Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #20308 Sitting 402 2000-10-20 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ħamiem

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex dilettanti tal-ħamiem tal-ġiri qed ikunu mħarka minħabba l-ħamiem?

Response (BORG, TONIO)

Minħabba l-fatt li din id-domanda hija wisq ġenerika, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika b`liema reati speċifiċi qed jiġu akkużati dawn id-dilettanti tal-ħamiem.
Leg 9 PQ #20317 Sitting 402 2000-10-20 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ta' Qali - Huts - Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadhomx jingħataw permessi biex jinfetħu huts ġodda ta' l-artiġġjanar f'Ta' Qali? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid xi proċeduri wieħed għandu juża ħalli jkun jista' jiftaħ hut f'Ta' Qali?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma diġa` ħabbar il-Gvern, il-lok tal-villaġġ ta` l-artiġjanat ġo Ta` Qali huwa s-suġġett ta` Development Brief illi qiegħed ikun finalizat b`kollaborazzjoni bejn l-Awtorita` ta` l-Ippjanar u s-Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru tas-Servizzi Ekonomiċi. Id-Development Brief ser jindika l-proċess ta` kif wieħed ikun jista` jistabilixxi ruħu f`dan il-villaġġ.
Leg 9 PQ #19298 Sitting 401 2000-10-20 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tal-Passaporti — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mill-5 ta' Jannar 2000 sal-10 ta' Settembru 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Passaporti? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-perijodu speċifikat mill-Onor. Interpellanti ma saru l-ebda transfers fid-Dipartiment tar-Reġistrazzjoni Ċivili (u mhux fid-Dipartiment tal-Passaporti). Bħal f`kull dipartiment ieħor, trasferimenti minn u lejn id-dipartiment isiru skond l-esiġenzi tas-servizz fiċ-ċirkostanzi prevalenti.
Leg 9 PQ #19299 Sitting 401 2000-10-20 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mill-5 ta' Jannar 2000 sal-10 ta' Settembru 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Artijiet? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn il-5 ta` Jannar u l-10 ta` Settembru 2000, ingħata transfer wieħed mid-Dipartiment ta` l-Artijiet. Bħal f`kull dipartiment ieħor, trasferimenti minn u lejn id-dipartiment isiru skond l-esiġenzi tas-servizz fiċ-ċirkostanzi prevalenti.
Leg 9 PQ #20029 Sitting 401 2000-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ħruq ta' siġar/għelieqi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' ħruq ta' siġar u għelieqi rrapportati lill-pulizija matul din is-sena? Kemm kien hemm każijiet fejn il-pulizija ressqet nies il-qorti għaliex instabu li kkawżaw xi vandaliżmu li wassal għal dan il-ħruq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u t-30 ta` Settembru 2000, il-Pulizija kellha ħamsin (50) rapport li b`xi mod jirrelata dwar ħruq ta` siġar jew għelieqi. Minn investigazzjonijiet tal-Pulizija s`issa, ma kienx hemm lok li jinbdew proċeduri quddiem il-Qorti kontra xi persuni.
Leg 9 PQ #20030 Sitting 401 2000-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Qbiela tar-Raba' — Bord ta' l-Għażla

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min se jkun kompost il-bord ta' l-għażla tat-titolu ta' l-iskema ġdida tal-qbiela tar-raba'?

Response (BORG, TONIO)

L-Onor. Membru huwa mitlub jikkjarifika xi jrid ifisser bil-“bord ta` l-għażla tat-titolu".
Leg 9 PQ #20031 Sitting 401 2000-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Qbila — Skema ġdida tal-ħlas

