Jista' l-Ministru jgħid kemm membri tal-ġudikatura għandhom onorarju u/jew benefiċċji mill-Universita` ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ħadd mill-membri tal-ġudikatura ma jirċevi onorarju u/jew benefiċċji mill-Universita` ta' Malta. Iżda dawn huma intitolati għal ħlas ta' xogħol li jistgħu jagħmlu bħala eżaminaturi.
Jista' l-Ministru jara li tkun ikkunsidrata t-talba tat-tifel li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament sabiex ikollu għajnuna fl-iskola, forsi permezz ta' facilitator?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Istatementing Moderating Panel għamel evalwazzjoni tal-każ u ħass li dan it-tifel ma kellux il-kriterji meħtieġa biex jiġi statemented.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li għamlet ħames snin kors in fila fl-universita` fid-diploma in psychiatric nursing u li għaddiet kull sena u ġiet dikjarat li ma kenitx issodisfat fl-aħħar eżami u cioe` paper 2 għall-award tad-diploma, kif hi biss ma ġietx mgħajjta biex iġġedded il-kuntratt tax-xogħol fejn hija kienet taħdem matul il-kors f'Mount Carmel Hospital meta lil ħaddieħor fl-istess ċirkostanzi bħalha iġġeddidlu l-kuntratt b'sena qabel għamel l-aħħar re-sit ?
Jaqbel il-Ministru li dan il-każ jista' jiġi interpretat bħala wieħed ta' diskriminazzjoni fil-konfront ta' din il-persuna u li għandu jiġi implimentat ir-rimedju minnufih?
Response (GALEA, LOUIS)
Mill-fatti li ġew mgħoddija lili b'ebda mod ma tirriżulta xi diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuna imsemmija li għandha r-rimedji kollha bil-liġi biex tressaq il-każ tagħha.
Informat li l-Universita` ma tidħol f'ebda kuntratt ta' xogħol ma' persuni reġistrati bħala studenti fl-Institute of Health Care. Lista ta' persuni li jkunu temmew b'suċċess il-kors ta' studju tagħhom tintbagħat lid-Dipartiment tas-Saħħa wara t-tmiem ta' kull kors, hekk kif rikjest mill-istess Dipartiment. Isem il-persuna li isimha qed jidher separatament ma kienx inkluż fil-lista ta' studenti li temmew b'suċċess il-kors tagħhom fis-sena 2000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ma' l-universita' minn Settembru 1998 sal-lum?
F'liema grad daħlu, u minn liema lokalita' ġejjin?
Kemm kien hemm persuni għal kull grad li ġew intervistati?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Bħala Ministru responsabbli mill-isport jista' jgħid min jieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-ground tal-football fl-Arena tal-Indipendenza fil-Furjana?
Kemm intnefaq fuq dan il-ground matul is-sena finanzjaraja li għaddiet u matul l-ewwel xhur ta' din is-sena?
Meta l-aħħar ġie miżrugħ?
Minn fejn inxtrat iż-żerriegħa?
Ta' liema kwalita' kienet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-manutenzjoni tal-football pitch ġewwa l-Arena ta' l-Indipendenza l-Furjana ssir mill-Floriana F.C. Informat ukoll li l-iskeda ta' kif u meta jinżergħa dan il-pitch hija r-responsabbilita` tal-groundsmen imqabbad mill-club. Dan il-pitch għadu kemm ġie miżrugħ ġimgħa ilu, mill-istess club.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li saret għar-restawr ta' l-Imnajdra?
Jista' jindika x-xogħlijiet li tkopri din l-ispiża?
L-għotjiet l ingħataw mal-world monument fund u Din l-Art Ħelwa huma parti minn din l-ispiża u jekk fl-affermattiv kemm kienu dawn l-għotjiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-somma globali li ntefqet għall-Proġett tar-Restawr ta' l-Imnajdra 2001 kienet Lm19369.39. Minn din is-somma, Lm8604.97 ġew imħallsa mid-Dipartiment u Lm10764.42 tħallsu mill-grant mogħtija mill-World Monuments Fund.
L-ispejjeż imħallsa mid-Dipartiment kienu:
Rapport tal-Konservazzjoni tal-Ġebel Lm 950.00
Ġbir ta' data arkeoloġika, xogħol arkeoloġiku
fuq sit, Rapport fuq dan ix-xogħol Lm 1738.00
Xogħol ta' rikostruzzjoni, inkluż il-kiri ta'
crane u apparat ieħor Lm 5916.97
L-ispejjeż imħallsa mill-World Monuments Fund:
Servizz ta' perit Lm 2117.14
Ġbir ta' data bir-rectified photography Lm 989.00
Xogħol ta' rikostruzzjoni Lm 7658.28
Total Lm19369.39
L-għotja tal-World Monuments Fund hija ta' USD 50,000. Minn din is-somma, s'issa ġiet użata s-somma ta' USD 23328.65, imsarrfa fis-somma ta' Lm10764.42, bir-rata ta' 2.1672, skond id-data ta' meta sar it-trasferiment ta' l-ewwel parti tal-grant (USD 20,000). Il-bqija tal-grant ġiet allokata biex tkopri parti mill-ispiża fuq proġett ta' photogrammetric survey tas-sit ta' l-Imnajdra.
Id-Dipartiment ser jirċievi għotja minn Din l-Art Ħelwa, liema għotja qed tiġi diskussa.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Foundation of International Studies li jġib Malta mijiet ta' studenti min barra biex jistudjaw l-Ingliz, fil-każ tal-istudenti Ċiniżi rabtet biss ma' kumpanija waħda fiċ-Ċina magħrufa bħala AUSTAR? Jikkonferma li din il-kumpanija ma tantx għandha reputazzjoni tajba fiċ-Ċina? Jista' jikkonferma l-informazzjoni li għandu l-interpellant li din il-kumpanija qed tiġi mfittxija għad-danni minn xi studenti fiċ-Ċina?
Għaliex il-Foundation of International Studies rabtet biss ma ' kumpanija waħda biex iġġib studenti Ċiniżi meta hemm diversi oħrajn li jibgħatu studenti Ċiniżi jistudjaw barra miċ-Ċina?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor. Membru jidher illi qiegħed iħawwad korsijiet tal-lingwa Ingliża f'Malta li jkunu ta' ftit ġimgħat jew xhur ma' korsijiet universitarji li jdumu s-snin.
Informat li dwar korsijiet tal-lingwa Ingliża f'Malta l-Foundation for International Studies m'għandha ebda ftehim ma' ebda aġenzija Ċiniża.
Il-kuntratt li l-Universita` ta' Malta għandha ma' l-Austar hi dwar reklutaġġ ta' studenti Ċiniżi għall-korsijiet universitarji. L-Universita` qed timmira għal numru limitat ta' studenti Ċiniżi kull sena. Informat li s'issa m'huwiex fattibbli li jkollok diversi aġenziji fiċ-Ċina. Nixtieq inżid li studenti Ċiniżi li ma jkunux iridu jagħmlu użu mis-servizz li tagħti l-kumpanija Austar huma liberi li japplikaw dirett lill-Universita`.
Il-kumpanija Austar tirrapreżenta madwar 300 skola u universita` minn tlettax-il pajjiż fosthom l-Ingilterra, l-Awstralja, l-Kanada u New Zealand. Naħseb li dan il-fattur jindika r-reputazzjoni tal-kumpanija. Il-Fondazzjoni hi informata li ebda student m'hu qed ifittex lill-kumpanija għal danni.
Jista' l-Ministru jara jekk l-ilment huwiex minnu li hemm numru ta' skejjel primarji fil-Kottonera li ma għandhomx għalliema minħabba mard jew riżenji?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel tal-Kottonera ma hemm ebda skola li ma għandhiex għalliem jew għalliema.
Meta fl-imgħoddi irriżulta li kien hemm xi każi, dawn ġew mimlija minn 'supply teacher'.
Jistax il-Ministru b'referenza għad-domanda preċedenti rigward l-careers convention li sejra ssir f'Bay Street jinforma l-Kamra x'sejjer jkun il-programm preparat għal din is-sena?
