Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sliema — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex ix-xogħol fi Triq Pariso u Triq il-Kurunell William Savona, Tas Sliema, jitħaffef peress li d-dewmien u t-trabijiet qed ikunu ta' inkonvenjent għar-residenti? (PQ waslet 14/5/2001)

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol li setgħa jsir fi Triq Pariso u l-kurunell William Savona tlesta. Parti mit-Triq Kurunell Savona ma setgħatx tiġi asfaltata għaliex l-iżvilupp f`din il-parti tat-triq għadu ma sarx.

Allowance

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 26419 dwar kemm kien hemm uffiċjali pubbliċi minn skala 5 il fuq kif wkoll konsulenti mal-Gvern illi mill-ewwel ta' Jannar 2001 ġew mogħtija jew żieda f'xi allowance jew xi allowance ġdid kompletament u x'pozizzjoni qed jokkupaw dawn l-uffiċjali. Jista' jwieġeb din il-mistoqsija b'riferenza għad-dipartimenti w entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huma dawn l-uffċijali? Kemm ingħatat żieda jew kemm hija l-allowance l-ġdida għal kull uffiċjal? X'inhija r-raġuni għal din iż-żieda jew allowance li qed tingħata għal kull uffiċjali?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk tingħata f' xi seduta oħra.

Slip Way

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Awtorita' Marittima tieħu ħsieb li tissewwa s-slip way fil-moll ta' ġewwa li jinsab fil-bajja tar-Ramla ġewwa Marsascala?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistosija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid it-triq li tinsab fil-bajja tar-Ramla ġewwa Marsascala, speċjalment mir-Restaurant San Tomaso 'l ġewwa, hux ser tiġi rranġata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li qabel ma jista jsir ix-xogħol kien hemm bżonn li jingħataw il-linji tat-triq. Irriżulta, iżda li peress li m'hemmx scheme fil-lokalita` dawn il-linji ma jistgħux jiġu stabiliti, għalhekk inbdew diskussjonijiet ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex ikun deċiż x`għandu jsir.

By Pass

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkomplew ix-xogħlijiet fuq il-By Pass ta' l-Imtarfa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jieħu ħsieb jipprepara l-pjan biex ix-xogħol ikun jista jiġi esegwit, skond il-prijoritajiet tax-xogħol li għandu quddiemu d-Dipartiment.

Kontijiet

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25353 jista' l-Ministru jgħid lill-Kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: (1) tikkonċerna nfiq pubbliku? (2) biex il-Kamra tkun informata, kif wara kollox huwa d-dover tal-gvern li jinforma, dwar il-pożizzjoni tal-kontijiet finanzjarji ta' l-entitajiet governattivi? (3) biex il-Kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw fi ħlasijiet u f'kontijiet pendenti huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti? Jista' jgħid ukoll jekk iħossx li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż? Jekk l-informazzjoni ma tingħatax, jista' l-Ministru jgħid għala, meta din l-informazzjoni dwar infiq pubbliku hija importanti u li l-poplu għandu dritt ikun jafha? (PQ waslet 14/5/2001)

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-onorevoli membru għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija Nru 25824. Għalkemm is-suġġett taż-żewġ mistoqsijiet huwa differenti, il-parametri huma simili u l-istess stedina li għamiltlu f'dik it-tweġiba tgħodd ukoll għal din.

Donazzjonijiet

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25330, jista' l-Ministru jagħti lill-Kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: (1) tikkonċerna nfiq pubbliku; (2) biex il-Kamra tkun assigurata li t-tqassim ta' dawn l-għoti ta' donazzjonijiet jekk sar, sar b'ġustizzja, b'fairness, bla abbuż u mingħajr favoritiżmu; u (3) biex il-Kamra tkun assigurta li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk iħossx li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż? Jista' jagħti din l-informazzjoni importanti dwar infiq pubbliku b'mod trasparenti peress li l-poplu għandu dritt ikun jaf? (PQ waslet 14/5/2001)

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-onorevoli membru għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija Nru 25824. Għalkemm is-suġġett taż-żewġ mistoqsijiet huwa differenti, il-parametri huma simili u l-istess stedina li għamiltlu f'dik it-tweġiba tgħodd ukoll għal din.

Trasport Authority

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw għal grad ta' despatcher mat-Trasport Authority fil-aħħar sejħa li kien hemm? Minn fejn kien kull applikant, u kemm kellu żmien? JIsta' jgħid kemm intgħażlu u minn fejn kienu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fl-aħħar sejħa li saret mill-M.P.O. (Ċirkolari ta' l-M.P.O. Nru. 11/2001) kien hemm 16-il applikazzjoni. Il-lokalita' ta' kull applikant u l'eta' huma kif ġej: Lokalita' Nru. ta' Applikanti Eta' Msida 2 44, 48 Balzan 1 31 Żejtun 3 43, 37, 33 Fgura 1 41 Rabat 1 38 Gudja 1 44 Żebbuġ 2 35, 37 Marsaxlokk 1 41 Victoria, Għawdex 1 28 Senglea 1 31 Attard 1 42 Buġibba 1 43 Minn dawn is-16 applikant wieħed kellu eta' aktar minn dik stabbilita fl-istess ċirkolari, jiġifieri 45, waqt li l-applikant minn Victoria, Għawdex ma kienx persuna li huwa "Uffiċjali Pubbliċi fis-Servizz" u għalhekk ma kienx eliġibbli. Mill-bilanċ ta' 14 attendew 12 għall-interview u minn dawn intgħażlu 10 li huma minn dawn il-lokalitajiet: Marsaxlokk - 1 Buġibba - 1 Żejtun - 2 Fgura - 1 Rabat - 1 Gudja - 1 Qormi - 1 Żebbuġ - 2

