Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li rritornat il-Kanada tliet snin ilu, huwa dovut refund lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Għalkemm l-aħħar indirizz ta' din il-persuna kien il-Għargħur, huwa ta struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni biex jibagħtu kull korrispondenza lil indirizz ieħor. Dettalji rilevanti qed jintbagħtu separatament.
Response (DALLI, JOHN)
Ma naħsibx li għandi nagħti informazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onorevoli Interpellant ikun awtoriżżat mit-taxpayer allura t-tweġiba tingħata lilu privatament jew l-amministratur tiegħu.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex maħsub u proġettat li s-saqaf sabiħ u ta' valur li riċentement inqala' u li kien hemm fejn ġejja l-Borża, jerġa' jitqiegħed f'postu għax m'hemmx post ieħor fejn jista' jsir u jekk le, jintilef kompletament għal dejjem?
Response (DALLI, JOHN)
Is-soffit tal-Garrison Church (ex-Mailing Room) ġie maqlugħ skond il-permess li nħareġ mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar u wara diskussjonijiet ma` l-Awtorita` stess, mal-Valletta Rehabilitation Committee u mal-Heritage Committee. Bis-saħħa t`hekk setgħu jinkixfu t-travi ta` l-injam (trusses) li huma uniċi f`Malta w li kienu mgħottija bis-soffit. Tajjeb li wieħed isemmi li fil-fatt it-travi (trusses) huma oriġinali għal bini, waqt li s-soffit tqiegħed numru ta` snin wara.
Kien maħsub li parti mhux ħażin tas-soffit kellu jitqiegħed f`sala għall-konferenzi ppjanata fil-premises il-ġodda, iżda s-soffit instab li huwa mmermer u f`kundizzjoni ħażina ħafna w il-periti qiegħdin jaraw kemm u kif fil-fatt jista` jintuża minnu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma dovuti refunds lit-taxpayers fl-Income Tax u f'VAT? Kemm jinvolvu taxpayers?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fl-Income Tax l-ammont ta` Lm18,371,583 huma dovuti f`refunds lil 37,087 taxpayers inklużi kumpaniji u korpi oħra.
Sas-17 ta` Novembru 1999, l-ammont ta` refunds mitluba mit-taxpayers taħt l-Att tal-1998 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u li għad iridu jitħallsu bejn Diċembru 1999 u Mejju tas-sena 2000 hu ta` Lm9,076,148. In-numru ta` taxpayers involuti hu ta` 6,693. Dawn il-figuri normalment jonqsu sakemm jiġu biex jitħallsu r-refunds dovuti peress li skond l-artikolu 25 sub-arikolu 2, persuna reġistrata għandha d-dritt li tpaċi l-output tax għal żmien ta` taxxa ma` xi kreditu li jirriżulta minn xi żmien ta` taxxa li jkun għadu ma tħallasx lilha.
Ir-refunds dovuti fl-istess perjodu s-sena `l oħra taħt is-CET kienet ta` Lm2,484,231.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' avukati mpjegati fl-Uffiċċju legali tal-Bank of Valletta u kemm minnhom huma fuq bażi fulltime u part-time?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11073.
Jikkonferma l-Ministru li l-Bank of Valletta, aktar minn sena ilu, ħadet f'idejha il-ġbir ta' flus tas-sidien li xtraw vetturi bin-nifs (hire purchase) mill-Universal Commerce Agency Ltd (UCA) billi ħarġet ukoll kotba tad-depożisti lil kull sid?
Jikkonferma l-Ministru li l-irċevuti li qed joħorġu mill-Bank of Valletta, wara l-ħlas fix-xahar, fuq kambjali ta' l-istess kumpannija ma jikkorispondux mad-data tal-ħlas iżda huma f'ċerti ċirkostanzi bid-data ta' aktar minn sentejn ilu? Għaliex?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11073.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy dwar importazzjoni ta' karozzi classics? Kemm hemm dazju impost fuqhom? Taħt liema kondizzjonijiet jista' wieħed li jixtieq jimporta karozza ta' 'l fuq minn ħamsin sena jiġi eżentat milli jħallas id-dazju? F'dan il-każ, il-VAT xorta trid titħallas?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dazju ta` importazzjoni fuq karrozzi classic huwa ta` 12% jekk joriġinaw minn pajjiżi li mhumiex fil-Komunita` Ewropeja. M`hemmx dazju fuq karrozzi li joriġinaw mill-Unjoni Ewropeja. Fiż-żewġ każi hemm taxxa ta` VAT ta` 15% li titħallas fuq il-valur li tistabbilixxi d-Dwana li ma jkunx inqas mill-valur minimu li hu stabbilit fil-liġi. Dan il-valur minimu jvarja minn Lm1453 sa` Lm10,000 skond is-cilinder capacity tal-vettura. M`hemmx l-ebda eżenzjoni partikulari għal karozzi classic ta` `l fuq minn 50 sena.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni qed iżomm lura milli joħroġ ir-returns tas-sena 2000 sabiex individwu jkollu clearance tal-Form 02?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li biex wieħed ikollu clearance tal-Form 02 mhux neċessarjament irid jimla l-formola tas-sena 2000. Fejn ikun hemm il-bżonn formoli għas-sena 2000 jistgħu joħorġu.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm deheb depożitat taħt l-iskema ta' rahan f'idejn il-gvern fil-Monte di Pieta u jistax jinforma l-Kamra liema l-ixjeħ rahan ingħata li għadu veljanti u ma nġabarx?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar ta` Ottubru 1999 il-Monte di Pieta` kellu 11,551 depositu ta` raħan li fuqu avvanza s-somma totali ta` Lm551,889 liri Maltin.
