Legislature:
Category:
Reset
Active:

Injezzjoni kontra l-influwenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm–il persuna ħadet l-injezzjoni kontra l-influenza s’issa din is-sena miċ-ċentri tas-saħħa? Kemm kienu persuni anzjani ’l fuq minn 60 sena? Jista’ jagħti dettalji għal kull ċentru separatament? Jinżamm rekord ta’ kemm ingħataw injezzjonijiet privatament minn tobba?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li t-total tat-tilqim kontra l-influwenza li ngħataw miċ-Ċentri tas-Saħħa din is-sena (sat-18 ta' Ottubru) separatament f'Malta u Għawdex huwa kif ġej: Furjana 2229 Mosta 1350 B'Kara 1986 Bormla 705 Raħal Ġdid 1627 Qormi 1206 Rabat 837 Għawdex 1401 Total 11,341 Fl-istess żmien ġew distribwiti 3026 il-tilqima lill-Kunsilli Lokali u 6732 lill-istituzzjonijiet bħal djar tal-anzjani jew sptarijiet, biex jingħataw minnhom direttament lill-anzjani, morda b'ċerti kondizzjonijiet jew lis-staff u b'hekk jiffrankawlhom li jiġu iċ-Ċentri tas-Saħħa. Minn din is-sena bdiet tinġabar informazzjoni aktar dettaljat mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika dwar min qed jieħu t-tilqima, liema informazzjoni, tinkludi kemm mill-persuni imlaqqma kontra l-influwenza huma ta' eta' il fuq minn 60 sena. Din l-informazzjoni għadha qed tiġi miġbura u analiżżata. Ma tinżammx statistika ta kemm jingħataw injezzjonijiet fil-privat.

Sptar San Luqa — Operazzjoni tal-hip replacement

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-waiting list għal kull professur għal hip replacement? Kemm-il operazzjoni ta' dan it-tip isiru kull xahar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Saħħa

Question

Jista' il-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li isem il-persuna msemmija fil-Mistoqsija jinsab imniżżel fil-lista ma' l-applikanti l-oħra li kienu applikaw u ġew magħżula wara intervista għall-post ta' Part-Time Social Assistant. Id-Dipartiment jibgħat għal din il-persuna biex tibda taħdem bħala Part-Time Social Assistant fil-komunita' meta jkun hemm bżonn u skond l-order of merit.

Anzjani — Talba għad-dħul fl-SVPR

Question

Jista' il-Ministru jara li żewġ anzjani - id-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament - li jinsabu fi stat li ma jistgħux ikomplu jgħixu waħedhom id-dar minħabba l-mard, jidħlu fir-residenza San Vinċenz de Paule?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni ta' l-imsemmija koppja waslet fit-2 ta' Lulju 2004. L-applikazzjoni qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Sptar Mater Dei — FMS - Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-membri ta' l-FMS u ta' dawk il-persuni li ħadmu magħha fuq l-isptar Mater Dei f'dawn l-aħħar ħames snin? X'kien ir-rwol ta' kull persun? Min hu responsabbli għal variation orders u min jiċċertifikahom għall-ħlas?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Saħħa — Radiographers

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7836, jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi fit-taħditiet mal-unions dwar ir-radiographers?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda tibdil mit-Tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija numru 7836 tas-Seduta numru172.

Sptar San Luqa — CDAU - Persuni bħala AD/HD

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni b'kollox li fl-aħħar erbgħa snin ġew dijanjosati bħala AD/HD mis-CDAU? Kemm hemm bniet u kemm hemm subien u x'etajiet differenti huma?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fl-aħħar erba' snin il-każijiet ġodda ta' ADHD fiċ-Child Guidance Clinic kienu kif ġej: Bniet Subien 2001 6 33 2002 8 18 2003 10 44 2004 2 33 Minħabba li n-numri huma zgħar, tqassim bl-eta' jista' jagħti lok li pazjenti jiġu identifikati.

Qasam tas-saħħa

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jagħmel pubbliku l-pjanijiet li għandu dwar il-qasam tas-saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Membru li bħalissa għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet dwar ir-riforma neċessarja fil-qasam tas-Saħħa. Meta dawn jiġu finaliżżati hu ntenzjonat li toħroġ white paper dwar din ir-riforma.

Kottonera — Problema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa d-dipartiment tas-sanita' u/jew l-ispettur sanitarju biex tiġi rimedjata l-problema ta' ilma/drenaġġ f'post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment dwar infiltrazzjoni ġo l-fond indikat, kien oriġinarjament sar fil-15 ta' Settembru 2003. Kien ġie nvestigat minn uffiċjal ta' dan id-Dipartiment, fejn ittieħed kampjun fid-9 t'Ottubru 2003. Tali kampjun irriżulta bi traċċi ta' ammonia. L-iskular ta' l-ilma kien sussegwentament waqaf u l-persuna li għamlet l-ilment qatt ma reġgħet infurmat li tali nfiltrazzjoni reġgħet bdiet dieħla. Fit-18 ta' Ottubru 2004 uffiċjali minn dan id-Dipartiment reġa' spezzjona l-fond indikat u ma nstab l-ebda nfiltrazzjoni.