Qormi — Triq il-Mitħna

Question

Jista' l-Ministru jgħid min se jkun responsabbli għal kisi bit-tarmak ta' Triq il-Mitħna, Ħal Qormi, jekk hux il-Gvern Ċentrali jew il-Kunsill Lokali ta' Ħal qormi in vista tas-sejħa għall-offerti Avviz Nru. 24/01 li deher fil-Gazzaetta tal-Gvern fit-30 ta' April 2001? Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li dan ix-xogħol jinbeda u jitlesta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li la darba l-Avviż Nru 24/01 ħareġ mid-Dipartiment tat-Toroq, dan huwa l-entita` responsabbli mix-xogħol li ried isir. Fil-fatt ix-xogħol ta` bini w asfaltar ta` din it-triq tlesta u din issa tgħaddi għand il-Kunsill Lokali ta` Ħal Qormi sabiex ikompli jieħu ħsieba għall-quddiem.

Zona Industrijali ta' l-Imrieħel

Question

Jista' l-Ministru jiddentifika t-toroq fiz-Zona Industrijali ta' l-Imrieħel (zona mhux ta' l-MDC), Ħal Qormi li nħarġet l-offerta bin-numru tar-riferenza CT 154/2001 fil-gazzetta tal-Gvern tat-30 ta' April 2001, biex jinbnew it-toroq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li t-toroq fiż-żona ta` l-imrieħel fejn qed isiru x-xogħolijiet ma jidhirx li għad għandhom isem, qed nissottometti pjanta li tiddentifika t-triq fejn se jsiru.

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 25427 u li originarjmanet kienet saret lil Ministru ta' l-Agrikoltura u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe jara li tiġi rranġata t-Triq ta' Għajn Tuta fl-Aħrax tal-Mellieħa (mappa mibgħuta separatament) li jintuża min ħafna bdiewa kif ġioe spjegat lilek f'ittra mibgħuta lilek fit-28 ta' Frar 2001?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex issir spezzjoni f`dawn it-toroq sabiex jiġi stabbilit l-istat ta` manutenzjoni tagħhom u biex flimkien mal-Kunsill Lokali jiġi stabbilit x`għandu jsir.

Wied il-Għajn

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru toroq mill-Gvern f'Wied il-Għajn mill-1999 'l hawn? JIsta' jagħti lista' ta' ismijiet ta' dawn it-toroq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ewwel tlett toroq mhurija hawn taħt huma lesti. It-toroq l-oħra ndikati huma dawk li fuqhom qed isiru preparamenti għall-ħruġ tat-tenders. TOROQ Triq Mintba Triq Menħir Parti minn Triq Sant'Antnin Car Park u parti minn Promenade St. Thomas Bay Triq Għaxqet il-Għajn Triq Gidwet Triq Munxar Triq Patri Wistin Borne Triq Mriekeb Parti minn Triq Vajrita Triq Qawwara Triq is-Sibbien Parti minn Triq Qrenpuċ u Triq Ġdida fi Triq l-Iskal

Planning Authority

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni rigward il-ħajt madwar barumbara li hemm fi Triq ir-Redentur, Ħaż-Żabbar, liema ħajt huwa l-kawża ta' bosta inċidenti u li jservi ta' inkonvenjent għan-nies li joqgħodu hemm u li jgħaddu minn hemm? Issa li l-file reġa' qiegħed għand id-dipartiment tat-toroq wara li għadda tat-toroq wara li għadda mill-planning authoirty jista' jgħid x'se jiġri?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 24301. Is-sitwazzjoni għadha ma nbidlitx għalkemm id-Dipartiment kellem diversi drabi lill- uffiċjali responsabbli għall- ħruġ ta` permessi fl-Awtorita` ta` l- Ippjanar.

Madliena — Triq il-Ward

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li triq ġdida ġo Triq il-Ward fil-Madliena tinbena u tingħata l-asfalt? (PQ waslet 13/5/2001)

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed f`diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali biex jiġi stabbilit il-programm tax-xogħol għal lokalita` u x-xogħolijiet isiru skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Dipartiment.

Traffic Island

Question

Jista' l-Ministru jibgħat rappresentant mid-Dipartiment tat-Toroq sabiex jara u jinvestiga l-istat tat-triq Marzebb, Żabbar kif wkoll li jara kif tista' tinbidel traffic island li saret recentement u li qegħda tkun kaġun ta' sewqan ħażin u perkoluz?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex issir spezzjoni li ssuġġerixxa l-Onor. Interpellant.

