B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15440, jista’ l-Ministru jgħid min kienet il-persuna appuntata bħala personal assistant tas-CEO tal-Kunsill Malti għall-Isport fuq bażi ta’ position of trust? Jista’ jgħid x’pakkett finanzjarju kellha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-pakkett finanzjarju li kellha l-persuna appuntata bħala personal assistant tas-CEO tal-Kunsill Malti għall-iSport fuq bażi ta’ position of trust kien kif ġej:
Agreement dated 02.02.2013
Annual Basic Salary €23,422
(according to Salary Scale 7 of the schedule of grades and relative scales in Public Service.
Allowance: €4,684 per annum
Telephone allowance: €525 per annum
Performance Bonus not exceeding 15% per annum
Statutory Bonuses: €512.46
Din il-persuna baqgħet fl-impjieg sa Jannar 2014 minħabba li rriżenjat.
L-isem tal-persuna li kienet f’din il-pożizzjoni qiegħed jingħata lill-Onor. Interpellant separatament.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10935, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm tnaqqis jew żieda fin-numru ta’ għalliema u learning support assistants li pparteċipaw fil-proġett pilota bit-tablets bħala parti mill-inizjattiva One Tablet Per Child li ġie fi tmiemu matul ix-xahar ta’ Marzu 2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li ma kien hemm l-ebda tnaqqis jew żieda fin-numru ta’ għalliema u Learning Support Assistants li pparteċipaw fil-proġett pilota bit-tablets mill-figuri kif mogħtija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10935.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni nvoluti fil-proġett pilota bit-tablets bħala parti mill-inizjattiva One Tablet per Child li sar bejn Ottubru 2014 u Marzu 2015 u li mhumiex għalliema, learning support assistants jew studenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li tliet membri tal-istaff akkademiku u erba’ studenti mill-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta għamlu riċerka mal-għalliema u/jew studenti dwar aspetti differenti tal-użu tat-teknoloġija tat-tablets.
Erba’ membri oħra tal-istaff akkademiku tal-Fakultà tal-ICT tal-Università ta’ Malta ħejjew rapport dwar
software
użat fuq it-
tablets
fil-proġett pilota.
L-inizjattiva
One Tablet Per Child
hija mmexxija mid-Dipartiment tal-eLearning fi ħdan id-Direttorat għall-Kwalità u l-iStandards fl-Edukazzjoni (DQSE). Madankollu, biex jitwettaq il-prinċipju ta’ konsultazjoni u parteċipazzjoni ta’
stakeholders
, twaqqaf
Steering Committee
tal-inizjattiva apposta bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti minn barra d-Direttorati. Dawn ir-rappreżentanti esterni huma l-Malta Union of Teachers, il-Malta Information Technology Agency (MITA) u l-Fakultà tal-Edukazzjoni fi ħdan l-Università ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-proġett pilota bit-tablets bħala parti mill-inizjattiva One Tablet Per Child sal-aħħar ta’ Marzu 2015? Jista’ jgħid kif u fiex intefqet din iċ-ċifra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-infieq fuq il-proġett pilota bit-tablets bħala parti mill-inizjattiva One Tablet Per Child sal-aħħar ta' Marzu 2015 kien ta’ €59,474.
Iċ-ċifra msemmija intefqet hekk:
Nefqa (€)
Kif intefqu
20,000
Internet Access Points
għall-klassijiet fl-iskejjel tal-iStat li ħadu sehem fil-proġett pilota.
15,390
Tablets, kompjuters u apparat ieħor għad-Dipartiment tal-eLearning (DQSE) biex imexxi l-proġett u jagħti t-taħriġ u l-appoġġ pedagoġiku meħtieġ.
8,666
Konsulenza mill-MITA
5,845
Aċċessorji għat-tablets.
2,900
Tablets għal studenti bi bżonnijiet speċjali.
2,700
Aċċessorji għat-tablets tal-istudenti bi bżonnijiet speċjali.
2,448
Safar għal żjarat marbutin ma’ użu ta’ tablets fi skejjel barra minn Malta (Renju Unit).
1,075
Taħriġ dwar il-pedagoġija tat-tablets.
450
Software
u servizzi
online
.
Total: 59,474
It-tablets li ntużaw mill-għalliema, Learning Support Assistants u studenti fl-iskejjel li ħadu sehem fil-proġett pilota kienu mislufa mill-kumpaniji li rrispondew għas-sejħa għall-proposti li kienet inħarġet fit-8 ta’ Jannar 2014. Huwa stmat li l-valur ta’ dawn it-tablets flimkien mat-taħriġ u appoġġ tekniku jilħaq il-€200,000 li kollha ġew koperti mill-kumpaniji direttament.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol/Microsoft – Memorandum of Understanding
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-memorandum of understanding li ġie ffirmat bejn il-Ministeru tiegħu u Microsoft nhar it-Tnejn 23 ta’ Marzu 2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum of Understanding mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux differenzi fis-salarji għall-għalliema li jgħallmu fi skejjel post-sekondarji tal-Gvern u dawk li jgħallmu fi skejjel post-sekondarji tal-Knisja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għalliema li jgħallmu fi skejjel post-sekondarji tal-Knisja jirċievu l-istess salarji, fl-iskali rispettivi, bħal dawk l-għalliema li jgħallmu fi skejjel post-sekondarji tal-Gvern.
