Legislature:
Category:
Reset
Active:

NI — Ħlasijiet Pendenti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' kumpanniji u persuni self-employed li għandhom pendenti ħlasijiet tal-bolla ta' l-NI, abbażi tas-sena 2005 u wara?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi hemm 1,319 kumpaniji u 5.274 persuni self-employed li għandhom xi ħlasijiet pendenti tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta’ Soċjali għas-sena 2005.

NI

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' kumpanniji li tressqu l-qorti minħabba li ma ħallsux lid-dipartiment konċernat il-ħlasijiet tal-bolla ta' l-NI? Kermm hi ċ-ċifra globali in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi disa’ kumpaniji tressqu il-Qorti talli ma ħallsux il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta’ Soċjali li jammontaw Lm574,151.

Ħaddiema ta' l-Awżiljarji

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-ħaddiema ta' l-awżiljarji, li llum huma mpjegati mal-gvern, hux se jingħataw l-arretrati fil-paga taż-żmien li huma damu fl-iskema ta' l-awżiljarji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-ex membri ta’ l-Awżiljari li ngħataw ħatra fis-Servizz Pubbliku ħadu drittijiet u kundizzjonijet tax-xogħol, identiċi ma’ dawk ta’ impjegati tal-Gvern fl-istess gradi. Għaldaqstant ma nifhimx għal-liema arretrati, dovuti lil dawn il-persuni qabel dawn saru impjegati tal-Gvern, qiegħed jirreferi l-Onorevoli Interpellant. Jekk l-Onorevoli Interpellant jista’ jkun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu, jew jindika xi każ partikulari?

Income Tax — Refunds

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hi ċ-ċifra globali ta' flus li għandha titħallas f'refunds ta' l-income tax fil-mument? Meta se titħallas u kemm hu kkalkolat li se jitħallas minn din iċ-ċifra matul din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-ammont dovut f’refunds ta’ l-income tax fil-mument hu ta’ Lm16,774,550. Il-ħlas isir regolament matul is-sena, iżda l-ammont li hu mistenni li jitħallas sa l-aħħar tas-sena hu ta’ Lm3,000,000 flimkien ma’ refunds oħra li jirriżultaw taħt is-sistema tas-Self Assessment. Taħt is-sistema tas-Self Assessment, sa l-aħħar ta’ April iridu jitħallsu Lm611,000.

VAT — Refunds

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hi ċ-ċifra globali ta' flus li għandha titħallas f'refunds tat-taxxa tal-VATfil-mument? Meta se titħallas u kemm hu kkalkolat li se jitħallas minn din iċ-ċifra matul din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sat-23 ta’ Marzu 2006, l-ammont ta’ kreditu eċċessiv tal-VAT mitlub minn persuni reġistrati u li għad irid jitħallas matul ix-xhur li ġejjin huwa ta’ Lm16,297,022. Din is-somma tinkludi rifużjonijiet lill-persuni eżentati bi kreditu (bħall-Freeport), u operaturi tan-negozju. Hemm ukoll ammont ta’ talbiet mingħand manifatturi, prodotturi u operaturi oħra li jammontaw għal Lm9,322,354.64 li għad iridu jiġu ċċekkjati mid-Dipartiment. Dawn il-figuri jistgħu jinbidlu jekk kemm-il darba persuni reġistrati jnaqqsu l-ammonti dovuti lilhom minn denunzji tat-taxxa li għad iridu jibgħatu sakemm il-kreditu jiġi biex jitħallas.

Bejgħ bis-subbasta — Capital gains tax

Question

Jista' il-Prim Ministru jispjega għaliex uffiċjali mid-dipartiment tat-taxxi taw struzzjonijiet lill-uffiċjali mid-dipartiment tas-subbasti biex iżommu 7% mir-rikavat ta' kull bejgħ bis-subbasta bħala capital gains u dan minkejja l-istqarrija tal-Prim Ministru stess li l-eżenzjoni mill-capital gains ta' bejgħ b'subbasti se tibqa' mhux mittiefsa? Ara budget speech ta' din is-sena fl-aħħar paragrafu, paġna 32.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

OPM — Konsulenza

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2005? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ‘A’ għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Fil-każ tal-Ministeru tal-Finanzi tabella ‘B’ turi l-istess informazzjoni mitluba.

Riċevimenti f'dipartimenti tal-Gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16896 u jgħid kemm saru riċevimenti fil-ministeri kollha matul l-2005 u fl-ewwel xahar ta' l-2006? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġie jiswa kull riċeviment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 16896.

OPM — Konsulenza

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 16376 u 16677 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2005? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 16677.

