Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qatla taċ-ċanga matul din is-sena ġimgħa b'ġimgħa? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm minn din iċ-ċanga kienet tal-baqar u kemm kienet tal-barrin?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm xerrejja li għandhom il-permess li jidħlu fil-pitkalija? Kemm kien hemm xerrejja ġodda li ngħataw il-permess din is-sena?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li bħalissa hemm 923 xerrejja rreġistrati mal-Pitkalija. Minn dawn 20 inħarġilhom il-permess din is-sena.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm persuni li talbu li jibdew jidħlu fil-pitkalija biex jixtru l-prodotti agrikoli, li sa issa għadhom ma ngħatawx dan il-permess?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li n-nies kollha li talbu biex jibdew jidħlu l-Pitkalija biex jixtru prodotti agrikoli, u li kellhom id-dokumenti kollha neċessarji, ngħatalhom il-permess meħtieġ.
Ninsab infurmat ukoll li min ma kellux id-dokumenti neċessarji ġie infurmat biex jipproduċi d-dokumenti kollha neċessarji qabel seta’ jissottometti l-applikazzjoni.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kollaborazzjoni għandu l-Ministeru, mal-kunsilli lokali biex jiġu żviluppati programmi marbutin mal-argikultura?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Kunsilli Lokali huma involuti fit-tfassil tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali Malti billi jiġu mistiedna għal laqgħat ta’ konsultazzjoni organizzati mill-Awtorita ta’ Tmexxija għal fondi Agrikoli Ewropej għall-Iżvilupp Rurali (FAEZR).
Ninsab infurmat ukoll li bħal kull entita oħra l-Kunsilli Lokali jiġu mistiedna jibgħatu proposti ta’ kif dawn il-fondi jistgħu jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi tal-komunita rurali. Barra minn hekk insibu 46 Kunsilli Lokali li huma involuti b’ mod attiv fil-programm LEADER fejn hawnhekk jipparteċipaw fit-tfassil ta’ strateġija fuq bażi lokali li tkun amministrata mill- Gruppi ta’ Azzjoni Lokali (GAL).
B’żieda ma’ dan, f’diversi lokalitajiet madwar Malta, b’mod regolari jkunu organizzati attivitajiet mill-Kunsilli Lokali fejn il-prodotti agrikoli jkunu murija, bħal fil-Festa tal-Ħalib fil-Għargħur, f’Żejt iż-Żejtun fiż-Żejtun, fil-Festa tal-Majjal fis-Siġġiewi u f’Ħaż-Żebbuġ u f’oħrajn.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — każ ta' individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħa l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament mill-Ministeru u dipartimenti li jaqgħu taħtu u jekk kellux jew għadx għandu xi kuntratti position jew person of trust u kemm tħallas b’kollox mis-sena 2008 s’issa? Jista’ jagħti din l-informazzjoni sena sena u għal kull kuntratt?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-individwu li d-dettalji dwaru ntbagħtu separatament, bħala Direttur fuq numri ta’ kumpaniji bbenefika minn bosta kuntratti mis-sena 2008 s’issa, li b’kollox jammontaw għall- € 2,493,510.59. Dettalji kif mitluba fil-mistoqsija huma murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — PR u media events – nefqa totali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta' Marzu 2013 sal-lum xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività? Kemm kienet in-nefqa fuq backdrops, dawl, sound u faċilitajiet oħra awdjoviżivi? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet? Dawn intgħażlu wara sejħa pubblika?
Response (BRINCAT, LEO)
Għal perjodu li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellant, skont l-informazzjoni li għaddewli, saru 114-il event li għalihom l-ispiża medja kienet ta’ €47,111.41 + VAT. Ix-xogħol ingħata skont ir-regolamenti tal-procurement tal-Gvern.
Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta — Chairman
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min hu ċ-chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta? Jista’ jgħid xi ħlasijiet/remunerazzjoni qed jingħata ta’ dan ir-rwol inkluż perkaċċi jekk inhu l-każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ċ-chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta huwa l-Onorevoli Silvio Parnis. Ninsab infurmat li għal dan ir-rwol, iċ-Chairman jirċievi l-ammont ta’ 25% ta’ Skala 1. Barra minnhekk huwa għandu wkoll benefiċċju ta’ telefonija fissa u ċellulari bla ħlas, faċilita tal-internet u benefiċċju ta’ karozza.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal ix-xogħol fuq l-Impjant tat-Trattament għall-Iskart fil-limiti tal-Għallis liema impjant ġie approvat mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar is-sena l-oħra? Meta hu mistenni li jitlesta dan il-proġett?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li x-xogħol fuq l-Impjant tat-Trattament għall-Iskart fil-limiti tal-Għallis miexi skont il-programm. Ix-xogħolijiet bdew fil-bidu ta’ din is-sena u l-handover hu ppjanat li jseħħ lejn l-aħħar tas-sena 2015.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-Pixkerija? Jista’ jipprovdi time-plan tal-proġett?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq il-Pixkerija l-ġdida fil-Marsa wasal fl-aħħar fażi u x-xogħol fuq ġewwa miexi b’ritmu tajjeb. Ninsab infurmat ukoll li huwa ppjanat li din il-faċilita’ se tkun f’pożizzjoni li tista’ tibda topera fl-ewwel xhur tas-sena 2015.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta' impjegati li jaħdmu l-Animal Welfare sa Marzu 2014? Jista' jelenka n-numru ta' impjegati li hemm jaħdmu fl-Animal Welfare f'Marzu 2012 u Marzu 2013? Kemm minn dawn huma mħarrġa biex jieħdu ħsieb annimali speċjalment dawk l-annimali morda u li għandhom bżonn ta' xi tip ta' kura ordnata mill-veterinarju?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli n-numru ta' impjegati full-time fl-Animal Welfare f’Marzu 2012, 2013 u 2014 kienu 17, 23 u 27 rispettivament.
