Strateġija Nazzjonali dwar l-Ambjent — inizjattivi
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-inizjattivi meħuda mill-Ministeru tiegħu bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Ambjent minn Marzu 2013 ‘il hawn? Jista' l-Ministru jgħid liema inizzjattivi mniżżla fl-istess pjan ma setgħux jiġu implimentati u għaliex?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tniegħda proċess ta’ monitoraġġ sabiex jara kif il-politika nazzjonali tiġi implimentata. Ta min ifakkar illi l-Politika Nazzjonali dwar l-Ambjent fiha 39 policy u 208 miżura li jiddependu mill-ħidma ta’ diversi Ministeri u entitajiet sabiex jiġu mwettqa. Għal dan il-għan ġew appuntati Focal Points għall-implimentazzjoni tal-NEP fil-Ministeri kollha. Il-Ministeru fir-rwol ta’ koordinament għamel sensiela ta’ laqgħat mal- Focal Points biex isegwi l-ħidma tagħhom. L-istatus riċenti juri li m’hemm l-ebda miżura li ma tistax tiġi mwettqa.
Jista' l-Ministru jgħid meta ltaqa' l-aħħar il-kumitat dwar is-siġar li kien waqqaf xi xhur ilu? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta' dan il-kumitat mit-twaqqif tiegħu sa issa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kif jafu l-membri tal-kumitat nfushom, il-kumitat kien wieħed ad hoc u purament konsultattiv, li twaqqaf bil-ħsieb li l-Gvern tal-lum, fi stadju ulterjuri, jkun jista’ jikkunsidra l-ħsara li saret lis-siġar wara li l-Gvern preċedenti kien għadda avviż leġali li bih, fil-fehma ta’ ħafna esperti, fosthom xi membri tal-kumitat spiċċa biex dgħajjef il-ħarsien tas-siġar fiż-żoni urbani. Għaldaqstant ma nħossx li jkun xieraq li t-talba tal-Onor. Interpellant tiġi milqugħa.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop tal-Kunsill Xjentifiku Konsultattiv dwar l-Ambjent li dan l-aħħar ġie mħabbar li se jitwaqqaf? Minn min se jkun kompost? Meta dan jitwaqqaf, lejn min se jkun iwieġeb, lejn il-Ministeru jew lejn l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan il-Kunsill Xjentifiku Konsultattiv dwar l-Ambjent ser jitwaqqaf għall-istess skop li għalih twaqqfu kumitati simili f’pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea. Dan il-Kumitat ser jitwaqqaf matul din is-sena amministrattiva u bħal f’pajjiżi oħra ser ikun responsabbli lejn il-Ministru li jaħtru.
Peress li f'intervista ma' The Sunday Times of Malta tat-13 ta' April 2014 il-Ministru aċċenna għall-fatt li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li se titwaqqaf se tkun tista’ tappella quddiem it-Tribunal tal-Appelli, jista' l-Ministru jgħid minn min se jkun magħmul dan it-tribunal u kif se jintgħażlu l-membri tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
L-Onor. Interpellant suppost jaf li l-Gvern ħareġ biss dokument ta’ konsultazzjoni li għad irid jiġi ffinalizzat.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9051, billi r-risposta tittratta fuq xogħol strutturali marbut mal-pitkalija u mir-risposta qed jirriżulta li se jinxtara makkinarju għall-grading, forklifters u affarijiet oħra, jista’ l-Ministru jgħid min se jkun qed juża dan il-makkinarju u għal liema skop?
Response (BRINCAT, LEO)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li kif diġa weġibt għall-mistoqsija parlamentari Nru. 9051 il-makkinarju għall-grading, forklifters u affarijiet oħra ser jinxtara u jintuża bħala parti minn proġett pilota mniedi fl-2012 u li ser ikun ġestit minn Pitkalija Ltd u l-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa skont l-applikazzjoni għall-fondi tal-EU li saret fl-istess sena 2012.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinfetaħ il-water park li hemm f'Buġibba din is-sena ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li qegħdin isiru l-arranġamenti neċessarji biex il-water park jerġa' jiftaħ għall-pubbliku bħas-sena l-oħra, jiġifieri għall-bidu ta’ Lulju.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xogħlijiet lill-individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn l-1998 u Marzu 2013, sena b’sena (inkluż ħatriet f’bordijiet)? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli, x-xogħlijiet li ngħataw lill-individwu li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament jammontaw għall-€1888 kif jidher fit-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' kollaborazzjoni kien hemm mill-Ministeru, jew mal-Ministeru, fl-organizzazzjoni tal-Festa tal-Frawli fl-Imgarr u Festa tal-Ħalib fil-Għargħur, li t-tnejn inżammu l-Ħadd 6 ta' April?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ż-żewġ festi inkwistjoni ġew organizzati mill-Kunsilli Lokali rispettivi li t-tnejn li huma kkollaboraw mar-Rural Festivities Unit fi ħdan il-Ministeru sabiex ingħatat għajnuna loġistika u teknika kif ukoll użu ta’ armar u affarijiet oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol marbut mal-bidliet strutturali li suppost għandu jsir fil-Pitkalija? Meta għandu jinbeda dan ix-xogħol li ilu mistenni li jsir? Fiex wasal il-proċess tat-tendering?