Question

B'riferenza għall-iskema ġdida tal-ħlas tal-qbila u ta' l-imħażen tal-bdiewa, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati applikazzjonijiet s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li s`issa ġew irreġistrati 5 applikazzjonijiet taħt l-Iskema Ġdida tal-Qbiela.
Leg 9 PQ #20233 Sitting 401 2000-10-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija / PA — Stabbilimenti Illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-aħħar sena x'passi ttieħdu (1) mill-pulizija (2) mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar stabbiliment illegali ta' mastrudaxxa li l-isem qed jintbagħat separatament f'Għajnsielem li jinsab fil-post bejn Triq il-Ġnien u Triq Benghazi? Meta saru spezzjonijiet fuq il-post?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ħadet passi quddiem il-Qorti kontra persuna li nhar is-26 ta` Jannar 2000 kien instab li qiegħed jaħdem ta` mastrudaxxa fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Għal dak li jirrigwardja l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, din għandha proċeduri ta` infurzar kontra l-użu tal-fond in kwestjoni. Il-każ jinsab pendenti flimkien ma` numru ta` każijiet simili f`Għawdex sabiex issir azzjoni diretta fuqhom. F`dan il-każ saret spezzjoni fil-11 ta` Ottubru 1999 meta nħareġ l-avviż ta` nfurzar u saret spezzjoni oħra fis-16 ta` Marzu 2000 qabel ma` l-każ tpoġġa fil-lista għall-azzjoni diretta.
Leg 9 PQ #19292 Sitting 400 2000-10-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tar-Reġistru ta' l-Artijiet — Ħaddiema Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tar-Reġistru ta' l-Artijiet mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda fir-Reġistru ta` l-Artijiet mill-5 ta` Jannar 2000 sa l-10 ta` Settembru 2000.
Leg 9 PQ #19293 Sitting 400 2000-10-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Ħaddiema Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment ta' l-Artijiet mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn il-5 ta` Jannar u l-10 ta` Settembru 2000, fid-Dipartiment tal-Artijiet ġew impjegati tlett (3) casual substitutes b`kuntratt definit. Dawn jikkonsistu f`żewġ persuni fil-grad ta` Uffiċjal Eżekuttiv u persuna oħra fi grad ta` skrivan li ġew impjegati fis-7 ta` Marzu 2000. Ma ħarġet l-ebda applikazzjoni biex jimtlew dawn it-tlett postijiet. Kif stipulat fiċ-ċirkulari OPM 23/99 ġiet mitluba lista ta` nies jirreġistraw għax-xogħol lill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, li ssottomettiet żewġ listi b`nies li jissodisfaw il-kriterji tal-postijiet imsemmija. L-għażla saret minn bord maħtur apposta wara li saret intervista.
Leg 9 PQ #20023 Sitting 400 2000-10-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każijiet ta' swat/vjolenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' swat u vjolenza fuq l-anzjani rrapportati matul l-1999? Kemm minnhom irriżultaw f'inċidenti fatali? X'passi qed tissokta tieħu l-pulizija sabiex isir ġustizzja ma' min wettaq dawn ir-reati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-każi ta` swat u/jew vjolenza fuq anzjani rrapurtati lill-Pulizija matul l-1999 kienu omiċidju 1, hold ups 4, offiżi fuq il-persuna, inkluż feriti ta` natura ħafifa 13. Infurmat ukoll illi l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni dwar l-omiċidju u dwar żewġ każi ta` hold ups. Fil-każijiet l-oħra kollha inbdew proċeduri quddiem il-Qorti.
Leg 9 PQ #20024 Sitting 400 2000-10-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każijiet ta' swat/vjolenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' każijiet ta' swat u/jew vjolenza fuq anzjani rrapportati lill-pulizija matul din is-sena? Kemm minnhom irriżultaw f'inċidenti fatali? X'passi qed jittieħdu u kemm itellgħu nies il-qorti mill-pulizija konnessi ma' dawn l-abbużi?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub għall-ewwel disa` xhur ta` din is-sena huwa kif ġej: Tip ta` każi Jannar Frar Marzu April Mejju Ġunju Lulju Awissu Settembru Omiċidju - 2 - - - - - - - Offiża fuq 3 1 2 2 5 4 - 1 1 persuna ta` anzjan, inklużi feriti ta` natura ħafifa Hold up - - - 3 - - 1 - - Minn dawn kien hemm każ wieħed fatali – dak ta` l-omiċidju. Dwar dan il-każ tressqu żewġ persuni quddiem il-Qorti. Żewġ persuni oħra tressqu quddiem il-Qorti dwar il-każ ta` hold up. Infurmat ukoll illi dwar seba` każi ta` offiżi fuq il-persuna, kien hemm talba sabiex ma jittieħdux passi kriminali mill-vittma stess, filwaqt li dwar il-każijiet l-oħra tressqu quddiem il-Qorti tnax-il persuna.
Leg 9 PQ #20254 Sitting 400 2000-10-19 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Parties

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar regolamenti biex isiru parties fil-gżejjer Maltin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-regolamenti li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant huma r-Regolamenti ta` l-1995 dwar iż-Żamma ta` Bon Ordni f`lokalitajiet ta` divertiment, kif sussegwentament emendati. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta` dawn ir-regolamenti, ċioe` Avviż Legali Numru 124 ta` l-1995; Avviż Legali Numru 111 ta` l-1996; Avviż Legali Numru 149 ta` l-1999 u Avviż Legali Numru 132 ta` l-1999.
Leg 9 PQ #19951 Sitting 399 2000-10-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Bdiewa - Qbiela

Question

Jista' l-Ministru jinformana fuq liema kriterji u raġunijiet id-Dipartiment ta' l-Artijiet għolla l-kirja ta' l-imħażen tal-bdiewa għal Lm3 kull metru kwadru fuq imħażen li huma akbar minn 30 metru kwadru? Jista' jgħid għaliex ma kkonsultax ma' l-għaqdiet tal-bdiewa qabel ma ħareġ dawn ir-regolamenti/skemi ġodda?