Dipartiment tal-Edukazzjoni – impjegati fid-Dipartiment ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm hemm impjegati fid-Dipartiment ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni? Kemm minn dawn l-impjegati kienu ingaġġati f’dawn l-aħħar sentejn, fuq liema bażi u kemm minnhom kienu jaħdmu ma’ skejjel privati? Kemm minn dawn l-impjegati għandhom bonus jew perkaċċi speċjali biex jagħmlu dan ix-xogħol? Jista’ jinforma lill-Kamra bil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn l-impjegati, ċjoè l-ħinijiet tax-xogħol, jekk għandhomx vaganzi tas-sajf jew jekk jaqgħux strettament taħt ħinijiet tal-uffiċċju? Hemm xi kundizzjonijiet oħra dwar leave speċjali? Kemm minn dawn l-impjegati għandhom fuel allowance u kemm minnhom jagħmlu xogħol ta’ assigurazzjoni tal-kwalità f’Għawdex? U jekk dan iseħħ, fuq liema bażi l-persuna jew persuni jintgħażlu biex imorru fuq xogħol Għawdex? Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm-il rapport sar f’dawn l-aħħar sentejn u minn min, jiġifieri jagħti l-isem tal-impjegati illi ħadmu fuq dawn ir-rapporti? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn ir-rapporti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fi ħdan id-Dipartiment għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità hemm 21 impjegat.
F’dawn l-aħħar sentejn ġew ingaġġati Direttur, sitt Uffiċjali Edukattivi u Assistant Principal mill-gradi ġenerali. Ħadd minn dawn ma’ kien jaħdem ma’ Skejjel Indipendenti filwaqt li uffiċjal wieħed ġie ngaġġat mill-Iskejjel tal-Knisja.
L-ebda minn dawn l-impjegati m’għandhom bonus jew perkaċċi speċjali biex jagħmlu dan ix-xogħol ħlief l-allowance marbuta mal-irwoli tagħhom bħala Uffiċjal Edukattiv fis-Servizz Pubbliku.
Il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn l-impjegati huma hekk kif hemm stipulat fis-Servizz Pubbliku, jiġifieri li m’għandomx vaganzi tas-sajf u li jridu josservaw il-ħinijiet tal-uffiċċju kif stipulat fil-PSMC.
M’hemm l-ebda leave speċjali apparti dak stipulat mis-Servizz Pubbliku.
L-Uffiċjali Edukattivi u l-Assistenti Diretturi kollha għandhom fuel allowance skont ma hemm stipulat mal-istess rwoli fi ħdan is-Servizz Pubbliku.
L-Uffiċjali Edukattivi u l-Assistenti Diretturi kollha jagħmlu xogħol f’Għawdex u jintgħażlu abbażi ta’ roster ħlief Uffiċjal Edukattiv wieħed li huwa assenjat biex iservi ta’ sapport lill-, u jkun punt ta’ riferiment għall-kulleġġ t’Għawdex, u li allura jiġi eżentat milli jaħdem fuq rapport dwar skejjel f’Għawdex.
F’dawn l-aħħar sentejn saru 40 rapport. Id-dettalji ta’ min ħadem fuq dawn ir-rapporti qed jingħataw lill-Onor. Interpellant separatament.
L-iskop primarju ta’ dawn ir-rapporti huwa li jagħti stampa lill-komunità tal-istess skola dwar it-tmexxija edukattiva, it-tagħlim, u l-ethos tal-iskola, bil-għan li dawn kontinwament ikomplu jitjiebu. Għaldaqstant dawn ir-rapporti jinżammu kunfidenzjali u d-Dipartiment ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità hu marbut b’din il-kunfidenzjalità.