Djar — Problema f'residenza privata

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa l-ispettur sanitarju biex tissolva l-problema fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment dwar infiltrazzjoni ġo l-fond indikat, kien oriġinarjament sar fit-28 ta' April 2004. Kien ġie nvestigat minn uffiċjal ta' dan id-Dipartiment, fejn ittieħed kampjun ta' l-infiltrazzjoni fit-30 ta' April 2004. Tali kampjun irriżulta' b'possibilita' t'ilma tal-bir ikkontaminat bi traċċi ta' l-ammonia. Testijiet kienu saru fid-drenaġġ ta' l-istess residenza fejn ma' rriżulta l-ebda' difett. Infurmat li wara li saru xi xogħolijiet fil-kanen ta' l-ilma tax-xorb, l-iskular ta' l-infiltrazzjoni kien waqaf. Il-persuna li kienet għamlet l-ilment qatt ma' reġgħet infurmat li tali nfiltrazzjoni reġgħet bdiet. Wara li reġa' daħal l-ilment, fit-18 ta' Ottubru 2004, uffiċjali ta' dan id-Dipartiment reġgħu bdew l-investigazzjonijiet tagħhom billi ħadu kampjun ta' l-infiltrazzjoni. Tali kampjun irriżulta' li m'hemmx kontaminazzjoni tad-drenaġġ. Għaldaqstant dan il-każ qed jiġi magħluq minn naħa ta' dan id-Dipartiment.

Saħħa — Mediċini kontra l-cholesterol

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li dawk il-persuni li jagħlqu l-75 sena ma jibqgħux intitolati għal mediċini kontra l-cholesterol b'xejn? X'inhi r-raġuni jekk fl-affermattiv?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-policy tad-Dipartiment tas-Saħħa hija li dawn il-mediċini jingħataw b'xejn biss lil persuni li għandhom anqas minn 75 sena. Din hija policy li ttieħdet fl-1998 u s'issa ma nħassetx il-ħtieġa li din tinbidel.

Ministeru tas-Saħħa — Transfers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-ministeru tiegħu u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sal-lum?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' transfers li ngħataw fil-Ministeru tiegħi u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Lulju 2004 sallum kienu b'kollox erbgħa u għoxrin (24), maqsumin hekk: sbatax (17) fid-Diviżjoni tas-Saħħa, li minnhom erbatax (14) intalbu mill-impjegati nfushom u l-bqija (3) saru skond l-esiġenza tas-servizz, kif ukoll sebgħa (7) fid-Dipartiment ta' l-Anzjani u Kura fil-Komunita', li minnhom sitta (6) ingħataw fuq talba tagħhom stess, filwaqt li transfer l-ieħor (1) ingħata minħabba promozzjoni fil-grad.

Saħħa — Rapporti ta' Serq

Question

Matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena kemm-il serqa ta' oġġetti ġiet rapportata li saret fid-dipartimenti, entitajiet, eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru kif ukoll minn fuq proġetti li għaddej bihom il-ministeru bħall-isptar Mater Dei? X'kienu l-oġġetti misruqa u kemm jammontaw f'ċifra ta' flus globali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Fiżjoterapisti

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġu ngaġġati mal-gvern il-fiżjoterapisti li temmew il-kors tagħhom din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li bħalissa qiegħed jiġi rivedut il-Compliment tal-Fiżjoterapasti fis-Sezzjoni tas-Saħħa. Meta jitlesta dan l-eżerċizzju, jiġu mpjegati l-fiżjoterapisti skond il-vakanzili jirriżultaw.

Seduta tas-sanita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex għadhom ma ttieħdux proċeduri kriminali għas-seduta tas-sanita' fil-konfront tal-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - u dan wara li sar rapport permezz ta' interpellanza legali fl-4/10/04 minn persuni - id-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament - liema interpellanza ġiet ukoll faxed lill-istess dipartiment tas-sanita' fit-18/10/04?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-Ispetturi tas-Saħħa għamlu spezzjoni fil-fond inkwestjoni fl-20 t' Ottubru, 2004 u l-ilment bil-miktub li dan id-Dipartiment irċieva fis-7 t'Ottubru ma ġiex ikkonfermat waqt din l-istess spezzjoni. Nissuġerixxi li l-ilment dwar ħsejjes li ħerġin mill-fond indikat, kif ukoll l-ilment dwar shaft li allegatament mhux skond il-liġi għandhom jiġu riferuti lid-Dipartiment konċernat peress li tali lment ma jaqgħux taħt ir-responsabilita' tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. Madankollu, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta bil-miktub ser timgħata fl-iqsar żmien possibbli.

Sptar San Luqa — Pain Management Clinic

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jaħsibx li l-pain clinic fl-isptar San Luqa għandux jiġi żviluppat aktar billi għallinqas toħroġ call for applications għal post ta' pain management nurse? Jekk hemm qbil, meta hu maħsub li joħorġu dawn il-call for applications? Kemm hemm staffjaħdem fil-pain management clinic u x'inhu l-grad tagħhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Pain Clinic titmexxa minn Deputy Nursing Officer li taħdem flimkien ma' diversi tobba u speċjalisti oħrajn li joffru s-servizzi fil-Pain Management Clinic. Il-Pain Clinic ser ikompli jiġi żviluppat fil-futur u jinħarġu postijiet skond dawn l-iżviluppi.

CDAU — Tfal bil-Kundizzjoni AD/HD

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija li għamiltlu xhur ilu u li baqgħet bla mwieġba, jiġifieri fl-aħħar erba' snin kemm kien hemm tfal li ġew assessjati mis-CDAU u nstab li għandhom il-kundizzjoni AD/HD

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tad-domanda numru 6240 tas-Seduta numru 179.

Sptar Mater Dei — Cost Controllers

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li f'Jannar 2004 il-cost controllers ta' l-isptar Mater Dei, Howarth Harris kellhom ir-rata tal-ħlas tagħhom miżjuda minn 0.8% għal 0.82%?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rata li biha kienu jitħallsu l-Cost Controllers sal-31 ta' Diċembru 2003 kienet tinkludi l-VAT. Peress li l-VAT żdiedet minn 15% għal 18%, iż-żieda minn 0.8% għal 0.82% tirrifletti ż-żieda fil-VAT. Il-ħlas net lill-Cost Controllers ma żdiedx.