Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm studenti f’din is-sena akkademika fl-iskejjel primarji ta’ Ħaż-Żabbar? Kemm hemm bniet u kemm hemm subien?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti f'din is-sena skolastika fl-iskejjel primarji ta' Ħaż-Żabbar, hu kif se nsemmi:
Subien
Bniet
Total
St Margaret College Zabbar Primary A
264
217
481
St Margaret College Zabbar Primary B
193
221
414
It-total tal-Iskola Primarja 'A' jinkludi studenti minn Kindergarten 1 sa Year 2.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm studenti f’din is-sena akkademika fl-iskola Primarja tax-Xgħajra? Kemm hemm bniet u kemm hemm subien?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti f'din is-sena skolastika fl-iskola primarja tax-Xgħajra, minn Kindergarten 1 sa Year 6, hu ta' 135. Minn dan it-total, 60 huma bniet filwaqt li 75 huma subien.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji kollha ta’ dawk il-persuni li mill-1 ta’ Ottubru ’l hawn, ġew ingaġġati mal-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru bħala persons of trust? Jista’ jqiegħed kopja tal-kuntratti tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Ottubru 2014 ‘l hawn ġew ingaġġati fil-Ministeru jew direttorati/entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi sitt persuni bħala persons of trust. Wieħed minnhom kien diġa' f'position of trust iżda kien jokkupa kariga oħra. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji ta’ fejn ġew ingaġġati u l-pożizzjoni ta’ dawn is-sitt persuni flimkien mas-salarju, perkaċċi, u d-data tal-ingaġġ.
Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-persuni li huma fis-Segretarjat tiegħi huma kollha persons of trust li l-kuntratt tagħhom huwa bbażat fuq id-dokument Engagement of Staff for Ministers Secretariat.
B’referenza għal artiklu li deher fl-ewwel paġna tal-ħarġa tal-gazzetta The Times of Malta ta’ nhar it-Tnejn 30 ta’ Marzu 2015, jista’ l-Ministru jgħid ma’ min u x’forma ta’ konsultazzjoni saret dwar ir-riforma fl-edukazzjoni vokazzjonali u riorganizzazzjoni tsl-MCAST hekk kif imsemmi fl-istess artiklu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li uffiċjali mill-Kulleġġ għamlu u qed jissoktaw b’konsultazzjoni interna kif ukoll konsultazzjoni esterna inkluż laqgħat mat-trejd unjins rappreżentati fl-MCAST. Il-President tal-Bord tal-Gvernaturi u l-Prinċipal iltaqgħu ma’ diversi gruppi ta’ impjegati biex jispjegaw ir-riforma u jieħdu feedback. Dawn il-laqgħat, inkluż laqgħa mar-rappreżentanti tal-istudenti u l-għaqdiet tal-istudenti, se jissoktaw fil-ġimgħat li ġejjin.
B’referenza għal artiklu li deher fl-ewwel paġna tal-ħarġa tal-gazzetta The Times of Malta ta’ nhar it-Tnejn 30 ta’ Marzu 2015 dwar ir-riforma fl-edukazzjoni vokazzjonali u l-MCAST, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet ir-riċerka li fuqha mistennija tkun ibba¿ata din ir-riforma u kemm qiegħda tiġi tiswa? Jista’ jgħid ukoll min hu responsabbli għal din ir-riċerka?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-riċerka ilha ssir numru ta’ xhur u tibqa’ għaddejja matul il-kors tal-implimentazzjoni .
L-MCAST iddiskutiet din ir-riforma ma’ Università ewlenija Ġermaniża fost l-oħrajn kif ukoll sar eżerċizzju estensiv intern mit-
top management
tal-MCAST sabiex ġiet imfassla l-proposta.
San Pawl il-Baħar — żvilupp dwar bini ta' skola primarja
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żvilupppi ġodda għal dak li jirrigwarda l-bini ta' skola primarja ġdida f'San Pawl il-Baħar? Jekk iva, x'kiienu dawn l-istess żviluppi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li f'dan l-istadju l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada qegħda tħejji l-pjanti neċessarji biex b'hekk tkun tista' tissottometti l-applikazzjoni l-MEPA għall-bini ta' skola ġdida fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar.