Response (BRINCAT, LEO)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-ħtieġa tar-riforma tal-Pitkalija kienet ilha kkontemplata sa minn qabel l-2004 u kien biss lejn l-aħħar tal-2012 li l-amministrazzjoni preċedenti ħasset il-ħtieġa li tniedi proġett pilota u waqqfet il-Pitkalija Ltd biex tattwa dan il-proġett.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-proġett pilota għar-riforma tal-Pitkalija issa qiegħed fl-istadju fejn se jibda l-proċess tax-xiri ta' makkinarju għal- grading, makkinarju tal-ipproċessar, kif ukoll xiri ieħor relatat bħal panelli solari, fork lifters u affarajiet oħra. Għal dan ix-xiri qed jiġu ppreparati d-dokumenti tat- tenders.
Ninsab infurmat ukoll li l- proġett pilota jinkludi xogħol ta' bdil ta’ saqaf tal-asbestos u r-refurbishment fuq l-istess post. Dan ix-xogħol għadu ma bediex.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Xogħlijiet lill-Kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn l-2011 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ma ngħata l-ebda xogħol lill-kumpanija li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament.
Billi fil-media reġa' kien hemm rapporti dwar is-suppost influwenza negattiva fuq il-ħajja tal-bniedem minn bexx li jsir fuq ħaxix ħazin, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx tfassal xi programm partikulari mal-Ministeru għas-Saħħa biex titwassal informazzjoni korretta għand il-mara tad-dar?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-materja ma taqax taħt il-Ministeru tiegħi u għalhekk l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' spezzjonijiet qed jagħmel il-Ministeru biex jassigura li l-majjal li jiġi minn barra ma jinbiegħx bħala prodott lokali, imma bħala prodott li ġej minn pajjiżi oħra?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assigurat li l-fniek li jaslu minn barra minn Malta jinbiegħu bħala laħam minn barra u mhux bħala laħam lokali? X'passi qed jieħu l-Ministeru biex jgħin l-industrija lokali kontra dan it-tip ta' bejgħ qarrieqi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru border inspection points biex jiġi assigurat li l-prodotti agrikoli u annimali li jidħlu f'Malta ma jinbiegħux bħala prodotti lokali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi filwaqt li ninsab infurmat li hemm tlett Border Inspection Posts, nitolbu jirreferi l-kumplament tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' għajnuna qed jagħti lid-dwana Maltija biex jiġi assigurat li ħut li jiġi minn pajjiżi terzi jinbiegħ bħala ħut li ġej minn tali pajjizi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fir-rigward ta’ importazzjoni ta’ ħut minn pajjiżi terzi, d-Dwana ma jirrillaxxawx il-konsenja qabel ma din tiġi ċċertifikata mid-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura, wara li jkunu saru l-ispezzjonijiet skont kif teħtieġ il-liġi.
Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — PR u media events – nefqa totali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta' Marzu 2013 sal-lum xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività? Kemm kienet in-nefqa fuq backdrops, dawl, sound u faċilitajiet oħra awdjoviżivi? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet? Dawn intgħażlu wara sejħa pubblika?
Response (BRINCAT, LEO)
Għal perjodu li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellant, skont l-informazzjoni li għaddewli, mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali saru 42-il event li għalihom l-ispiża kienet ta’ €250 + VAT. Ix-xogħol ingħata skont ir-regolamenti tal-procurement tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-piż totali ta' klieb u qtates mejta u li ġew imraqda fl-Għammieri jew fiċ-Ċentru San Franġisk li ntbagħtu l-WasteServ f'Jannar 2014 u Frar 2014?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-perjodu ta’ Jannar 2014 u Frar 2014 intbagħtu l-WasteServ total approssimattiv ta’ 420 kilogramma (kg) ta’ annimali mejta li mietu fl-Għammieri jew li mietu jew traqqdu fiċ-Ċentru San Franġisk.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm klieb u qtates fil-gaġġeġ tal-kwarantina fl-Għammieri? Jista' jgħid kemm-il darba u kif dawn il-gaġġeġ jiġu sterelizzati sabiex ma jinxteridx mard?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li bħalissa qed jinżammu tnejn u tletin (32) qattus u ħamest (5) ifriegħ tal-qtates ġo gaġġeġ fil-kwarantina tal-Għammieri. Dawn il-gaġġeġ jiġu imnaddfa u sterilizzati kuljum permezz ta’ disinfettanti approvati skont it-tip ta’ mard li jkunu jsofru minnhom il-qtates.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-adoption rate ta' klieb u qtates li jinsabu fl-Għammieri? X'qed jagħmel biex din ir-rata tiżdied?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li r-rata ta’ adozzjoni hija ta’ madwar 440-il kelb fis-sena u 160-il qattus fis-sena. Id-Direttorat nieda sit eletroniku fuq is-social media fejn l-pubbliku jkun jista’ jara l-annimali li jkunu offruti għall-adozzjoni. Barra minn hekk numru ta’ uffiċjali jagħmlu promozzjoni tal-adozzjoni fuq diversi programmi fuq il-media li jinkludi programmi televisivi kif ukoll radjofoniċi. Ninsab infurmat ukoll li saru diversi attivitajiet inklużi mixjiet bil-klieb u attendenza f’ diversi attivitajiet fejn l-adozzjoni tal-annimali tiġi promossa.