Response (BORG, TONIO)

Id-Dipartiment ta` l-Artijiet ma għolliex il-kirja tal-imħażen għall-bdiewa. Ir-rata ta` tlett Liri Maltin (Lm3) għal kull metru kwadru aktar minn 30 metru kwadru kienet ġiet iffissata f`April ta` l-1997, u baqgħet l-istess.
Leg 9 PQ #19952 Sitting 399 2000-10-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Qbiela

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana fuq liema kriterji u raġunijiet d-Dipartiment ta' l-Artijiet għolla l-qbiela minn Lm1 kull tomna għal Lm4 kull tomna bla ma kkonsulta ma' l-għaqdiet tal-bdiewa u r-raħħala?

Response (BORG, TONIO)

Id-Dipartiment ta` l-Artijiet ma għolliex il-qbiela minn Lm1 għal kull tomna għal Lm4 għal kull tomna, imma minn Lm2.25 għal kull tomna għal Lm4 għal kull tomna. Ir-rata ta` Lm2.25 għal kull tomna kienet ġiet iffissata f`April tal-1997. Nirreferi ukoll għat-tweġiba li jien tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 19947 f`Seduta Nru 398.
Leg 9 PQ #19954 Sitting 399 2000-10-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Qbiela

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra mill-ġdid li jirrevedi l-iskema tal-ħlas u titolu tal-qbiela u ta' l-imħażen peress li jirriżulta li l-bdiewa ma jifilħux iħallsu Lm4 kull tomna u Lm3 kull metru kwadru fuq l-imħażen akbar minn 30 metru?

Response (BORG, TONIO)

Nagħmel referenza għar-risposti li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru 19947, Nru 19951 u Nru 19952 b`mod partikolari l-ewwel waħda.
Leg 9 PQ #19947 Sitting 398 2000-10-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Qbiela

Question

Jista' l-Ministru jnaqqas ir-rata tal-qbiela skond l-iskema l-ġdida tal-qbiela li ħareġ il-gvern peress li din il-miżata qed toħloq problemi lill-bdiewa?

Response (BORG, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant huwa mgħarraf li saru laqgħat ma` rappreżentanti tal-bdiewa u qed jiġu kunsidrati t-talbiet tagħhom. Tajjeb jiġi notat pero` li kemm dawn ir-rappreżentanti kif ukoll il-Gvern qablu li ma għandu jkun hemm ebda bidla fil-konfront ta` min hu irregolari. Barra minn hekk, ir-rata tal-qbiela ta` Lm4 it-tomna hija meqjusa bħala rata xierqa meta wieħed jikkunsidra l-qbiela li qegħda titħallas fil-privat.
Leg 9 PQ #19949 Sitting 398 2000-10-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Rabat — l-Għalqa ta' Kola

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana dwar x'inhi l-pożizzjoni dwar l-għalqa Ta' Kola, fir-Rabat? Peress li r-residenti tal-lokal kif ukoll il-pubbliku u t-turisti issa huma imxebbgħa jħabbtu wiċċhom mat-trabijiet u d-dehra kerha u żdingata f'dawn l-inħawi tant frekwentati, jista' l-Ministru jara li jsir xi forma ta' ftehim sabiex dan is-sit jiġi mogħti xi forma ta' cold tarmac, li barra li jtaffi l-inkonvenjent għar-residenti jilqa' aħjar l-ilma tax-xita ħalli ma jippenetrax fil-fdalijiet li għadhom ma ġewx skavati u li għadhom jinsabu taħt l-art?

Response (BORG, TONIO)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Leg 9 PQ #20093 Sitting 398 2000-10-18 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — ID Cards

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ID-Cards skaduti llum? Jista' jgħid jekk ID-Card skaduta tistax tintuża u jekk xi azjenda jew dipartiment jistax jirrifjuta li jaqdi lil xi ħadd għax għandu ID-Card skaduta?

Response (BORG, TONIO)

L-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija mhix miżmuma mill-Pulizija, u lanqas ma hi fil-pussess tagħhom. Dwar it-tieni parti, kull karta ta` identita` maħruġa qabel l-1 ta` Jannar 2000 li tiskadi wara dik id-data tibqa` valida sakemm jinħareġ avviż mill-Prim Ministru fil-Gazzetta tal-Gvern.
Leg 9 PQ #20096 Sitting 398 2000-10-18 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Twelied

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu tfal minn tfajliet taħt is-16-sena, sena b'sena għal dawn l-aħħar ħames snin? Jista' l-Ministru jgħati breakdown tal-etajiet ta' dawn l-ommijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fir-Reġistru Pubbliku ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant.