Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie impurtat qamħ għall-produzzjoni tal-ħobż matul is-sena kalendarja 2000 mill-kumpanija Medigrain Ltd?
Jista' jgħid kemm ġie impurtat qamħirun għall-annimali matul l-istess sena 2000 mill-kumpanija Medigrain Ltd?
Jista' l-Ministru jgħid kemm minn din l-importazzjoni totali ta' qmuħ kienet maħżuna fit-Terminal ta' Kordin?
Jista' jgħid kemm kienet is-somma mħallsa f'dan il-perjodu mill-Kumpanija Medigrain lill-Kordin Grain Terminal f'dan ir-rigward?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul is-sena 2000 il-Medigrain impurtat 55,053 tunnellata qamħ għall-produzzjoni tal-ħobż u 72,983 tunnellata qamħirrun għall-annimali. Il-qamħ u l-qamħirrun kollu mpurtat kienu maħżuna fit-Terminal ta' Kordin. L-ammont imħallas matul is-sena li għaddiet mill-Medigrain lill-Kordin Grain Terminal għall-ħażna tal-qamħ u l-qamħirrun kien ta' Lm286,346.
Jista' l-Ministru jgħid kif inhu kompost u minn min il-board tal-Kordin Grain Termincal Co. Ltd. u tal-Medigrain Company Ltd?
Jista' jgħid meta sar l-aħħar tibdil ta' segretarji tal-Bord ta' dawn iż-żewġt kumpaniji?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-preżent, il-Bord tad-Diretturi tal-Kumpanija Kordin Grain Terminal huwa ffurmat mis-Sur Charles Demicoli bħala Chairman u s-Sinjuri George Borg, Tony Agius, Joseph Mifsud, Edmund Gatt Baldacchino, Albert Rutter u Raphael Toledo bħala Diretturi.
L-aħħar tibdil li kien hemm rigward is-Segretarju ta' din il-Kumpanija kien b'seħħ mill-1 ta' Jannar 1997 meta s-Sur Alex Agius ħa post is-Sur Paul Bezzina wara li fl-1 ta' Diċembru 1996 kien ġie nominat Bord tad-Diretturi ġdid.
Bħalissa, il-bord tad-Diretturi tal-Kumpanija Medigrain huwa ffurmat mis-Sur Anthony Agius bħala Chairman, is-Sur Paul Abela bħala Deputat Chairman u s-Sinjuri Gaetan Buttigieg, Oliver Ellul, Maurice L. Petrococchino u Franco Serracino Inglott.
Is-Segretarja tal-Bord hija l-Avukatessa Rachael Bonello u l-aħħar tibdil f'dan ir-rigward sar fl-1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se titla s-somma totali li se titħallas lit-38 student Universitarju li l-Enemalta se tħaddem fis-sajf?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-tmienja u tletin student universitarju li l-Korporazzjoni Enemalta ser tħaddem matul ix-xhur tas-Sajf. ser jitħallsu skond kif provdut fiċ-Ċirkulari numru 23 ta' l-2001 maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-4 ta' Mejju 2001.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol li qed isir bħalissa fil-Malta Shipbuilding? Jista' jgħid kemm baqa' xogħol (f'termini ta' xhur) fuq kull biċċa xogħol? X'xogħol hemm ipprogrammat għall-istess azjenda għax-xhur li ġejjien, wara li jitlesta x-xogħol li hemm għaddej bħalissa, u dan sabiex ikun garantit l-impjieg tal-ħaddiema ta' l-istess Malta Shipbuilding?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħalissa l-Malta Shipbuilding għaddejja bil-bini tat-tielet vapur għall-Kumpanija Gozo Channel. Ix-xogħol huwa maħsub li jkun lest sa l-aħħar ta' din is-sena.
Fl-istess waqt qed isir ukoll xogħol fuq bini ta' barkun għal sidien barranin. Dan ix-xogħol għandu jitlesta sa nofs Lulju li ġej. Hemm ukoll xogħol ta' fabrikazzjoni u twaqqif ta' "flare tower" għall-F.P.S.O. li qed jinħadem fit-Tarzna ta' Malta. Hu maħsub li dan ix-xogħol jitlesta fi żmien sitt ġimgħat.
