Jista' il-Ministru jgħid meta se toħroġ sejħa min-naħa tal-MEPA biex jiġu ngaġġati inspectors u enforcement officers? Xi kwalifiki jrid ikollhom? Meta kien l-aħħar reklutaġġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) bħalissa għaddejja b’reklutaġġ intern għall-pożizzjoni ta’ Inspector. L-Awtorità bħalissa mhiex f’pożizzjoni li toħroġ sejħiet għall-Enforcement Officers.
Jien infurmat ukoll li l-aħħar reklutaġġ għal Inspectors kien fi Frar 2003, filwaqt li l-aħħar reklutaġġ għal Enforcement Officers kien sar f’Ottubru 2003.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm sajjieda full-time li m'għandhomx irmiġġi max-xatt (ħoloq) ġewwa Marsaxlokk? Jista' jgħid x'inhu jsir sabiex kull sajjied ikollu irmiġġ xieraq, speċjalment meta dan ikun l-għajxien tiegħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn fabbriki jew intrapriżi industrijali li għandhom ċertifikazzjoni internazzjonali, bħal EMAS jew ISO1401? Jista' jgħid liema huma dawn l-intrapriżi industrijali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jikkonferma li meta s-Segretarju Parlamentari fi ħdan il-ministeru tiegħu dan l-aħħar iltaqa' mal-ministru ta' l-ikel, biedja u sajd tad-Danimarka ta' l-ewwel stqarr miegħu li Malta bħalissa qed tiffaċċja problemi fil-produzzjoni tal-majjal u tal-poultry minħabba l-importazzjoni ta' dawn il-prodotti kif ukoll minħabba l-proċess tar-ristrutturar u l-waste management ta' l-industrija tal-majjal?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Is-Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħi jiċħad li ddiskuta l-produzzjoni tal-majjal u tal-poultry f’Malta waqt laqgħa li kellu mal-Ministru Daniż ta’ l-Ikel, Biedja u Sajd.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li qiegħed isir mid-diviżjoni tax-xogħlijiet f'bini ta' uffiċċji ġodda f'Kordin hux kopert bil-permess ta' l-iżvilupp meħtieġa? Jekk fl-affermattiv, ix-xogħol qiegħed isir skond il-pjanti approvati?
Jista' il-Ministru ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permess?
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħol li qiegħed isir mid-diviżjoni tax-xogħlijiet fuq il-promenade tax-Xgħajra hux kopert bil-permess ta' l-iżvilupp meħtieġ? Jekk fl-affermattiv, ix-xogħol qiegħed isir skond il-pjanti approvati?
Jista' il-Ministru ipoġġi kopja tal-permess fuq il-mejda tal-Kamra?
Jista' il-Ministru jinnota li s-siġar li hemm f'Marina Street, Pieta, ossia minn quddiem il-knisja tad-Duluri sa ħdejn il-ġnien ta' Sa Maison, qed jikkaġunaw inkonvenjent sostanzjali lir-residenti li joqogħdu f'dawk l-akwati, u dan peress li gguffaw ħafna u apparti milli qed joħonqu l-vista ta' dawn in-nies il-weraq qed iħammġu l-gallariji, il-bjut, il-btieħi tad-djar u anke qed isoddu l-katusi tagħhom?
Jista' il-Ministru jara li dawn is-siġar jinżabru kif imiss u jitnaqqas ftit mill-volum tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li x-xogħol taż-żabra fuq is-siġar li hemm f’Marina Street, Pietà, quddiem il-knisja tad-Duluri sa ħdejn il-ġnien ta’ Sa Maison huwa ppjanat li jsir skond il-programm taż-żabra ta’ l-Environmental Landscaping Consortium Ltd mill-aktar fis-possibbli.