Ħajt tas-Sejjiegħ

Question

Jista' l-Ministru jara li jitella' l-ħajt ta' sejjiegħ li hemm fl-għalqa minn fejn għaddiet Triq il-Pellegrinaġġ tar-Roti peress li din l-għalqa ilha f'dan l-istat min meta nfetħet din it-triq? Kopja tas-site plan qed tintbagħat separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara il-Każ imqajjem mill-Onor. Interpellant speċjalment biex jiġi stabbilit jekk il-ħajt li qed jirreferi għaliħ huwiex responsabbilita` tal-Gvern li jittella jew le.

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jara li jitkompla x-xogħol f'dawn it-toroq peress li waqaf bla raġuni i) Triq Bieb is-Sultan ii) Triq il-Berebies ġewwa Ħaż-Żabbar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-proċess biex isir expropriation ta' l-art li trid tittieħed f'Bieb is-Sultan għadu għaddej u għalhekk ix-xogħol ma jistax jitkompla għalissa. Il-kuntratt għax-xogħol fi Triq Berebies kien intrebaħ mill-kumpanija Roads Group u li d-Dipartiment tat-Toroq qed jagħmel l-arranġamenti biex ix-xogħol ikun jista' jitwettaq.

Baħrija/Imtaħleb

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġu rranġati t-toroq li minnhom tidħol għal Baħrija u l-Imtaħleb peress li nħolqu ħofor kbar li qed joħolqu perikolu kbir fis-sistema tat-traffiku f'dawn l-inħawi tal-kampanja li ssebbaħ ir-Rabat ta' Malta? Jista' l-Ministru jieħu dawn il-passi immedjatament qabel ma jseħħ xi inċident fatali? Billi fil-parti tat-tarf ta' ġewwa ta' l-Imtaħleb, cioe' fil-parti tat-triq qabel ma tmiss mal-konfini tal-Baħrija, qed jibda jinġema ħafna skart ta' l-oġġetti mkissra u fdalijiet oħra, jista' l-Ministru ġentilment jawtorizza li jsir it-tindif u jara li jiġi mwaħħal xi forma ta' avviż fl-entratura ta' l-Imtaħleb sabiex ħadd ma jarmi skart f'dawnl-inħawi?a

Response (GALEA, ĊENSU)

Id-Dipartiment tat-Toroq diġa ddiskuta din it-talba mal-Kunsill Lokali tar-Rabat, u ser jiġi deċiż x'għandu jsir dwarha sakemm ikun jista' jsir ix-xogħol totali li hemm bżonn isir.

Reklami

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari rnu. 25318, jista' l-Ministru jgħati lill-kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: 1) tikkonċerna nfieq pubbliku? 2) biex il-kamra tkun assigurata li t-tqassim ta' dawn ir-reklami u l-infieq imsemmi qiegħed jikkonferma bil-fatti li l-proċeduri f'dan ir-rigward saru u qed isiru b'trasparenza, mingħajr ħabi bla bżonn u bla abbuz u mingħajr favoritiżmu? u 3) biex il-kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti? Peress li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li l-proċeduri f'dan ir-rigward saru u qed isiru b'trasparenza, mingħajr ħabi bla bżonn u bla abbuż, fin-nuqqas ta' l-informazzjoni mitluba ma jkunx jqiegħed jonqos milli jgħati informazzjoni importanti dwar infieq pubbliku b'mod trasparenti li l-poplu għandu dritt ikun jaf?

Response (GALEA, ĊENSU)

Infakkar lill-Onor. Membru li biex tinġabar l-informazzjoni dettaljata dwar kull reklam li sar f'dawn l-aħħar tlett snin minn kull dipartiment u kull entita' oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, kif qiegħed jitlob li jsir, ikun jeħtieġ l-użu ta' riżorsi umani li wkoll jinvolvi nfieq pubbliku. Jien miniex soddisfatt li l-utilita' ta' l-informazzjoni dettaljata mitluba fil-mistoqsija Nru. 25318 tiġġustifika li jien nordna li din għandha tinġabar. Jekk, iżda, l-Onor. Interpellant għandu xi provi ta' każi partikulari fejn il-proċeduri ma sarux "b'trasparenza, mingħajr ħabi, bla bżonn u bla abbuż u mingħajr favoritiżmu" jgħidhomli u jien nara li jittieħdu l-passi meħtieġa.

Liquid Gas

Question

Peress ili l-Ministru ma' kienx f'pozizzjoni li jweġibni għall-mistoqsija tiegħi jekk jirriżultax li l-karozzi bl-liquid gas xorta jkollhom jużaw il-petrol sabiex jistartjaw, jista' jara li jsir dan l-istħarriġ u jinfurmani fl-affermattiv?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li karozzi li jaħdmu bil-liquid gas m'għandhomx bżonn petrol biex jistartjaw.