Uffiċċju għar-regolamentazzjoni aħjar

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17649 u jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex fost ir-regolamenti li se ssir reviżjoni tagħhom mill-uffiċċju għar-regolamentazzjoni aħjar, ikun hemm dawk dwar vetturi tal-baħar li jużaw it-turisti (luzzijiet u dgħajjes li jġorru 24 jew inqas) biex isiru iżjed addattati u kompetittivi meta mqabbla ma' ta' pajjiżi ġirien tagħna flok jibqgħu mmudellati fuq standards Ingliżi, Awstraljani u ta' New Zealand?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’riferenza għall-mistoqsija ta’ l-Onorevoli Interpellant, l-uffiċċju għar-regolamentazzjoni aħjar, ħa nota tal-mistoqsija u għaddiha lill-Ministri kkonċernat. Il-proposta ħa tiġi kkunsidrata mal-kumplament tal-proposti li l-uffiċċju qiegħed jirċievi.

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi — Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni u x'inhu l-isem tagħhom fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi? X'inhu l-grad tagħhom? F'kull każ, l-impjieg tagħhom huwa wieħed permanenti jew fuq bażi ta' kuntratt? F'kull każ, x'inhi l-paga u x'perkaċċi għandhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi — Impjegati Barranin

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ta' nazzjonalita' barranija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi? X'inhu l-grad li jokkupaw? Jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-kuntratt ta' impjieg ta' dawn il-persuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi impjegat żewġ (2) persuni ta’ nazzjonalita’ barranija. Kopja tal-kuntratt ta’ impjieg taż-żewġ impjegati qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

VAT — Dħul mit-turiżmu

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tħallset f'VAT fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena? Kemm minnha kien dħul mit-turiżmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul l-ewwel xahrejn ta’ din is-sena l-ammont li tħallas f’VAT kien ta’ Lm27,441,414. Minn din is-somma, id-dħul mit-turiżmu kien jammonta għal Lm2,410,964 kif jidher hawn taħt: Hotels Lm1,259,578 Restaurants Lm 767,174 Activities of Travel agencies Lm 384,212 And Tourist Assistance Agencies

Taxxa fuq is-safar

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena, kemm daħħal mit-taxxa ta' l-Lm10 imposta fuq is-safar? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm min ġie eżentat minn din it-taxxa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena, il-Gvern daħħal komplessivament u globalment Lm 579,654 mit-taxxa fuq is-safar. Ma ngħatawx eżenzjonijiet minn din it-taxxa.

Tax Refunds

Question

Jista' il-Prim Ministru jara li tax refunds dovuta lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għas-snin 1995, 1996 u 1998 jiġu mħallsa għax ilhom pendenti għal wisq żmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pożizzjoni li jiżvela informazzjoni personali. Nitlob għalhekk lill-persuna konċernata biex tiċċekkja mas-sezzjoni tar-Refunds tad-dipartiment matul il-ħin ta’ l-uffiċċju.

Persuni self-employed

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huma dawk is-self-employed li bbenefikaw minn xi għajnuna naxxenti mill-budget jew naxxenti mill-UE?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Dipartiment tat-Taxxi Interni — Skejjel li jgħallmu l-Ingliż

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17683 u jgħid kemm hemm familji li l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin għaddew tagħrif dwarhom lid-dipartiment tat-taxxi interni dwar dħul ġej mill-istudenti li jżommu għandhom? Għal-liema snin għaddew dan it-tagħrif? B'liema rata ta' taxxa se jiġu ntaxxati l-familji? Ġie meqjus x'impatt se jkollu dan kollu fuq settur tant importanti f'pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi n-numru ta’ familji li dwarhom id-dipartiment tat-taxxi interni wassallu tagħrif mill-iskejjel huwa medja ta’ 1,700. Qed ngħid ‘medja’ minħabba l-fatt li n-numru ma kienx l-istess għal kull sena. It-tagħrif ingħadda għas-snin bażi 2002, 2003 u 2004. Il-mod kif dan id-dħul se jkun intaxxat se jiġi komunikat fil-ġranet li ġejjin. Kien propju għax ġie kkunsidrat l-impatt tat-tassazzjoni fuq dan is-settur li wara diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-familji involuti, ġie deċiż li jkun hemm trattament speċjali u speċifiku għalih.

Servizz tal-helicopter

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li s-servizz tal-helicopter bejn Malta u Għawdex reġa' ġie sospiż? Jekk fl-affermattiv, meta ġie sospiż u meta se jerġa' jibda? Jista' jagħti r-raġuni għaliex għal darba oħra dan is-servizz ġie sospiż? Għadu ta' l-istess opinjoni li b'dan is-servizz ġdid it-turisti kull sena f'Għawdex sejrin jiżdiedu b'50,000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal risposta mogħtija mill-Minsitru għall-Kompettivita’ u Komunikazzjoni għall-Interpellanza Nru 17984 (Seduta Nru 370), jien infurmat li s-servizz tal-helicopeter reġa beda nhar il-Gimgħa 31 ta’ Marzu.

Bank Ċentrali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex il-banek f'pajjiżna qed jiġu mitluba biex jiċċekkjaw u jibblokkaw ċekkijiet tal-Bank Ċentrali ta' ammonti ta' iktar minn Lm5,000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.