Jista' l-Ministru jgħid hux se jitkompla l-pjan għat-twaħħil ta' xatbiet li jagħtu aċċess għal Wied is-Sewda, f'Ħ'Attard biex b'hekk jiġi kontrollat l-abbuż ta' radam illegali?
Jista' jgħid ukoll jekk għall-istess raġuni humiex se jibqgħu jintużaw wardens ħalli jħarsu dan il-wied?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ix-xogħol u l-użu tal-wardens imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huma responsabbilta' tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, u għalhekk din il-mistoqsija għandha tiġi ndirizzata lil Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proġett ta' rehabilitation u embellishment ta' Wied is-Sewda (Tal-Ħlas) bejn Ħ'Attard u Ħal Qormi huwiex se jitkompla? Jista' jara li qabel l-istaġun tax-xita dan il-wied jitnaddaf mill-ħmieġ li twaddab fih minn xi persuni rresponsabbli?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bejn April 1998 u April 1999 saru diversi xogħlijiet mit-Taqsima tax-Xogħlijiet fl-area msemmija. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu tindif, tiswija ta' diegi, bini ta' pontijiet u xogħlijiet oħra simili.
It-Taqsima tax-Xogħlijiet ħejjiet il-pjanti u d-dokumenti tat-tenders għall-bini ta' żewġ pontijiet, wieħed ħdejn tal-Ħlas Pumping Station u l-ieħor faċċata ta' razzett in-naħa ta' Ħal Qormi. Il-pjanti u d-dokumenti ġew mgħoddija lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għall-ħruġ tat-tenders, u dan skond il-ftehim milħuq fi żmien l-Amministrazzjoni preċedenti liema ftehim jipprovdi li l-fondi għal dan ix-xogħol jinħarġu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija ser jittieħdu l-passi meħtieġa biex isir it-tindif li jkun meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern biex tkun ikkontrollata u solvuta l-problema tal-Miżbla tal-Magħtab li llum qed tikber bħal qarnita?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-problema tal-Miżbla tal-Magħtab trid tiġi riżolta fil-qafas ta' strateġija għall-immaniġġjar sostenibbli ta' l-iskart f'pajjiżna. Għal dan il-għan qed jitfassal pjan komprensiv li mistenni li jiġi finalizzat sa l-aħħar ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid meta se titwettaq il-wegħda li kien għamel f'Diċembru 1998 li jsir xogħol ta' tindif u rranġar f'Ħal Farruġ limiti ta' Ħal Luqa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1758 (Seduta 31).
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 7002 fejn intqal li min 13-il inġinier, tmienja minnhom għandhom l-aċċess għall-internet, x'inhi r-raġuni li t-tmienja l-oħra ma jgawdux minn dan is-servizz? Dawn it-tmienja kollha talbu li jkollhom dan is-servizz? X'inhi r-raġuni li l-inġinier li ismu qed jintbagħat separatament ġie rifjutat dan is-servizz?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7002 kont tajt informazzjoni li hemm sittax-il Inġinier u mhux tlettax li għandhom l-aċċess għall-Internet. Mit-tmienja li m'għandhomx tnejn jinsabu msefrin għal żmien fit-tul filwaqt li erbgħa minnhom mhumiex imqabbdin fuq is-sistema tan-network tat-Taqsima tax-Xogħlijiet u għalhekk la għandhom E-Mail u lanqas Internet, filwaqt illi t-tnejn l-oħra, inkluż l-Inġinier li l-Onorevoli Interpellant tani ismu separatament, applikaw biex ikollhom is-servizz ta' l-Internet u l-applikazzjoni tagħhom qed tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Ministru jgħid għal meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol fi Pjazza Patri Redent Gauci, fil-Fgura? X'inhi r-raġuni li dan ix-xogħol ilu li nbeda sentejn u sal-lum għadu ma tlestiex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7285 (Seduta 110).
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'safar mill-Ministeru tiegħu kif ukoll mid-dipartimenti, korporazzjonijiet jew entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-21 ta' Ġunju, 1999? Jista' l-Ministru jgħid: 1) x'kienet l-okkażjoni; 2) min kienu l-persuni li siefru f'kull okkażjoni; 3) mingħand min inxtraw il-biljetti tas-safar? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Dwar safar tal-Ministru, nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ta l-Ministru tal-Finanzi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8004.