Ninsab infurmat ukoll li fil-preżent in-numru ta’ imjegati li huma mħarrġa biex jieħdu ħsieb l-annimali morda huwa ta’ 19.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta' klieb u qtates li jinsabu fl-Għammieri f'Marzu 2014? Jista' jgħid kemm kien hemm f'Jannar u Frar 2014?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm klieb u qtates li kienu jinsabu fl-Għammieri mietu jew traqdu f'Jannar 2014 u Frar 2014? Jista' jgħid x'inhuma l-kriterji li l-veterinarju jiddeċiedi biex iraqqad kelb jew qattus? Jista' jgħid jekk hux il-veterinarju biss li jiddeċiedi dan?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li matul ix-xhur ta’ Jannar u Frar 2014 fl-Għammieri mietu 7 qtates u itellgħu 4 qtates iċ-Ċentru San Franġisk għal-kura u li kellhom jitraqqdu. Ma kien hemm l-ebda mwiet ta’ klieb ġol-Għammieri u traqqad kelb iċ-Ċentru San Franġisk. Ninsab infurmat ukoll li l-kriterji li l-veterinarju jiddeċiedi li jraqqad kelb jew qattus jaqgħu taħt il-kompetenza u d-diskrezzjoni professjonali tal-veterinarju li jkun qed jeżamina u jikkura dak l-annimal.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaħdmu fis-shift ta' bil-lejl fl-Animal Welfare Department? Min minn dawn l-impjegati jieħu ħsieb l-annimali u min jieħu ħsieb l-ambulanza u allura jagħmel ronda jekk ikun il-każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li f’shift ta’ bil-lejl ikun hemm żewġt uffiċjali fl-Animal Welfare Department flimkien ma’ uffiċjal li jkun preżenti dejjem matul il-lejl, u uffiċjal ieħor li jaħdem lejl iva u lejl le. L-uffiċjali li jkunu jaħdmu x-shift ta’ bil-lejl jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet tal-annimali u jsuqu l-ambulanza skont il-bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid jekk annimali stray miġbura jiġux recorded fis-sistema komputerizzata? Jista' jgħid jekk l-Animal Welfare Department iżommx digital log ta':
a. Annimali miġbura;
b. Annimali li jintbagħtu fiċ-Ċentru San Franġisk għall-kura;
ċ. Annimali kkurati;
d. Annimali homed; u
e. Annimali li jmutu jew jitraqqdu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li t-tweġiba hija fl-affermattiv.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ġriewi ta' klieb u friegħ ta' qtates fl-Għammieri (puppies and kittens)? Min jieħu ħsieb dawn il-ġriewi? Min qed jitmagħhom u kif? Qed jiġu bottle fed jew qed jintuża xi feeding method ieħor?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-preżent id-Direttorat għandu 5 friegħ ta' qtates. Id-Direttorat ma għandu l-ebda ġeru taħt il-kura tiegħu.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li qed jistenna biex iħallas il-liċenzja tal-kaċċa fuq l-art?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt il-każ lil Wild Bird Regulations Unit fi ħdan is-Segretarjat Permanenti tal-Ministeru tiegħi. Sadanittant ikun utli jekk l-Onor. Interpellant jgħaddilna n-numru tat-telefon tal-persuna ħalli nkunu nistgħu nikkuntattjawha.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-MDP hux se tkun qiegħda tipprivatizza xi parti minnha matul iż-żmien li ġej? Ma min qed isiru d-diskussjonijiet dwar tali privatizazzjoni, u meta hu maħsub li jkun hemm sejħa uffiċjali dwar dan il-proċess?
Response (BRINCAT, LEO)
Infakkar lill-Onor. Interpellant illi l-MDP hija diġà kumpanija privata.
Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern – rikonoxximent lill-bdiewa full-time
Question
Jista’ l-Ministru jinforma fiex waslet l-iskema ta’ rikonoxximent mid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern lill-bdiewa full-time li jaħdmu l-art li ma tkunx reġistrata fuqhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet fir-rigward.