San Pawl il-Baħar – skola primarja – cubicles fil-klassijiet
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jitneħħew mill-klassijiet fejn saret il-votazzjoni fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar, il-cubicles li ntużaw għall-votazzjonijijet, għaliex dawn il-cubicles għadhom fil-klassijiet u qed inaqqsu l-ispazju fl-istess klassijiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li kien hemm skeda ta’ meta l-cubicles li ntużaw għall-votazzjonijiet kellhom jitneħħew mill-iskejjel mill-Kummissjoni Elettorali. Dawk fl-iskola ta’ San Pawl il-Baħar tneħħew nhar il-Ħamis, 16 t’April 2015 kif kien skedat.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawk il-ġenituri li m’għandhomx kompjuter jew li ma jafux jużaw il-kompjuter, ikollhom iċ-ċans li japplikaw għas-summer school ta’ uliedhom fuq formoli apposta li ma jimtlewx bl-użu tal-kompjuter? Jista’ jieħu l-passi neċessarji biex il-ġenituri jkunu informati b’din il-possibilità, għaliex kien hemm ġenituri li lmentaw li ma jridux itellfu s-summer school lil uliedhom iżda ma jistgħux japplikaw għall-istess summer school peress li ma jafux jużaw jew ma għandhomx kompjuter?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn nhar il-Ġimgħa 10 ta’ April, 2015 u matul il-ġimgħa ta’ wara, tqassmu ċirkolari u applikazzjoni lill-istudenti kollha sabiex jiġi spjegat kif u fejn wieħed jista’ japplika għal Skolasajf 2015. Minn din is-sena l-familji jistgħu japplikaw sew online jew b’mod manwali, billi jirrikorru fl-eqreb fergħa tal-Maltapost għalihom sat-8 ta’ Mejju, 2015.
Jista’ l-Ministru jgħid xi skemi qed jitħaddmu fil-preżent għal dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol f’Għawdex? Kemm hemm persuni jaħdmu f’dawn l-iskemi u b’liema kundizzjonijiet qed jitħaddmu f’dawn l-iskemi? F’liema postijiet huma assenjati dawn il-persuni li qegħdin parti minn dawn l-iskemi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm skema waħda immexxija mill-ETC għal dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol f’Għawdex. L-iskema hija: ‘Work and Training Exposure Scheme for Clerk Registrants in Gozo’. Fil-preżent hemm disa’ persuni f’din l-iskema li bdiet f’Novembru 2014 u li qed jingħataw esperjenza ta’ xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. Il-parteċipanti qed jingħataw €150 fil-ġimgħa bħala ‘training grant’.
Ir-Rabat, Għawdex — Grawnd ħdejn l-Iskola Sekondarja tas-subien - floodlights
Question
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 12305 u 12612, jista' l-Ministru jgħid jekk il-floodlights fil-grawnd li jinsab fl-iskola sekondarja tar-Rabat Għawdex waslux biex jiġu stallati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12612, għad iridu jiġu indirizzati ħsarat infrastrutturali qabel ma jkun jista' jibda l-proċess biex jiġi installat id-dawl artifiċjali (floodlights) fil-grawnd imsemmi.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm inxtraw kotba bil-Latin tul dawn l-aħħar sentejn għall-iskejjel tal-istat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li d-dipartiment responsabbli mix-xiri ta' kotba fi ħdan id-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni ma xtarax kotba bil-Latin tul dawn l-aħħar sentejn.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn tul is-sena skolastika 2013/2014 u kemm hawn tul is-sena skolastika 2014/2015 studenti fl-iskejjel sekondarji li qegħdin jew kienu qegħdin jiġu mgħallma l-Latin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fl-iskejjel sekondarji tal-Istat kif ukoll f’dawk tal-Knisja u Indipendenti ma hemmx studenti li qegħdin jitgħallmu l-Latin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw kotba bil-Grieg tul dawn l-aħħar sentejn għall-iskejjel tal-istat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li d-dipartiment responsabbli mix-xiri ta' kotba fi ħdan id-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni ma xtarax kotba bil-Grieg tul dawn l-aħħar sentejn.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn tul s-sena skolastika 2013/2014 u kemm hawn tul is-sena skolastika 2014/2015 studenti fl-iskejjel sekondarji li qegħdin jew kienu qegħdin jiġu mgħallma l-Grieg?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fl-iskejjel sekondarji tal-Istat kif ukoll f’dawk tal-Knisja u Indipendenti ma hemmx studenti li qegħdin jitgħallmu l-Grieg.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb biex jbiddel is-sistema ta' kif jingħata l-istipendju lill-istudenti tal-Unvirsità u jibda jingħata għajnuna anke lill-istudenti li jgħaddu b'suċċess l-ewwel first degree u jekk dawn jkunu jridu jagħmlu first degree oħra jkompli jingħatalhom l-istipendju?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dawk l-istudenti li fil-preżent jagħmlu t-tieni kors ta’ studju tal-istess livell jew livell inqas mill-ewwel degree tagħhom u dan wara li jtemmu b’suċċess l-ewwel first degree fil-preżent jitqiesu eliġibbli għall-ghotjiet ta’ manteniment lill-istudenti, meta dan it-tieni kors ikun iwassal għall-warrant.
Iżda dawk l-istudenti li jtemmu b’suċċess l-ewwel first degree u jagħżlu li jerġgħu jagħmlu first degree ieħor (fl-istess livell) ma jitqisux bħala eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti u dan skont Regolament 12 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 327.178.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – xogħol mogħti lil kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, mill-Ministeru u mid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2011 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mid-direttorati, d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi li, bejn Jannar 2011 u Marzu 2013, ma ngħata ebda xogħol lill-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant.