Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba inqata' id-dawl minħabba ħsara kkaġunata minn kuntratturi tat-toroq din is-sena? X'passi ttieħdu?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li din is-sena kien hemm 39 każ ta' ħsarat ikkaġunati minn kuntratturi. F'kull każ sar rapport fl-eqreb għassa tal-pulizija biex jittieħdu l-passi meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li ħaddiema tal-water services corporation Għawdxin intgħażlu biex imorru jaħdmu mal-kunsilli lokali? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li ngħataw dan it-transfer u ma' liema kunsilli marru?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li dan iċ-ċaqliq ta' nies sar għax il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha mpjegati żejda li oriġinarjament kienu ħaddiema tal-Gvern u kienu ġew "detailed" mal-Korporazzjoni. Ir-revoka tad-"detailing" u t-trasferiment sussegwenti mhix responsabilita' tal-Korporazzjoni.
Jista' il-Ministru jassigura lill-ħaddiema Għawdxin tal-water services corporation li ġew trasferiti mal-kunsilli lokali f'Għawdex li mhux ser jitilfu x-shift allowance u l-ħlas għal Ħdud, li s-soltu kienu jaħdmu skond l-esiġenzi tax-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kuntratti ta' Konsulenza
Question
Jista' il-Ministru jgħid liema dipartimenti governattivi jew enti pubbliċi taw kuntratti ta' konsulenza lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament matul l-2004 u l-2005? Kemm kienet l-ispiża ta' dawn il-kuntratti, wieħed wieħed, f'dawn is-snin? Jista' jgħid liema dipartimenti governattivi u enti pubbliċi taw kuntratti ta' konsulenza lill-kumpannija Island consultancy services matul l-istess medda ta' żmien u kemm kienet l-ispiża ta' dawn il-kuntratti f'dawn is-snin?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li ma ngħata l-ebda kuntratt ta' konsulenza lill-Kumpanija Island Consultancy Services jew lill-persuna ndikata fil-mistoqsija matul is-snin 2004 - 2005.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament hux maħsub li jinħatar chairman tal-Malta international airport fix-xhur li ġejjin?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 11770.
Jista' il-Ministru jiċħad jew jikkonferma li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li hija uffiċjal fil-Malta international airport, ingħata promotion minn officer għal senior officer meta qiegħed bil-kuntratt għaliex għandu aktar minn 61 sena? F'każ li fl-affermattiv, jista' il-Ministru jgħid fuq liema bażi ngħata din il-promotion u jekk hijiex konformi mar-regolamenti tal-kuntratt in vigore? Jista' jgħid meta ngħatat il-promotion?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.11770.
Jista' il-Ministru jiċħad jew jikkonferma li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li hija uffiċjal fil-Malta international airport u uffiċjal tal-Where's Everybody, ġiet impjegata bħala manager tal-customer care? Jista' jgħid jekk inħarġitx call for applications għal din il-kariga? F'każ li fl-affermattiv, inħarġet internal jew external call, meta nħarġet u jekk kienet external call fejn ġiet ippubblikata?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.11770.
Jista' il-Ministru jiċħad jew jikkonferma li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li huwa uffiċjal fil-Malta international airport, twaqqaf milli jiffirma l-purchase orders? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid meta twaqqaf milli jiffirma, min ħa din id-deċiżjoni u x'kienet ir-raġuni?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.11770.
Jista' il-Ministru jgħid l-arbli ta' l-ex-Deutschwelle fl-inħawi tax-Xwieki, Żurrieq meta ser jitneħħew? X'inhi r-raġuni li dawn m'għadhomx jinxtgħelu b'dawl aħmar bħal qabel sabiex jiġi evitat periklu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16148 u jgħid jekk jikkonsidrax li f'każ ta' każini jkun hemm possibbilta' li jitwaħħlu żewġ meters ta' l-elettriku, wieħed għal bar (b'rata kummerċjali) u ieħor għal bqija tal-każin (b'rata ordinarja) minħabba li x-xogħol volontarju li jsir fil-każini ma jistax jitqies bħala wieħed kummerċjali?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, peress li r-rati huma l-istess, mhix il-prattika tal-Korporazzjoni li tissepara l-meters tal-konsum tal-'bar' u tal-każin. Pero' t-talba tal-Onor. Interpellant qed tkun kunsidrata.
Jista' il-Ministru jara jekk hux qed isiru urġentement ix-xogħlijiet fi Triq Margaret A Murray, Naxxar fejn qed jiżbroffa drenaġġ għal ġo residenza partikolari li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed jikkawża danni kbar f'din ir-residenza, apparti danni sanitarji lill-istess familja, liema problema għadha eżistenti sal-lum meta qed tiġi intavolata din il-mistoqsija parlamentari?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex jieqaf l-iżbroff tad-drenaġġ imsemmi.
Jikkonferma l-Ministru li l-Air Malta offices ta' Stockholm fi Sweden u Oslo f'Norway ser jingħalqu? Jikkonferma li minflok dawn l-uffiċini l-Air Malta se tibda tagħmel użu mill-GSAs (General sales offices)? Jekk fl-affermattiv, ma' min sar dan it-tip ta' arranġament? Jista' jgħid ukoll x'wassal li tittieħed id-deċiżjoni li dawn iż-żewġ uffiċini jingħalqu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nikkonferma li l-Air Malta se tagħlaq l-uffiċini ta' Stockholm fi Sweden u Oslo u minnflok se tkun rappreżentata minn kumpanija ta' General Sales Agents internazzjonali li jisimha Avia Reps. Din hi l-istess kumpanija li tirrareżenta lill-Air Malta f'Moscow u St. Petersburg. L-Air Malta qegħda tirrazzjonaliżża r-rapreżentanza tagħha barra, minn,Malta bl-ghan li tnaqqas l-ispejjeż u tibqa' effettiva. Din id-deċiżjoni fuq Scandinavia hija waħda mill-ħafna passi li ġa ttieħdu biex jintlaħaq dan il-għan.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex ħaddiema tal-kumpannija Air Malta qed jiġu msejħa biex jidhru quddiem bord mediku għaliex ħadu numru ta' ġranet sick leave, li huma intitolati għalih bil-liġi bħala benefiċċju soċjali, matul din l-aħħar sena?
Jista' jgħid jekk din hijiex proċedura normali jew le?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-kumpanija nnotat li n-numru ta' ġranet ta' sick leave meħuda minn numru ta' impjegati huwa ħafna ogħla mill-average ta' sick leave meħud fuq bażi nazzjonali u għalhekk qiegħda titlob lill-konsulenti mediċi tagħha sabiex jeżaminaw lill-impjegati in kwistjoni sabiex kemm jista' jkun jaraw x'hini l-kawża ta' dan is-sick leave u sabiex jagħtu opinjoni dwar jekk dawn l-impjegati humiex tajbin biex ikomplu fl-impjieg. Naturalment, dan kollu qiegħed isir skond l-parametri tal-liġi u l-etika professjonali.
Jista' il-Ministru jara li jiġi investigat il-ħela ta' ilma ħiereġ kontinwament fi Triq Anġlu Gatt fil-Mosta, fejn is-sorijiet Agostinjani, fejn għalkemm il-każ ġie rrapportat għadu ma mar ħadd biex jinvestiga u jwaqqaf il-ħruġ ta' l-istess ilma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ewwel rapport li rċeviet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dwar ilma ħiereġ fi Triq Anġlu Gatt il-Mosta kien nhar il-Ġimgħa 9 ta' Diċembru.
Biex tissewwa l-ħsara kienu meħtieġa testijiet ta' 'leak detection' bil-lejl. Peress li dakinhar bil-lejl kien maltemp, dawn it-testijiet ma setgħux isiru mill-ewwel u saru l-Ħadd, 11 ta' Diċembru.
Dan l-eżerċizzju wassal biex instabet il-ħsara li ssewwiet it-Tnejn 12 ta' Diċembru fil-għodu u l-ilma ma' baqax ħiereġ.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 16110 u 16195 u jgħid: Peress li ġie mħabbar li l-Air Malta biegħet l-Air supplies and catering company limited, jista' il-Ministru jgħid:
1) meta ħarġet il-
call for interest
għal xiri ta' din il-kumpannija;
2) jekk il-privatisation unit kenitx involuta fil-proċess tal-bejgħ;
3) kemm kien il-prezz li bih inbiegħet l-air supplies? Din kienet l-aħjar offerta;
4) kien hemm diskussjonijiet ma' enti mis-settur privat li wkoll urew interess f'dan in-negozju;
5) jekk qabel dan il-bejgħ il-kumpannija Air supplies investietx f'pajjiżi oħra fil-Mediterran biex tkabbar in-negozju tagħha; u
6) x'kienet il-pożizzjoni mir-regolatur responsabbli mill-kompetittivita' fir-rigward ta' dan il-bejgħ?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li s-sejħa għall-offerti għax-xiri ta' l-ishma kollha tal-kumpanija Air Supplies & Catering Co Ltd. dehret fuq l-istampa lokali u rivista barranija fil-15 ta' Lulju 2005. Fil-proċess tal-bejgħ ta' dawn l-ishma kien hemm ukoll l-involviment tal-Privatisation Unit. Il-prezz li bih inbiegħet din il-kumpanija, kien ta Lm2,820,000, li kienet l-aħjar offerta.
Id-deċiżjoni li l-ishma kollha f'din il-kumpanija jinbiegħu ittieħdet wara li diskussjonijiet, fuq medda ta' ħafna xhur mas-'suppliers' lokali ta' din il-kumpanija, sabiex jitraħħsu l-prezzijiet li bihom kienet tinxtara l-merkanzija ma ħallewx ir-riżultat neċessarju.
L-investiment li l-Air Supplies kellha f'kumpanija oħra, nxtara mill-Air Malta qabel ma sar il-bejgħ ta' l-Air Supplies.
Il-mistoqsija dwar il-pożizzjoni tar-regolatur resposabbli mill-kompetittivita' għandha ssir lill-Ministeru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-Korporazzjoni Enemalta m'għandiex provvista ta' arbli għas-servizz ta' dawl b'konsegwenza li xi konsumaturi li rrikorrew għal xi spejjeż baqgħu mingħajr is-servizz? Jista' il-Ministru jgħid meta l-enemalta se jkollha dawn l-arbli ġodda? Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-Enemalta ma tużax l-arbli żejda li twaħħlu f'postijiet oħra u ma ntużawx biex tipprovdi servizz għal min qed jistennih?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jikkonferma l-Ministru li l-aquifer fir-Rabat, Malta minħabba l-użu tal-fertilizzant għandu nitrati eċċessivi sa 100mg u anke 300mg kull litru kif jingħad fir-rapport ambjentali Blue Plan (2004) ta' Margat?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Onorevoli Interpellant hu mitlub jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru koncernat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 15851 u 15994 u jgħid għala l-pagi ta' l-impjegati tar-raba' sular administration building tal-korporazzjoni Enemalta fil-Marsa qed jinħadmu fil-magħluq u mhux mis-sezzjoni tal-pagi normali? Veru li ngħata allowance lil ċerti mpjegati mir-raba' sular biex jixtru ħwejjeġ? Kemm tiswa l-karozza tas-CEO u tas-CFO fix-xahar? Fuq liema bażi ġie ngaġġat il-procurement manager ġdid u meta ħarġet il-call for application? Kemm-il manager ġdid ġie mpjegat l-Enemalta bejn l-2004 u l-2005 u kemm hu l-ammont ta' pagi tagħhom? Fuq liema bażi ħarġet il-call for application għal executive officers ġo l-Enemalta dan l-aħħar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15992 u jara li jitneħħa arblu tad-dawl li jinsab fi Triq il-Ġdida, Paola quddiem ir-residenza "Waterlily" peress li huwa perikoluż u issa ser issir il-bankina?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-arblu msemmi twaħħal biex ikun jista' isir xogħol mill-iżviluppatur koncernat. Dan l-arblu għandu jitneħħa flimkien ma xogħolijiet oħra simili.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16124 u jgħid illum x'inhi l-funzjoni tal-Medigrain? Jista' jgħid jekk għadx hemm persuni assenjati magħha, u jekk fl-affermattiv jgħid jekk għandhomx xi benefiċċji u x'inhuma? X'sar minnha l-proprjeta' (mobbli u immobbli) ta' l-istess kumpannija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li illum il-Medigrain qegħda fi stat ta' likwidazzjoni f'idejn Pricewaterhouse Coopers.