MEPA — Talbiet minn banek kummerċjali għal change of use
Question
Jista' il-Ministru jgħid liema kienu t-talbiet li saru mill-banek kummerċjali lill-MEPA għal change of use minn proprjeta' residenzjali għal proprjeta' għal użu bħala uffiċini fl-area tal-Mosta tul l-aħħar sitt snin? Jista' jgħid x'inhuma l-implikazzjonijiet fil-każ li proprjeta' residenzjali ġiet użata għall-għanijiet imsemmija mingħajr il-permessi meħtieġa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Skond is-sistema ta' l-informatika ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) irċevejna applikazzjoni waħda mill-banek kummerċjali għal change of use minn propjetà residenzjali għal propjetà għal użu bħala uffiċini fl-area tal-Mosta tul l-aħħar sitt snin. In-numru ta’ din l-applikazzjoni huwa PA 01302/02.
Din l-informazzjoni ġiet maħruġa mis-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità bil-kriterji hawn taħt imsemmija :
1. Dawk l-applikazzjonijiet li fil-proposta għandhom il-kelma bank jew li l-isem ta’ l-applikant jinkludi il-kelma bank.
2. Dawk l-applikazzjonijiet li irċevejna mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena 1999.
3. Dawk l-applikazzjonijiet li l-kunsill lokali tagħhom huwa l-Mosta.
Jista' il-Ministru jgħid meta kien l-aħħar pagament ta' sussidju fuq il-produzzjoni taċ-ċanga u tal-ħalib li tħallset lill-koperattivi tar-raħħala? Kemm kien l-ammont f'kull każ u liema perjodu kien ikopri dan il-ħlas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Peress li kull pagament fuq il-produzzjoni tal-ħalib jew fuq iċ-ċanga (slaughter u beef special premium tal-Politika Agrikola Komuni) jingħata lir-raħħala individwali u mhux lill-Koperattiva tal-Ħalib, nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-Mistoqsija tiegħu u jidentifika liema ‘koperattivi’ tar-raħħala qed jirreferi fl-istess Mistoqsija.
Jista' il-Ministru jinformana x'inhija r-raġuni li kaxxa banana li fi Frar 2003/2004 kienet medja ta' Lm3.75 jew Lm4 .00 illum għoliet għal madwar Lm9.00 għall-istess piż u kwalita'?
Jista' jinformana x'ikkawża dan l-għoli tal-prezz tal-banana, ukoll it-tuffieħ, fost frott bnien ieħor, meta l-poplu ġie nformat li b'effett tas-sħubija l-prezzijiet ta' l-ikel kellhom jibqgħu kif kienu qabel is-sħubija u dan minħabba s-sussidju fuq il-prodott jew ir-roħs tal-prodott minħabba l-vantaġġi li se ġġib is-sħubija għal poplu tagħna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-prezz tal-banana, bħal ta' kull prodott agrikolu ieħor, ivarja minn żmien għal żmien, u minn sena għal oħra, skond il-forzi tas-suq u l-prinċipju ta' supply u demand.
Tajjeb li wieħed igħid li din is-sena kien hemm diversi fatturi li kkaġunaw żieda fil-prezz tal-banana. Fost dawn il-fatturi nsibu li kien hemm diżastri naturali fosthom, għarar qawwija fil-Karibew li affettwaw il-provvista, u allura l-prezz tal-banana. Fost l-aktar pajjiżi milquta kien hemm l-Equador, il-Kolombja u l-Costa Rica, minn fejn Malta timporta l-ħtiġijiet tagħha.
Kien hemm ukoll nuqqas ta' provvista ta' banana mill-Filippini li kkaġunat żieda qawwija fil-prezz fis-suq internazzjonali ta' dan il-prodott.
Huwa kkalkulat li b'kollox kien hemm tnaqqis ta’ 'il fuq minn 3 miljun kaxxa banana (ca 54,000 tunnellata) produzzjoni fis-suq internazzjonali.