Jista' wkoll jinforma l-Kamra jekk huwiex sejjer jsir l-istess Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-programm se jkun imqassam fi tliet taqsimiet:
1. Careers' Seminars għall-istudenti tal-Form 4 tal-Junior Lyceums
u Secondary Schools, u għall-istudenti fl-istess Form fin-Non-State
Schools.
2. Seminars fil-għaxija għall-ġenituri.
3. Inter-active sessions f'xi stabbilimenti f'Bay Street fejn l-istudenti
jingħataw tagħrif dwar karrieri f'dawn l-istabbilimenti.
Barra minn hekk, se jkun hemm stands mill-iskejjel post-sekondarji li se jagħtu tagħrif lill-istudenti dwar edukazzjoni u korsijiet wara l-Form 5.
Careers' Convention mistennija ssir f'Għawdex is-sena d-dieħla, kif s'issa hi d-drawwa.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnha x-xabla li kien hemm f'idejn l-istatwa tar-rebħa f'Misraħ ir-Rebħa, l-Birgu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond is-Sur John Boxol, Sindku tal-Birgu, x-xabla li kienet f'idejn l-istatwa tar-rebħa f'Misraħ il-Birgu qed tinżamm il-Kunsill tal-Birgu. Din ix-xabla tneħħiet minn postha minħabba x-xogħol ta' restawr li qed isir lill-istatwa.
Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol ta' reburbishment li qiegħed isir fir-Roman Villa, Mdina? X'tenders ħarġu għal dawn ix-xogħolijiet u minn min intrebħu dawn it-tender? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan ix-xogħol? L-ispejjeż se jinqasmu bejn id-Dipartiment tal-Mużewijiet u l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu u jekk fl-affermattiv, f'liema perċentaġġ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol ta' refurbishment fid-Dar Rumana jikkonsisti f'interventi ta' manutenzjoni ġenerali fuq il-bini tal-Mużew, f'installazzjoni ta' sistema ġdida ta' l-elettriku, aċċessi ġodda u servizzi iġeniċi għal persuni b'diżabilita`. Qed isir xogħol ta' żebgħa u tibjid u bdil ta' aperturi ta' l-injam. Inxtraw vetrini ġodda għad-display tal-wirt storiku Ruman.
L-Offerti li ħarġu huma:
Offerta għat-tneħijja ta' oġġetti arkejoloġiċi - E. Vella & Sons
Offert għal provvediment ta' elettriku ta' low voltage - Alberta Ltd
Offerta ta' refurbishment ta' installazzjoni ta' elettriku u plumbing - Carmel Mallia Ltd
Offerta għal xogħol ta' refurbishment fuq l-istruttura inklużi xoħgol ta' tibjid u xogħol ta' ġebel - AJ & F Attard Ltd
Xogħol ta' injam ingħata lid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet
Offerta għal stallazzjoni ta' sistema ta' CCTV's - għadha qed tiġi kkonsidrata
Il-Vetrini ġodda li ser ikunu installati inxtraw bis-saħħa ta' offerta għall-vetrini ġodda tal-Mużew Nazzjonali ta' l-Arkeoloġija, Valletta.
Il-valur ta' l-offerti ta' dawn ix-xogħlijiet jilħqu Lm21,000. Il-vetrini jilħqu s-somma ta' Lm45,000.
L-Awtorita` Maltija tat-Turiżmu ser tagħti donazzjoni ta' Lm8,000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li bdew il-kors tad-Diploma in Commerce fiċ-Ċentru ta' l-Universita' ta' Għawdex f'Ottubru 2001? B'liema kwalifiki daħlu dawk kollha li ġew aċċettati
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kors tad-Diploma in Commerce ma fetaħx din is-sena akkademika.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk humiex maħsub li jsiru xogħlijiet ta' skavar fuq fdalijiet arkejoloġiċi fir-Rabat ta' Malta matul din is-sena? Jekk iva, fejn u meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s'issa d-Dipartiment tal-Mużewijiet m'għandux maħsub skavi ta' riċerka fir-Rabat matul din is-sena. Madanakollu, id-Dipartiment jista' jkollu jintervjeni bi skavi urġenti jekk jinkixfu xi fdalijiet waqt xi xogħlijiet ta' żvilupp.