Fir-rigward ta' xogħol ieħor għat-tarzna, qiegħed isir sforz sabiex jiġi attirat xogħol ġdid li jkun vijabbli. Hemm diversi proġetti li l-Malta Shipbuilding ikkwotat għalihom u qed isiru diskussjonijiet aktar fil-qrib ma' sidien li jistgħu joffru xogħol għal din it-tarzna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema barranin jaħdmu fuq il-vapur Northia li hemm fit-tarzna bħalissa? Jista' jgħid jekk dawn il-ħaddiema għandhomx is-salarju tagħhom ġej mill-MDD? Jekk fl-affarmettiv, x'inhu dan is-salarju u jekk hemmx xi benefiċċji oħra? Kemm kien stmat li ser iqum ix-xogħol fuq in-Northia u kemm kellu jdum? Jista' jindika xi profitti ser tagħmel it-tarzna u jekk inżammitx it-target date li jitlesta x-xogħol, u allura jekk fin-negattiv jekk it-tarzna hux ser tbat konsegwenzi finanzjarji?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li meta daħlet għall-kuntratt tan-Northia, it-Tarzna ħtiġilha tqabbad sub-contractors barranin biex jipprovdu servizzi speċjalizzati. It-Tarzna ftehmet fuq ħlas għal dawn is-servizzi u m'għandhiex x'taqsam ma' ħlasijiet li s-sub-contractors jagħmlu lill-impjegati tagħhom.
It-Tarzna ma għandha l-ebda tort fid-dewmienli kien hemm fuq dan il-proġett. L-informazzjoni l-oħra mitluba hija ta' natura kummerċjali u għaldaqstant mhux fl-interess ta' l-istess azjenda li din tingħata.
Filwaqt li napprezza dak li ntqal mill-Ministru fir-risposta tiegħu, jista' jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26215?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għamlet madwar 3,500 intervent fil-provvista ta' l-ilma f'diversi postijiet f'Malta. L-akbar persentaġġ fis-sospensjonijiet kien ta' anqas minn sitt sigħat. Ir-raġunijiet għal dawn is-sospensjonijiet kienu manutenzjoni jew tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni.
Kien hemm madwar għaxar sospensjonijiet biss li damu madwar 24 siegħa sabiex ikunu jistgħu jitwettqu l-eżerċizzji tal-programm tal-kontroll tat-telf ta' l-ilma. Dawn l-eżerċizzji normalment ikunu konċentrati fi ftit toroq biss.
Kien hemm ukoll sospensjonijiet fin-naħa tal-lvant ta' Malta f'postijiet għoljin. Dawn is-sospensjonijiet damu madwar disat ijiem u kienu riżultat ta' azzjoni industrijali fl-impjant tar-reverse osmosis ta' Pembroke.
Il-kawża tas-sospensjonijiet fuq skala ġenerali jinġabru f'dawn il-kategoriji:
1. Tqegħid u tiswijiet ta' mains
2. manutenzjoni u bdil ta' sluice valves
3. manutenzjoni fl-impjant tar-reverse osmosis
4. minħabba s-sospensjoni tal-provvista ta' l-elettriku
5. bdil u manutenzjoni ta' master meters
6. installar ta' master meters ġodda
7. ikkappjar u alterazzjoni ta' mains
8. tiswijiet fuq Pressure Reducing Valves (PRV)
9. installazzjoni ta' Pressure Reducing Valves (PRV)
10. twaħħil ta' Air Valves
11. zone investigations, step testing u dry tests in konnessjoni mal-programm tal-kontroll ta' telf ta' ilma
12. tiswijiet fil-Booster Pumps.
Jista' l-Ministru jara li arloġġ tad-dawl u l-ilma li jinsab fir-raba' sular isirlu tibdil biex jitniżżel fis-sular ta' isfel peress li l-meter reader ma jkunx irid jitla' jaqrah? Id-dettalji tal-persuna qed jintbagħtu separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-talba tagħha ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet is-somma minfuqa f'xiri ta' żebgħa mill-kumpanija Medigrain matul is-sena 2000?
Jista' jgħid xi proċeduri ntużaw biex inxtrat din iż-żebgħa u liema kumpanija issupplixiet din iż-żebgħa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2000 il-Kumpanija Medigrain xtrat 1,535 litri żebgħa għas-somma ta' Lm2,822. Id-ditta Hempels Marine Paints (Malta) Limited issupplixxiet din iż-żebgħa u x-xiri sar permezz ta' kwotazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi mibdula l-bozza li ilha maqtugħa madwar tmien xhur ħdjen Blk 3, Flat 5, Triq id-Deheb Fin, Ħal Qormi? Jista' l-Onor Ministru jara li tittieħed l-azzjoni meħtieġa biex jingħeleb l-inkonvenjent li jippreżenta insigurta' għar-residenti tal-madwar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-manutenzjoni meħtieġa fuq il-lampa msemmija diġa saret.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtarax żejt mill-Libja f'dawn l-aħħar tliet xhur? Jekk iva, kemm inxtara? Dan kien bi prezz issussidjat jew bil-prezz tas-suq?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nikkonferma li matul dawn l-aħħar tlitt xhur inxtara żejt mill-Libja. Bejn il-25 ta' Frar u l-24 ta' Mejju 2001 inxtraw 128,348,803 tunnellati metriċi ta' żejt minn dan il-pajjiż. Il-prezz ta' dan iż-żejt kien dak tas-suq, imma hemm arranġament li jipprovdi prezz preferenzjali skond il-ftehim bejn l-Enemalta u n-National Oil Company.
Jista' l-Ministru jgħid kif jispjega l-fatt li l-anzjana li għanda l-account numbru 970247 400- 0 irċeviet kont ta' Lm 659.77 għall-konsum tad-dawl u l-ilma?
Jista' jara li jinstab l-iżball u l-anzjana tiġi infurmata bil-kont propju?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma nvestigat il-każ u nstab li l-qari ta' l-arloġġ ta' l-ilma u tad-dawl li ttieħed f'Jannar ta' din is-sena ma kienx korrett. Għaldaqstant il-Korporazzjoni ser tieħu ħsieb li tirrevedi l-kont tal-konsumatur imsemmi skond il-qari ta' l-arloġġ li ttieħed f'Mejju li għadda.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li mal-Kumpanija Medigrain, apparti l-executive chairman ġew maħtura deputy chairman u general manager?
Jista' jgħid min iddeċida li jsiru dawn il-ħatriet u separatament kemm jammontaw is-salarji jew rimunerazzjoniet ta' kull ħatra?
Jista' jgħid x'kienet il-ħtieġa għal dawn il-ħatriet u jekk ingħatax l-approvazzjoni tiegħu għalihom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-ħatra ta' Deputat Chairman u ta' General Manager fil-Kumpanija Medigrain saret għal raġunijiet ta' natura amministrattiva. Il-ħatra ta' Deputat Chairman, li għandu remunerazzjoni ta' Lm4000 fis-sena, u dik ta' General Manager, li għandu remunerazzjoni annwali ta' Lm13,000, saru wara li nkisbet l-approvazzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karrozza mxtrat min kull kumpanija li taqa' fir-responsabilita tal-MIMCOL mill-1 ta' Jannar 1996 sa l-aħħar tas-sena 2000, f'liema data nxtrat u f'liema data nxtrat u f'liema xahar u sena bdew jintużaw?
Jista' jgħid kemm swew flus dawn il-karozzi lill-kumpaniji b'mod separat?
Jista' jgħid jekk proċeduri li jeżistu biex jinxtraw dawn il-vetturi hux dejjem ġew segwiti?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema ma' l-Air Malta minn 1990 sal-lum? Jista' jgħid minn liema lokalita' ġejjin il-ħaddiema illum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema permanenti ma' l-Air Malta fil-31 ta' Marzu ta' kull sena bejn l-1990 u s-sena kurrenti kien hekk
1990 1,444 1991 1,412
1992 1,391 1993 1,468
1994 1,554 1995 1,654
1996 1,715 1997 1,716
1998 1,709 1999 1,728
2000 1,745 2001 1,743
Dawn il-ħaddiema ġejjin prattikament minn kull belt u raħal ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema mat-TeleMalta/Maltacom minn 1990 sal-lum? Jista' jgħid minn liema lokalita ġejjin il-ħaddiema illum?
Response (BONNICI, JOSEF)
In-numru ta' impjegati tal-Maltacom sena b'sena mill-1990 sa llum kien hekk
SENA TELEMALTA/ XANDIR
MALTACOM MALTA
1990 1,609 273
1991 1,859 247
1992 1,805 245
1993 1,772 218
1994 1,753 208
1995 1,756
1996 1,773
1997 1,743
1998 1,686
1999 1,511
2000 1,401
2001 1,395
Il-ħaddiema li fil-preżent hemm jaħdmu mal-Maltacom ġejjin minn 67 lokalita' f'Malta u 15-il lokalita' f'Għawdex.
Jista' l-Ministru jirrispondi il-mistoqsija parlamentari nru. 26128?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tinkorpora ċertu dettalji u għaldaqstant wieħed jifhem li tali nformazzjoni ma tistax tingħata mil-lum għal għada. Madanakollu appena din l-informazzjoni kif mitluba tinġabar, din tiġi ppubblikata.