Inżid ngħid ukoll li barra żieda fil-prezz tal-banana minħabba nuqqas ta' provvista, kien hemm ukoll żieda qawwija fl-ispiża tat-trasport ta' dan il-prodott lejn l-Ewropa mill-Amerika Ċentrali u l-Amerika Latina. Fil-fatt il-prezz tat-trasport kważi rdoppja minn $US 4.5 għal $US 8.00-8.50 kull kaxxa.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10382, jista' il-Ministru jinformana kemm mill-5.8 miljun kienu mill-parent stock lokali u cioe' jekk il-5.8 miljun hijiex figura bbażata fuq bażi ta' importazzjoni biss?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif spjegajt fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10382, il-figura hija ta' dawk il-bajd li ġew iddikjarati li faqqsu. Din tinkludi tifqies minn Parent Stock lokali wkoll.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10378 u cioe' jinformani kif iż-żieda fil-prezz tal-pitrolju mhux se tolqot ħażin il-kompetittivita' ta' l-industrija lokali tat-trobbija tat-tjur?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-kompetittività ma tiddependix minn fattur wieħed iżda fuq numru ta’ fatturi inklużi żviluppi internazzjonali li fuqhom pajjiżna m’għandux kontroll. Iż-żieda fil-prezz tal-pitrolju hu fil-fatt wieħed mill-komponenti ta’ spejjeż li għandhom il-produtturi tat-tjur.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jgħid meta se tingħata l-linja ta' Triq il-Ġdida fi Triq il-Wied ta' Ruman fil-Mellieħa u din il-linja tiġi ndikata b'mod ċar lir-residenti u lil min qed jibni fl-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-għoti ta’ l-allinjament mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) isir:
· fuq talba li ssir mill-applikant wara li jinħarreġ permess ta' l-iżvilupp,
· fuq talba mid-Direttorat Tat-Toroq fi ħdan l-ADT, qabel ma tkun sejra tiġi asfaltata it-triq.
Fil każ ta' Triq Ġdida fi Triq il-Wied Ta' Ruman, ġie mogħti l-allinjament tat-triq diversi drabi fuq talbiet ta' żvilupp. Madanakollu, ikun aħjar kieku l-Onor. Interpellant ikun jista’ jispeċifika għal liema żvilupp qiegħed jirreferri.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il appartament ġie mibni ġo Tas-Sliema (jeskludi ta' Qui-si-Sana u Tigne') li jħallsu il-commuted parking payment scheme mill-1991 sal-ġurnata tal-lum? Jista' jgħid ukoll kemm irid iħallas żviluppatur għal kull karozza?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie trattat ilma tad-drenaġġ mill-impjant ta' Sant'Antnin, sena b'sena minn mindu beda jaħdem? Kemm minn dan l-ilma ntuża u kemm intrema? Kemm hi mifruxa s-sistema ta' distribuzzjoni ta' dan l-ilma? Hemm ħsieb biex din titjib?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni tas-Servizzi ta' l-Ilma li topera l-impjant tat-tisfija tad-dranaġġ ta' Sant Antnin.
Madankollu, nista’ nżid li d-distribuzzjoni ta’ l-ilma li jidħol fil-ġibjun u li jservi għall-irrigazzjoni taqa’ taħt ir-responsabbilta’ ta’ dan il-Ministeru. Iż-żona li tinqeda minn dan l-ilma trattat hija ta’ madwar 240 ettaru, li qegħdin fiż-Żejtun, Żabbar, Marsascala, Xgħajra u Marsaxlokk.
Jista' il-Ministru jinfurmani jekk il-pjan lokali ta' San Ġiljan li jinkludi fih Paceville, huwiex lest? Jekk fl-affermattiv, kemm ilu li sar u jekk skada l-perijodu ta' konsultazzjoni? Dan huwa previst li jsir liġi? Fil-każ, meta? Sakemm dan isir liġi, id-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-MEPA huma riflessi f'dan il-pjan lokali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Pjan Lokali ghall-Portijiet tat-Tramuntana jinkludi fih il-kunsill lokali ta' San Ġiljan. L-abbozz ta' dan il-pjan kien tressaq għall-konsultazzjoni pubblika f'Mejju tas-sena 2000, u kien hemm parteċipazzjoni pubblika qawwija. Iż-żmien ta' konsultazzjoni huwa ddeterminat mil-liġi (ATT XXI tat-2001 art. 19(1) u dan huwa ta' mhux anqas minn sitt ġimgħat. Ġeneralment, dan il-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika jibda jiskadi wara li l-abbozz tal-pjan ikun varat għall-pubbliku. Fil-każ ta’ l-abbozz tal-Pjan Lokali għal-Portijiet tat-Tramuntana, il-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika skada.