Fit-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra qed nagħti informazzjoni simili dwar id-Dipartimenti, Korpi u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Peress li Triq San George f'San Pawl il-Baħar ilha maqlugħa xhur u qed tikkawża inkonvenjent kbir lir-residenti ta' l-inħawi, jista' l-Ministru jinvestiga u jieħu l-passi sabiex jirrimedja b'soluzzjoni immedjatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid min għamel ix-xogħol ta' tindif fl-uffiċini tal-Ministeru mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-21 ta' Ġunju, 1999? Jekk jirriżulta li dan it-tindif isir minn xi kumpannija privata, jista' jgħid: 1) min hi l-kumpannija; 2) kemm tħallset xahar b'xahar; 3) jekk jeżistix kuntratt ma' din il-kumpannija; 4) jekk inħarġitx sejħa għall-offerta; 5) jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' tindif fl-uffiċini tal-Ministeru bejn il-5 ta' Settembru 1998 u l-21 ta' Ġunju 1999 sar kif jidher hawn taħt:
5 ta' Settembru 1998 sal-11 ta' Ottubru 1998
Bad Boy General Cleaners - Dan ix-xogħol ingħata bidu fil-5 ta' Jannar 1998 bil-ħlas ta' Lm70.50 fil-ġimgħa. Matul il-perjodu indikat mill-Onorevoli Interpellant sar ħlas ta' Lm352.50. Dan il-kuntratt ingħata wara sejħa li saret permezz ta' Kwotazzjoni numru 40/97.
Settembru 1998
Albert Caruana - Xogħol ta' tindif ta' tapiti għal spiża totali ta' Lm506.43. Ma saret l-ebda sejħa għall-offerti għal dan ix-xogħol.
12 ta' Ottubru 1998 sal-11 ta' April 1999
M.C.C.S. Co. Ltd. - Dan ix-xogħol ingħata bidu fit-12 ta' Ottubru 1998 bil-ħlas ta' Lm66.00 fil-ġimgħa li, bħala riżultat ta' dħul tat-taxxa tal-VAT fl-1 ta' Jannar 1999 sar ta' Lm69.83. Matul il-perjodu indikat mill-Onorevoli Interpellant sar ħlas ta' Lm1816.88. Dan il-kuntratt ingħata wara sejħa li saret permezz ta' Kwotazzjoni numru 17/98
12 ta' April 1999 sal-20 ta' Ġunju 1999
Premier Cleaning Services - Dan ix-xogħol ingħata bidu fit-12 ta' April 1999 bil-ħlas ta' Lm103.00 fil-ġimgħa. Matul il-perjodu indikat mill-Onorevoli Interpellant sar ħlas ta' Lm1030.00. Dan il-kuntratt ingħata wara sejħa għal offerti numru 16 maħruġa fis-16 ta' Frar 1999.
Ma narax il-ħtieġa li nqiegħed l-irċevuti konnessi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tlestiex xi studju dwar l-effett ta' boatyard fuq il-bajja ta' Rinella? Jista' jgħid jekk jaħsibx li wasal iż-żmien li lin-nies tal-Kottonera inħallulhom din il-bajja għat-tgawdija tagħhom mingħajr ma tiġi mittiefsa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Gvern jibqa' determinat illi ma jsir assolutament xejn li jista' jkollu impatt ambjentali negattiv fuq il-bajja tar-Rinella.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-Rehabilitation Committee tal-Cottonera huwiex qed jiltaqa'? Jekk fl-affermattiv, kull meta ltaqa' u fejn? Meta ltaqa' l-aħħar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Gvern għadu kif ħatar iċ-Chairman u l-membri tal-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera, u fil-ġranet li ġejjin se jgħajjat l-ewwel laqgħa ta' l-istess Kumitat. Sadanittant il-Gvern ħatar il-Kordinatur Eżekuttiv ta' l-istess proġett li qed jiltaqa' regolarment mal-Kunsilli Lokali ta' l-inħawi.
Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li bħalma sar ix-xogħol siewi ta' tisbiħ u manutenzjoni fil-ħajt li hemm wara l-Mina ta' Għajn Dwieli, inti u dieħel il-Kottonera, isir l-istess eżerċizzju fil-ħitan tal-parti ta' qabel u cioe' minn Raħal Ġdid sakemm tilħaq il-mina?
Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jsir it-tindif b'mod regolari tal-parti ta' art li hemm bejn il-Belt Sengleana u l-bieb ta' wara ta' No 1 Dock taħt it-triq li tagħti għax-xatt ta' din il-belt billi dan jinsab abbandunat u traskurat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7285 (Seduta 110).
In vista ta' l-aħħar domanda parlamentari għar-rigward il-pompa tad-drenaġġ li hemm fir-raħal tax-Xgħajra fi Triq ix-Xatt, għalkemm wieħed jifrah li l-pompi huma ċertifikati tajba, jista' l-Ministru jassigura ruħu li l-ordni ta' prijorita' ġewwa d-dipartiment konċernat tiġi lura għal dak li tissejjaħ loġika u l-post imsemmi jiġi minnufih imsewwi billi dan huwa ta' periklu ambjentali għal dawk li jkunu għaddejjin minn hemm issa speċjalment li n-numru ta' nies jiżdied?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-post imsemmi reġa' ġie eżaminat u ma nstab xejn li jista' jkun ta' periklu għall-pubbliku.
Napprezza jekk l-Onorevoli Interpellant jindika aktar fid-dettal x'inhuma l-affarijiet li għandhom bżonn jiġu rranġati għax huma ta' periklu. Id-Dipartiment tad-Drenaġġ lest li jirranġa laqgħa fuq il-post ma' l-Onorevoli Interpellant biex jiġu vverifikati dawn il-problemi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-grad tal-persuna nkarigata mit-tmexxija u x-xogħol tal-park nazzjonali ta' Ta' Qali? Il-kumitat għat-tmexxija tal-park nazzjonali ta' Ta' Qali ġie kostitwit? Jekk fl-affermattiv, min huma l-membri ta' dan il-kumitat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-grad tal-persuna nkarigata mit-tmexxija u x-xogħol tal-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali hu Assistant Technical Officer (A/TO).
Il-kumitat tat-tmexxija tal-Park Nazzjonali ta' Ta'Qali għadu ma ġiex kostitwit.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistix xi pjan globali għall-Waste Disposal f'Malta? X'sar mill-pjan biex l-iskart jiġi mqassam u riċiklat? X'pjan jew kontrolli għandu l-Gvern biex jiżgura li l-iskart f'postijiet bħal Magħtab ma jikkontaminax il-water table u fl-aħħar jikkontaminaw l-ikel tagħna?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed jitħejja pjan nazzjonali għall-immaniġġjar ta' l-iskart. Dan il-pjan hu mistenni li jkun lest sa l-aħħar ta' din is-sena.
Sadanittant, għaddej eżerċizzju f'Pembroke u Marsascala fuq is-separazzjoni "at source" ta' skart mid-djar. Bħala parti minn dan l-eżerċizzju, ħġieġ, karti, plastic u metall qed jinġabru separatament u jittieħdu għar-riċiklaġġ fl-impjant ta' Sant'Antnin. Il-flow ta' l-ilma tal-pjan ta' taħt il-miżbla tal-Magħtab jieħu l-ilma 'l bogħod mill-art. Għalhekk ir-riskju ta' kontaminazzjoni hu wieħed remot.
Jista' l-Ministru jikkonferma li ttieħdu kampjuni mid-Dipartiment ta' l-Ambjent rigward il-fabbrika Hompesch Steel Company, kif indikat fil-mistoqsija parlamentari numru 5680? Jista' l-Ministru jgħid x'kienu dawn ir-riżultati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nikkonferma li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent ħa kampjuni ta' trab u analizzhom. Ir-rapport ta' l-analiżi indika li l-impjant tal-Hompesch Steel seta' kien il-kaġun ta' tniġġiż. Għaldaqstant ingħata parir biex jibdew proċeduri fil-Qorti kontra l-imsemmija ditta. Dawn il-proċeduri għadhom sejrin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħaddiema fid-Dipartiment ta' l-Ambjent li qegħdin jieħdu xi allowances minħabba li huma assenjati fuq xogħol fuq ħitan tas-sejjieħ? F'liema dipartimenti qegħdin jaħdmu? Kemm tlaħħaq din l-allowance?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ħaddiema fid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent assenjati fuq il-ħitan tas-sejjiegħ mhux qegħdin jieħdu allowances.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi spezzjonijiet fuq l-annimali wżati fil-film Gladiator rigward daqs ta' gaġġeġ, iġene, ħin li jinżammu fix-xemx, moħqrija, eċċ.? Jista' l-Ministru jgħid jekk xi ħadd mid-dipartiment ta' l-ambjent investigax il-fatt li tigra li qed tintuża fil-film wellditx erbat ifrih mejta kawża ta' tbatija żejda li din it-tigra setgħet batiet u jekk iva, x'kien ir-riżultat ta' din l-investigazzjoni? Jista' l-Ministru jgħid jekk isirux investigazzjonijiet mid-dipartiment ħalli jiġi żgurat li f'każ ta' xi annimali slavaġ li jwelldu l-frieh tagħhom Malta ma jsirx negozju llegali ta' dawn il-frieh?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ir-responsabbilta' rigward żamma ta' annimali f'gaġeġ ta' daqs żgħir mhix responsabbilta' tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent. Ir-responsabbilta' tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent rigward l-annimali li huma mħarsa taħt il-Konvenzjoni tas-CITES kienet li jara li dawn l-annimali jiġu importati skond l-obbligi tal-Konvenzjoni, u li jerġgħu jiġu esportati taħt l-istess obbligi.
Id-Dipartiment ta' l-Ambjent huwa konxju li tigra kellha l-friegħ u li dawn mietu. Id-Dipartiment ta' l-Ambjent għandu ċertifikat maħruġ mid-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji li jikkonferma dan.
L-ispetturi ta' l-ambjent kienu wkoll fuq il-post meta l-annimali protetti bis-CITES reġgħu ġew esportati, biex jassiguraw li l-annimali kollha li daħlu reġgħu ħarġu.