Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel t'Għada fis-sena 2004 u fis-sena 2005? Jista' jgħid ukoll kull direct order ta' kemm kienet, x'kien ix-xogħol u lil min ingħatat?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' dawk li qed jirreġistraw taħt Part 1 ma' l-ETC li huma mir-raba’ distrett elettorali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, kien hemm 610 persuni li kienu qed jirreġistraw taħt l-Ewwel Parti tar-reġistru f’ Jannar 2006 u li huma mir-raba’ distrett elettorali.
Filwaqt li kien hemm 2,534 persuni mir-raba’ distrett elettorali li bdew jaħdmu s-sena l-oħra (2005).
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li hemm dewmien esaġerat, xi drabi aktar minn sena, sabiex l-għalliema jingħataw allowances għal diplomi u post-graduate degrees li jkunu kisbu? Lil min issir it-talba mill-għalliema wara li jkunu kisbu tali diplomi u korsijiet oħra? Min huwa responsabbli li joħroġ dawn l-allowances?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux kull talba li ssir tkun ġustifikata billi l-kwalifika li fuq il-bażi tagħha tkun qed issir it-talba tista' ma tkunx rikonoxxuta, jew tal-livell meħtieġ jew ma tkunx tissodisfa il-kundizzjonijiet stipulati fil-Public Service Management Code.
Għalkemm talbiet bħal dawn jistgħu f'xi każi jieħdu xi ftit fit-tul minħabba li jkun jinħtieġ issir verifika tal-kwalifika barra minn Malta, ma jirriżultax li dan il-Ministeru għandu xi talba li ilha pendenti għal aktar minn sena.
Każ magħluq jista' wkoll jerġa jinfetaħ meta l-applikant ma jaċċettax id-deċiżjoni meħuda, iżda dan ma għandux jitqies bħala dewmien fil-każ oriġinali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-post ta' Manager Short courses fil-Malta University Services ta' l-Universita'? Meta se jsiru l-interviews għal dan il-post? Kemm saru short courses minn din it-taqsima fl-2005?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Malta University Services Ltd. irċeviet 19-il applikazzjoni għall-post ta' Short Courses Manager (Designate). Id-data ta' l-interviews għad trid tiġi stabbilita. Fl-2005, il-Malta University Services Ltd. organizzat 63 short course.
IT Training Centre — Għajnuna lil studenti li jattendu korsijiet
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17199 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid: Stante li l-MITTS hi ente governattiva, il-gvern għandu xi ħsieb jagħti xi tip ta' għajnuna lill-ġenituri li għandhom it-tfal tagħhom jattendu korsijiet fiċ-ċentru ta' tagħlim ta' l-IT fis-Swatar training centre li jwassal għal diploma, advanced diploma jew B.Sc skond in-numru ta' snin li jagħmlu jistudjaw u dan għaliex min jidħol għall-BSc jkollu jħallas medja ta' Lm4,000? Jekk le, jista' il-gvern, bi ftehim mal-Ministeru tal-Finanzi, jikkonsidra li l-ħlas li jagħtu jinqata' mit-taxable income ta' dik is-sena jew li l-istudenti jingħataw l-ismart card bħal sħabhom ta' l-Universita' jew xi tip ta' stipendju żgħir biex wieħed jagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta' l-ivjaġġar?
Response (GALEA, LOUIS)
Ir-regolamenti dwar l-għotjiet ta' manteniment lill-istudenti ma jkoprux liċ-Ċentru msemmi. Il-proposta ta' l-Onor. Membru tiġi konsidrata fir-review li jmiss kif kien ġie mħabbar.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsir kors fil-higher diploma in sports and exercise sciences fl-MCAST? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid wara tliet snin ta' studju fl-MCAST, dawk l-istudenti li jixtiequ jkomplu jistudjaw jistgħux jibdew kors fl-Universita' ta' Malta billi jagħmlu użu mill-kwalifiki li jkunu ġabu mill-MCAST?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena mhux ser jinfetaħ il-kors tal-Higher National Diploma in Sports and Exercise Sciences. L-Universita' hija istituzzjoni awtonoma li tagħmel ir-regoli tagħha hi kif taċċetta studenti fil-korsijiet li toffri.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern hux qed jikkonsidra li jagħti kumpens lill-ġenituri ta' student ta' 14-il sena li ismu qed jintbagħat separatament, li miet traġikament fl-iskola San Franġisk t'Assisi ġewwa Santa Venera? Jista' jgħid jekk dan is-suġġett ġiex diskuss fil-kabinett tal-ministri?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-materja issa hi soġġett għal proċeduri ġudizzjarji.
F'diskors li għamel il-Ministru dan l-aħħar meta ppreżenta ċertifikati lil dawk li għamlu kors biex jieħdu ċertifikat biex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin qal li beħsiebu jsaħħaħ l-istituzzjonijiet universitarji dwar dan, jista' il-Ministru jgħid kif se jagħmel dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-policy tal-Gvern hi li s-settur edukattiv vokazzjonali u terzjarju ikompli jissaħħaħ bl-iskop li jkun jista' joffri aktar servizzi edukattivi lil studenti barranin.
Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm hawn skejjel liċenzjati biex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex jinfetħu skejjel ġodda ta' dan it-tip? Minn min saret kull applikazzjoni? Meta u f'liema lokalita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sitta u erbgħin skola huma liċenzjati sabiex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin. Hemm applikazzjoni għal skola ġdida.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet minn uffiċjali tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni jew minn uffiċjali tal-monitoring board minn Settembru 2005 sal-15 ta' Frar 2006 fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? Dawn instabu li kienu konformi mal-liġi dwar għalliema, faċilitajiet fl-iskejjel u ħwejjeġ oħra kif stipulat mil-liġi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Settembru 2005 sal-15 ta' Frar 2006, Il-Board ta' Sorveljanza tat-Tagħlim ta' l-Ingliz bħala Lingwa Barranija għamel spezzjonijiet uffiċjali fl- iskejjel ġodda sabiex jiġi assigurat li dawn jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tal-liċenzji.
Cambridge International College — MBA u CiIC Honours Graduate diploma
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kwalifiki għall-MBA u CIC Honours Graduate Diploma mill-Cambridge International College li jopera l-Floriana humiex rikonoxxuti lokalment peress li min jattendi jemmen li huma rikonoxxuti u anke s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ġieli qassam hu stess iċ-ċertifikati tal-kwalifiki f'ċerimonji ta' gradwazzjoni organizzati għall-okkażjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Istituzzjoni konċernata ma tinstabx f'Malta iżda f'Jersey li hija barra mill-Arja Ewropea ta' l-Edukazzjoni Għolja. F'Malta l-uniku istituzzjoni s'issa awtorizzata bil-liġi li tagħti gradi universitarji hija l-Universita' ta' Malta.
Informat ukoll li l-Awtorita' Ingliża ma tirrikonoxxix din l-Istituzzjoni u l-kwalifiki tagħha. Għaldaqstant mhux possibli li dawn il-kwalifiki jingħataw rikonoxximent reċiproku minn pajjiżna.
Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Diretturi/Chairpersons
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 16419 u 17107 u jgħid min huma d-diretturi u ċ-chairpersons tal-kumpanniji, enti u bordijiet li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandhom kull wieħed minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jagħtina data meta se jibdew ix-xogħlijiet ta' titjieb fl-iskola ta' Pembroke, bħalma huma dawk tat-toilets li huma minn barra u postijiet ta' kenn biex it-tfal ma jixxarbux u jibqgħu hekk il-ġurnata kollha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li diġa tlestiet l-ewwel parti ta-xogħol u bħalissa qiegħed jinħadem it-tieni parti. Dan għandu jitlesta sa l-aħħar ta' Marzu.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kienu l-proġetti li ġew sottomessi minn Malta taħt il-kappa tal-programm "Youth" ta' l-Unjoni Ewropea f'dawn l-aħħar sentejn, sena b'sena, u x'kienu l-eżiti tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 16586 u 16833 u jgħid min huma l-kuntratturi li ħadu x-xogħlijiet tal-pixxina nazzjonali, li skond il-Ministru swew Lm400,000, fl-aħħar sentejn? Jista’ jgħid ukoll jekk ħarġux sejħiet għall-offerti għax-xogħol konċernat? Jekk iva, jista’ ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kull offerta, min applika, min ħadha u jekk ix-xogħol sarx fi żmien stipulat?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub dwar it-Tenders ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jikkonferma l-Ministru li fil-Milied li għadda l-iskola sekondarja ta' Bormla organizzat disco għal forms 3, 4 u 5 ġewwa s-Suncrest hotel? Jista' jgħid jekk kienx hemm rapporti li nsteraq xi alkoħol ukoll waqt dan il-party?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li fl-aħħar jum ta' l-iskola qabel il-vakanzi tal-Milied, 22 ta' Diċembru, 2005, ġie organizzat disco, kif ilu jsir għal mill-inqas seba' snin għall-istudenti tfajliet tal-Forms 3, 4 u 5. Għat-tieni sena konsekuttiva d-disco sar fil-lukanda Suncrest. L-istudenti kienu taħt is-superviżjoni ta' l-għalliema. Skond il-ftehim bejn l-iskola u il-proprjetarju tal-bar, l-istudenti ingħataw żewġ soft drinks imħallsa mat-ticket.
Ġie konfermat li xi studenti ħadu ammont żgħir ta' alkohol mill-bar biex ħalltuh mas-soft drinks li xorbu. L-iskola ħadet passi dixxiplinarji kontrihom.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16728 u jgħid kemm hemm tobba u dentisti li jservu speċifikament fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Dawn jaraw ukoll tfal fl-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' tobba u dentisti li jservu speċifikament fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u d-dettalji kollha jaqgħu taħt il-Ministeru tas-Saħħa.