Sakemm il-pjan isir liġi, il-bord li jkun qed jieħu id-deċiżjoni irid iżomm f'moħħu il-provvedimenti ta’ l-abbozz tal-pjan lokali biex il-miri prinċipali tal-pjan ma jiġux milquta b'mod avvers minn din id-deċiżjoni. Bl-istess mod, id-direttorat jieħu in-konjizzjoni l-aħħar żviluppi sabiex il-pjan jinżamm aġġornat.
Tista' il-MEPA tagħmel l-investigazzjonijiet meħtieġa biex tara jekk ħanut ta' mastrudaxxa hux jaħdem bil-permessi kollha meħtieġa fl-indirizz li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-sit li qed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant mgħandux il-permessi neċessarji mingħand l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u fil-fatt diġa ittieħdet azzjoni dwar dan b'permezz ta' l-Aviż ta' Twettiq li jġib in-numru ECF886/99 li nħareġ fl-14 ta' Ottubru 1999.
Tista' il-MEPA tagħmel l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa biex tara jekk ir-ristorant - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - għandux il-kċina kif suppost biex minnha ma joħorġux irwejjah qawwija fl-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari tiegħi 11560 dwar metodu kif il-kamra tan-nar taż-Żejtun qed tiġi mitluba taħraq u tiddispondi minn karti skart, jista' il-Ministru jispjega aħjar dak li hemm f'paragrafu 2 tat-tweġiba bil-kliem "Il-MEPA mhux qed tesiġi li dawn il-karti jinħarqu f'apparat speċjali, iżda jekk irid jinħareġ xi skart bħal dan għandu jintuża apparat apposta skond il-liġi ...."? Jista' jispeċifika b'mod aktar ċar x'inhu u kif ikun dan l-apparat apposta skond il-liġi biex din il-kamra tkun ċerta li qed tkun konformi mal-liġi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fil-każ tal-kamra tan-nar in kwistjoni, l-iżviluppatur ippropona li jaħraq karti ikkontaminati bil-kimika tat-taħlit ġo tank tal-ħadid. Dawn il-karti ikkontaminati jiġu meqjusa bħala skart perikoluż, u jekk jiġu maħruqa kif propost (open burning) jistgħu jikkawżaw tniġġis ta’ l-arja. Il-liġi, ma tippermettix li jsir ħruq fl-apert ta' skart. Għaldaqstant, min għandu bżonn jaħraq xi skart, irid juża apparat speċjali (inċineratur) li hu awtorizzat biex fih isir il-ħruq ta' skart.
Fil-każ tal-kamra tan-nar taż-Żejtun, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) mhix qed tirrakkommanda li jiġi pprovdut inċineratur fuq il-post. Ir-rakkomandazzjoni ta’ l-Awtorità hi li jekk ikun hemm bżonn li jiġi inċinerat xi skart, dan irid jintbagħat għal ġo inċineratur awtorizzat. Din ir-rakkomandazzjoni ma tapplikax biss għall-kmamar tan-nar però tapplika wkoll għall-kull tip ta’ skart li jkun hemm bżonn li jiġi inċinerat f'Malta (bl-eċċezzjoni tal-ħruq ta' ħaxix ħażin u kwantitajiet limitati ta' injam fl-għelieqi).
Ta’ min jinnota wkoll li l-Awtorità ma hix qed tinsisti li dan it tip ta' skart li ser ikun iġġenerat mill-kamra tan-nar in kwistjoni irid jiġi bil-fors inċinerat. Jekk dawn it-tip ta' karti huma fi kwantitajiet zgħar, jistgħu jintremew mal-iskart domestiku wara li jiġu mxarrbin biex jitnaqqas il-periklu li jaqbdu.
Jista' il-Ministru jagħti account ta' kemm inbnew appartamenti ġo Qui-si-Sana u Tigne' mill-1991 sal-ġurnata tal-lum u kemm minnhom taw il-commuted parking payment scheme u għal kemm jammontaw karozzi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’Seduta oħra.