' xogħol jew professjoni eċċ, sena b'sena (skond Diċembru ta' kull sena), mill-1995 sas-sena 2001? Jista' jagħti tagħrif wkoll dwar il-gainfully employed u self-employed, bl-istess klassifika u għall-istess perjodu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni mitluba għal Malta biss skond kif indikat fil-Mistoqsija. Informazzjoni mitluba dwar il-ħaddiema jaħdmu bi qliegħ (Gainfully Occupied) għas-snin Diċembru 1995, 1996, 1997 u 1998 ma kienux jinġabru għal Malta u Għawdex separatament. L-informazzjoni dwar is-self employed ma tinżammx fil-format mitlub. Tajjeb ninforma lill-Onor. Interpellanti li biex inġabret din l-informazzjoni, Executive tal-ETC kellu jaħdem fuqha għal tlett ġimgħat sħaħ.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani illum, kemm għandhom eta kull wieħed u x'sess għandhom? Kemm hemm minnhom li qed jieħdu xi forma ta' pensjoni mill-Gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Adrian Vassallo li d-Dipartiment iħallas xi forma ta' pensjoni (kemm kontributorja jew mhux kontributorja) lill-38,111 anzjani kif spjegat hawn taħt: Irġiel Nisa Pensjoni mhux kontributorja 705 2,821 Pensjoni taż-żewġ terzi 12,350 3,018 Pensjoni Minima Nazzjonali 3,219 2,781 Pensjoni ta' l-irtirar 7,838 5,379 Total 24,112 13,999 Nixtieq inżid li, filwaqt li l-pensjoni mhux kontributorja tingħata lil kull anzjan irrispettivament mill-istat ċivili tiegħu jew tagħha, dik kontributorja tingħata lil min ikun ikkontribwixxa u għaldaqstant jista' jkun li pensjonant ikollu miegħu l-mara tiegħu li wkoll tkun anzjana. Inżid ngħid ukoll li ma tinżammz statistika ta' l-eta' ta' kull pensjonant jew pensjonanta.

Single Parents — Unmarried Mothers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn single parents illum? Kemm hemm minnhom li huma unmarried mothers? Kemm hemm minnhom li huma separati u kemm hemm minnhom li huma divorzjati u romol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ebda wieħed mid-Dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma jżomm statistika dwar l-informazzjoni mitluba.

Single Mothers — Relief

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn single mothers fuq ir-relief illum? Kemm kien dan in-numru kull sena f'dawn l-aħħar 10 snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li preżentement hemm 993 persuna li qed tirċievi għajnuna soċjali bħala ġenitur wieħed. Dan in-numru hu maqsum f'965 singli u 28 separati. Qabel ma ġiet introdotta reċentement sistema komputeriżżata ma kienetx tinżamm statistika ta' l-informazzjoni kif mitluba. Il-ġbir manwali ta' din l-istatistika dwar il-passat jirrikjedi ħafna ħin u riżorsi umani li ma nħossx li huma ġustifikati li jintużaw għal dan l-iskop meta huma meħtieġa biex jinħadmu talbiet għall-assistenza.

Special Olympics

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'għajnuna qed tingħata lil żgħażagħ b'diżabilita' ili jsegwu xi dixxiplina sportiva? Jaf li żagħżagħ b'diżabilita li jieħdu sehem fl-ispecial olympics jħallsy Lm 4 ta' kull lane kull darba li jużaw il-pixxina nazzjonali? Ma jidhirlux li l-Gvern għandu jagħti għajnuna l-Gvern lil dawn iż-żgħażagħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-responsabbilta' għall-pixxina nazzjonali ma taqgħax taħt id-dekasteru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat. Fl-istess ħin ninforma lill-Onor. Interpellanti li s-sena l-oħra l-organiżżazzjoni volontarja Special Olympics Malta ngħatat is-somma ta' Lm1,800 mill-fondi allokati għall-NGOs biex tkopri parti mill-ispejjeż relatati ma' attivitajiet ta' għawm organiżżati fil-pixxina nazzjonali.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga mal-ETC il-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu under separate cover li allegatament ilha tirreġistra għax-xogħol xi disa snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 31826 fil-5 ta' Marzu 2002, f'Seduta Numru 707.

Ħlas ta' Bolla

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn employers u/jew entrapriżi jew azjendi li waqgħu lura fil-ħlas tal-bolla illum? Kemm hija is-somma li għanda tinġabar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-responsabbilta' għall-ġbir u l-infurzar tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali għadda taħt il-Kummissarju tat-Taxxi Interni fl-1 ta' Jannar 1998. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

ERA

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport ppreparat minn Dr Godfrey Baldacchino għall-Assoċjazzjoni Maltija ta' min iħaddem (Marzu 2000) u li ġie kkunsidrat fit-tfassil tal-White Paper dwar l-ERA

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument indikat mill-Onor. Interpellanti.

ERA — White Paper

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport ppreparat minn Dr Godfrey Baldacchino għall-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Restoranti (Marzu 2001) li ġie kkunsidrat fit-tfassil tal-white paper dwar l-ERA?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument indikat mill-Onor. Interpellanti.

ETC

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li nhar it-tlieta, li għaddew inqala inċident fl-ETC fejn kien involut kunsillier nazzjonalista? Jikkonferma li fl-inċident kienet involuta l-persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament u uffiċjal tas-sigurta li ġew mgħajjra minn dan l-istess kunsillier? Se jittieħdu passi kontra din il-persuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-inċident li għalih qed jirreferi l-Onor. Interpellant hu suġġett ta' korrispondenza bejn l-avukati tal-partijiet konċernati. Mhux għaqli li jingħad aktar minn hekk f'dan l-istadju.

ETC — Life Long Learnning

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 31842?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ torganiżża bosta programmi u skemi għal nies li qegħdin ifittxu mpjieg kif ukoll oħrajn li jinsabu jaħdmu u jixtiequ jtejbu l-ħiliet tagħhom. Fost dawn wieħed jista' jsemmi l-programmi relatati ma' xogħol f'uffiċċju, dawk fis-snajja differenti, Business Management, programmi fl-informatika, il-programm ta' Empowerment skills for women u kif ukoll il-programmi kollha li jaqgħu taħt in-Night Institute for Further Technical Education (NIFTE) fost oħrajn. Dawn l-inizjattivi kollha jaqgħu taħt il-kunċett ta' life long learning li tiġbor fiha viżjoni fejn iċ-ċittadini jibqgħu jitgħallmu tul ħajjithom kollha u mhux biss sakemm isibu mpjieg.

Increments

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm u min huma dawk l-impjegati f'St Vincent de Paule Residence li twaqqfulhom l-increments minħabba li huma fuq light duties u mhux jagħmlu xogħol skond is-salary grade tagħhom? Kemm ilhom li twaqqfulhom l-increments?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni qed tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi raġuni għaliex il-pensjonata li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma irċevetiex żieda għall-għoti tal-ħajja mal-pensjoni li irċeviet ftit ilu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ tal-persuna ndikata minnu ġie nvestigat u l-persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.

Allowance ta' Mard

Question

Jista' l-Ministru jara jekk il-pensjonata li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament hijiex intitolata għal xi allowance ta' mard minħabba l-kondizzjoni tal-bronki kroniċi li tbati bihom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tiġi nfurmata bl-eżitu tal-każ tagħha.

Kumitat tal-Welfare

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intefgħu offerti skond l-avviż mxandar fil-Gazzetta tal-Gvern tad-9/11/01, nru. 17, 159, fejn il-Kumitat tal-Welfare talab kwotazzjonijiet għall-provvista ta' magni li jaħslu l-art? Kemm kienu l-offerti Lil min ġiet akkreditata? Fejn se jintużaw dawn il-magni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li għat-tender li għamlet referenza għaliha l-Onor. Interpellanti kien hemm offerta waħda, mingħand Forestals (Appliances) Ltd. bil-prezz ta' Lm11,724. Il-magni mixtrija qed jintużaw fir-Residenza San Vinċenz de Paule.

Entitajiet Bankarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir ma' l-entitajiet bankarji f'Malta li jħaddmu l-faċilitajiet ta' ATM biex dawn jiġu fiżikament aċċessibbli għal kulħadd? Jista' l-Ministru jgħid xi kemm il-ATM ġiet irranġata s'issa, jiġifieri minn meta ġiet fis-seħħ il-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilita') biex din tkun aċċessibli? Kemm fadal ATMs li m'humiex aċċessibli? Xi pjan hemm biex dawn isiru u kemm se jieħu żmien biex dan il-pjan jitwettaq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fir-rigward ta' entitajiet bankarji u l-aċċessibilita' fiżika l-Kummissjoni laħqet ftehim ġenerali mal-HSBC Ltd li jinkludi dan l-aspett. Il-Kummissjoni għada qed tiddiskuti mal-Bank of Valletta ftehim simili pero' sfortunatament għad ma ntlaħaqx ftehim sħiħ. Il-Kummissjoni għad trid tibda diskussjonijiet ma' entitajiet bankarji oħra. Rigward, ATMs u l-HSBC il-ftehim jgħid li sa 4 snin oħra l-ATMs kollha jridu jkunu ta' livell li jintlaħqu minn kulħadd inkluż persuni li jużaw siġġu tar-roti. S'issa dan il-bank għandu 25 ATMs aċċessibbli u qed jippjana li fl-4 snin li ġejjin jirranġa 10 matul din is-sena, 20 s-sena d-dieħla, 20 fis-sena 2004 u 6 fis-sena 2005. Il-bank ser ikollu numru żgħir ta' ATMs li għalkemm ikunu l-għoli t-tajjeb ser ikun diffikulta biex dawn jintlaħqu, liema diffikulta hi diffiċli tiġi eliminata. Rigward il-Bank of Valletta dawn ukoll bdew programm biex fi żmien raġonevoli jibdlu l-ATMs tagħhom li jkunu aċċessibbli għal kulħadd inkluż persuni li jużaw siġġu tar-roti. Uħud minn dawn l-ATMs ser ikunu aċċessibbli wkoll għal persuni għomja. Id-dettalji għadhom qed jiġu diskussi.