Jista' l-Ministru jara li jsiru l-arranġament meħtieġa sabiex il-bdiewa li se jitilfu r-raba tagħhom minħabba li l-art se titieħed għall-iżvilupp taċ-Ċentru tal-Boys Scouts fir-Rabat, jingħataw raba f'parti oħra tar-Rabat? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-art fejn se jsir l-iżvilupp taċ-Ċentru tal-Boys Scouts fir-Rabat qiegħda f'żona ta' l-iżvilupp. L-ammont ta' art li jista' jkun meħtieġ għal dan l-iżvilupp huwa minimu.
Jista' l-Ministru jgħid minn kemm ilha topera l-fondazzjoni għas-servizzi edukattivi
1) x'apparat
2) għamara
3) materjal ieħor
xtrat?
F'kull każ x'kien il-valur finanzjarju tan-nefqa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi nefqet dan li ġej għal apparat, għamara u materjali:
Apparat u Għamara Materjali Edukattivi
Headoffice 5,870 559
Skejjel 1,484
Gżira 1,379
Cospicua 996
Dingli 881
Għaxaq 979
Ħamrun 920
Valletta 881
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel li qed jieħdu sehem fil-programm Comenius?
Kemm minnhom talbu xi kontribut finanzjarju minn xi kunsill lokali?
Kemm minnhom kisbu flus mill-kunsilli lokali?
Kemm kisbu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Comenius hu azzjoni waħda mill-programm Socrates u hu maħsub li jiffoka prinċipalment fuq l-edukazzjoni primarja u sekondarja. L-azzjonijiet ewlenin tal-Comenius huma:
a) Proġetti ta' skejjel
b) Proġetti tal-lingwa
c) Proġetti ta' żvilupp fl-iskejjel.
Is-sehem ta' Malta fil-preżent f'dawn l-azzjonijiet huwa:
a) Proġetti ta' skejjel (2002 - 2003) - 51
b) Proġetti ta' lingwa (2002 - 2003) - 5
c) Proġetti ta' żvilupp fl-iskejjel (2002 - 2003) - 9
d) In-service Training Grants (2001 - 2002) - 22
e) In-service Training Grants (2002 - 2003) - 17.
Informat ukoll li l-EUPU u s-Socrates Co-ordinating Committee ma jżommux rekords ta' xi għajnuna li dawn il-proġetti jkunu rċevew mill-Kunsilli Lokali. Din l-għajnuna tal-Kunsilli Lokali jew entitajiet oħra (fi flus jew mod ieħor) hi kumplimentari ma' l-għajnuna li jirċievu l-iskejjel mill-EUPU u s-Socrates Co-ordinating Committee.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti, azjendi u entitajiet oħra fid-dekasteru tiegħu li jieħdu intake ta' summer workers?
Kif isiru l-għażliet?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dawn il-ġranet qed tiġi pubblikata ċ-ċirkulari li ħarġet ukoll is-sena l-oħra biex dipartimenti tal-Gvern, azjendi u entijiet pubbliċi u privati jinformaw lill-Bord għall-Għotjiet tal-Manteniment ta' Studenti kemm u fejn lesti jiffinanzjaw esperjenzi ta' xogħol għal studenti ta' l-Universita` ta' waqt il-vaganzi tas-Sajf. Id-dettalji nkunu nfuhom aktar tard.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel primarji u /jew sekondarji f'Malta u Għawdex li għandhom xi forma ta' arranġament u/jew ftehim ma' kunsilli lokali dwar l-użu ta' l-istess skejjel jew ta' partijiet minnhom fil-ġranet u l-ħinijiet ta' wara l-iskola?
Jekk fl-affermattiv, ma' liema kunsilli lokali għamluhom u fhiex tali arranġament u/jew ftehim jikkonsistu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.