L-eqdem raħan miżmum fil-kustodju tal-Monte di Pieta` jmur lura għall-1984.
Jista' l-Ministru jgħidilna kemm baqa' objections għar-returns ta' l-Income Tax li saru qabel l-1 ta' Novembru, 1998?
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru objections bejn Novembru 1998 u l-aħħar ta' Ottubru 1999?
Response (DALLI, JOHN)
In-numru ta` oġġezzjonijiet li għad iridu jinħadmu hu ta` 52,092 li minnhom 9,007 ġew reġistrati bejn Novembru 1998 u Ottubru 1999.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10798 nirriferik għal dik il-parti tad-diskors tiegħek kif irrapportat min "In-Nazzjon" fejn inti tkellimt ukoll dwar sistemi ġodda li l-gvern qed jiddiskuti u jaħseb dwarhom minflok ma jimxi fuq is-sistema ta' refunds ta' taxxa (In-Nazzjon 25/10/99), jista' l-Ministru issa jirrispondi?
Response (DALLI, JOHN)
Jidher li r-riferenza li qed jagħmel l-Onorevoli Interpellant hi riżultat ta` rapurtar ħażin. Jista` jkun li kont qiegħed nitkellem dwar is-sistema li daħħalna li ma din is-sena r-refunds jitħallsu mill-Inland Revenue sa sitt xhur wara li tintbagħat ir-return.
B'riferenza għal dak li allega l-Kap ta' l-Oppożizzjoni fl-aġġornament tas-seduta parlamentari ta' nhar l-Erbgħa filgħaxija, 3 ta' Novembru, 1999, jista' l-Ministru jgħid jekk hux kompitu tal-Ministru tal-Finanzi li jinvestiga d-dejn li jkollhom kumpanniji jew individwi ma' bank kummerċjali?
Huwa l-bank involut li għandu jagħmel kontroll jekk ikun il-każ? Jista' l-Ministru jgħid jekk dak li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni talab lill-Ministru tal-Finanzi biex jagħmel huwiex proprjament irwol tal-Bank Ċentrali?
Response (DALLI, JOHN)
Pajjiżna biddel il-liġijiet tiegħu fl-1994 u saħħaħ ir-regolaturi tal-Banek biex ikun jista` jagħmel, b`mod indipendenti skrutinju dettaljat u regolari tal-operat sħiħ ta` kull bank, inkluż is-self li jagħmel.
Jien infurmat li din is-sistema qegħda taħdem tajjeb.
Jista' l-Ministru jagħti ċans lis-self-employed li biex iħallsu l-arretrati tat-taxxa jieħdu sentejn bħal ċittadini oħra flok sena, bħalma huma obbligati li jagħmlu s'issa?
Response (DALLI, JOHN)
Il-policy tad-Dipartiment għas-snin ta` stima ta` qabel l-1999 kienet li l-arretrati jitħallsu bin-nifs skond il-kategorija tat-taxpayer, l-ammont dovut u d-dħul ddikjarat.
Is-self employed jistgħu iħallsu xi arretrati għas-snin ta` qabel l-1999 sa żmien 18-il xahar b`ftehim mad-dipartiment minn meta jirċievu l-kont tat-taxxa.
Taħt is-sistema tas-self assessment (mis-sena ta` stima 1999 `l quddiem) xi bilanċ ta` taxxa li jirriżulta mis-self assessment irid jitħallas sad-data kif kontemplata bil-liġi (jiġifieri sal-31 t`Awissu 1999 għas-sena ta` stima 1999 u sat-30 ta` Ġunju tas-sena rispettiva għas-snin ta` stima sussigwenti). Min ma jħallasx il-bilanċ fiż-żmien, jeħel imgħax ta` 1 fil-mija fix-xahar sakemm dan jitħallas.
B'riferenza għal dak li ġie rrapportat li ntqal dwar self mill-European Investment Bank (EIB) liema huma dawk il-proġetti li se jkunu diffiċli ġaladarba dan is-self mhux se jingħata? X'inhi r-raġuni li dawn il-loans ġew miżmuma mill-EIB?
Response (DALLI, JOHN)
Kien hemm proġett partikolari li kien intiż li ser jiġi ffinanzjat (in parti) mill-fondi tal-EIB. Għalkemm is-self mhux ser jingħata l-proġett xorta waħda ser jitwettaq.
Hemm diversi raġunijiet l-għala dan is-self mhux ser iseħħ. In-negozjati jieħdu fit-tul u huma diffiċli għax il-proġetti kif preżentati u l-mod kif għandhom jitwettqu jridu jissodisfaw in-normi mposti mill-istess EIB. Jeżistu ċirkustanzi meta l-parametri tagħna ma nkunux nistgħu niffittjawhom kif ġieb u laħaq f`dawk mitluba mill-EIB.
Wieħed ma jridx jinsa wkoll li l-iffinanzjar imwettaq mill-EIB huwa dejjem self u għalhekk dejjem jitħallas lura.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Ministeru tal-Finanzi dam kważi sena biex ikkontesta figuri dwar deficit attwali għas-sena 1998 li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni kien qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra meta kien qed iwieġeb għad-diskors tal-Budget 1999 f'Diċembru li għadda?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Ministru tal-Finanzi jikkwota biss figuri attwali u uffiċċjali: L-aħħar estimi riveduti ta` l-1998, kif ippubblikati f`Novembru 1998, kienu juru deficit ta` Lm163 miljun, filwaqt li l-figuri finali, kif ippubblikati mit-Teżor f`Ġunju 1999 fil-Financial Report 1998, juru deficit ta` Lm150 miljun.