Laqgħa informali tal-Ministri tal-Edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’ġie effettivament diskuss fil-laqgħa informali għall-Ministri tal-Edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea li saret fis-17 ta’ Marzu f’Pariġi? Minn min kien akkumpanjat? X’laqgħat bilaterali kellu? X’pożizzjoni ttieħdet minn pajjiżna dwar id-diskussjoni tal-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, tolleranza u non-diskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-laqgħa informali għall-Ministri tal-Edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea li saret f’Marzu f’Pariġi, ġie diskuss kif l-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jilqgħu għall-isfidi li joħorġu mill-inklużjoni soċjali, radikaliżazzjoni u ċittadinanza, liema sfidi ħarġu b’mod qawwi u ikrah f’attakki terroristiċi riċenti f’żewġ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Il-messaġġ tal-laqgħa kien li l-edukazzjoni tilgħab parti importanti mis-soluzzjoni u li bejn is-sistemi edukattivi tal-gvernijiet nazzjonali hemm spazju għal koperazzjoni biex jintgħelbu dawn l-isfidi komuni. Għal-laqgħa kont akkumpanjat mis-Sur Joseph Micallef, Direttur Riżorsi Umani fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Ma kienx hemm laqgħat bilaterali uffiċjali.
Rigward x’pożizzjoni ttieħdet, dawn huma l-punti mqajjma minn pajjiżna waqt id-diskussjoni tat-temi tal-laqgħa:
· Jinħtieġ li flimkien mal-impjegabilità nqiegħdu mill-ġdid ċ-ċittadinanza bħala għan ċentrali tal-edukazzjoni. Jekk soċjetà tfalli milli tgħix magħquda fid-diversità u tisfaxxa minħabba radikaliżazzjoni u terroriżmu, l-ekonomija u l-ħolqien tax-xogħol ukoll ikunu affettwati.
· Qed inħallu s-sistemi edukattivi tagħna jinħatfu għal kollox mill-
PISA
framework
fejn l-ittestjar u r-riżultati f’suġġetti akkademiċi huma meqjusa ħafna iktar importanti minn valuri oħrajn umanistiċi u morali u li huma essenzjali għal ċittadinanza attiva u demokratika.
· Is-sistemi tagħna għandhom jirrikonoxxu u jagħtu valur lill-edukazzjoni li tippromwovi ċ-ċittadinanza kemm fil-qafas edukattiv formali kif ukoll f’dak informali. Nipproponu li kontenut edukattiv ta’ ħiliet prattiċi tal-ħajja jsir obbligatorju fil-livelli ta’ edukazzjoni bikrija, primarja, sekondarja u post-sekondarja fejn tfal u żgħażagħ jingħataw rikonoxximent għall-impenn tagħhom lejn iċ-ċittadinanza demokratika, solidarjetà soċjali, xogħol volontarju u li dan il-pakkett ta’ ħiliet u esperjenza jingħata l-valur ta’ mill-inqas suġġett akkademiku wieħed fejn għandhom x’jaqsmu l-kundizzjonijiet tad-dħul biex wieħed jgħaddi għal livell edukattiv ogħla.
Reġistrazzjoni għall-impjieg — Persuni fuq it-tieni parti tar-reġistru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni rreġistrati fuq it-tieni parti tar-reġistrar sal-aħħar ta’ Frar 2014 u Frar 2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni rreġistrati fuq it-tieni parti tar-reġistrar sal-aħħar ta’ Frar 2014 kien ta' 484 filwaqt li fl-aħħar ta’ Jannar 2015 kien ta’ 453.
L-aħħar figuri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) huma ta’ Jannar 2015.
Reġistrazzjoni għall-impjieg — Persuni fuq l-ewwel parti tar-reġistru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni reġistrati fuq l-ewwel parti tar-reġistrar sal-aħħar ta’ Frar 2014 u Frar 2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni rreġistrati fuq l-ewwel parti tar-reġistrar sal-aħħar ta’ Frar 2014 kien ta’ 7,269 filwaqt li fl-aħħar ta’ Jannar 2015 kien ta’ 5,931.
L-aħħar figuri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) huma ta’ Jannar 2015.
Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm laqgħat attendew uffiċjali fi ħdan il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ barra minn Malta tul is-sena li għaddiet? Jista’ jgħid x’kienet in-natura tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-għadd ta’ laqgħat li għalihom attendew uffiċjali tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ barra minn Malta matul l-2014 kien ta’ 65. F’dawn il-laqgħat ġew diskussi suġġetti varji li jikkonċernaw il-mobilità fis-suq tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea, il-migrazzjoni, xogħol fost iż-żgħażagħ, skemi ta’ apprentistat u taħriġ, nies b’diżabilita’ fis-suq tax-xogħol, korsijiet ta’ taħriġ, laqgħat fuq l-età tal-irtirar, garanzija għaż-żgħażagħ, proġetti b’fondi Ewropej, kumitati konsultattivi rigward l-impjiegi, konferenzi rigward l-ekonomija tax-xogħol u żjarat fiċ-ċentri tal-impjiegi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’ġie diskuss mal-International Labour Organisation tul is-sena li għaddiet u għal kemm-il laqgħa u għal liema laqgħat attenda huwa jew uffiċjali fi ħdan il-Ministeru?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jien ma attendejtx għal-laqgħat tal-International Labour Organization u ma jirriżultax li xi uffiċjal ieħor fi ħdan il-Ministeru tiegħi attenda għal dawn il-laqgħat matul is-sena 2014.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Attendenza għal Laqgħat barra l-pajjiż
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm laqgħat attendew is-Segretarju Permanenti jew diretturi ġenerali u diretturi varji fi ħdan il-Ministeru barra minn pajjiżna tul is-sena li għaddiet u jista’ jgħid x’kienet in-natura tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li matul is-sena li għaddiet is-Segretarju Permanenti, d-Diretturi Ġenerali u d-Diretturi varji fi ħdan il-Ministeru tiegħi attendew għal 51 laqgħa barra l-pajjiż. In-natura tal-laqgħat hi kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Direttorat tal-Edukazzjoni – sejħa għall-post ta’ prinċipal
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12824, jista’ l-Ministru jgħid kemm, finalment kien in-numru ta’ applikanti għall-post ta’ prinċipal tal-kulleġġi fi ħdan id-Direttorat tal-Edukazzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat illi 24 applikant applikaw għall-pożizzjoni ta’ Prinċipal tal-Kulleġġ fi ħdan id-Direttorat tal-Edukazzjoni.
Direttorat tal-Edukazzjoni – ħatra ta’ prinċipali tal-kulleġġi
Question
B’referenza għall-ħatra ta’ prinċipali tal-kulleġġi fi ħdan id-Direttorat tal-Edukazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid kif u minn min kien kompost il-bord tal-għażla?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bord tal-għażla inħatar mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u kien kompost mis-Segretarju Permanenti bħala Chairperson u żewġ membri li l-ismijiet tagħhom qed jingħataw lill-Onor. Interpellant separatament.
Direttorat tal-Edukazzjoni – ħatra ta’ prinċipali tal-kulleġġi
Question
B’referenza għall-applikazzjoni u l-intervisti għall-post ta’ prinċipal tal-kulleġġi fi ħdan id-Direttorat tal-Edukazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ prinċipali li ġew appuntati? Jista’ jgħid kemm kien in-numru ta’ edukaturi li ntgħażlu bħala prinċipali għall-ewwel darba? Jista’ jgħid kemm kien in-numru ta’ dawk li ma ġewx ikkonfermati fil-kariga tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li seba’ (7) Prinċipali tal-Kulleġġ qegħdin fil-proċess li jiġu appuntanti. Erbgħa (4) minn dawn il-Prinċipali tal-Kulleġġ intagħżlu għall-ewwel darba.
Infurmat ukoll li tlett (3) Prinċipali tal-Kulleġġ ma ġewx ikkonfermati fil-kariga tagħhom.
Direttorat tal-Edukazzjoni – ħatra ta’ prinċipali tal-kulleġġi
Question
B’referenza għall-ħatra ta’ prinċipali tal-kulleġġi fi ħdan id-Direttorat tal-Edukazzjoni, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar f’liema kariga jew karigi kienu qegħdin jagħtu s-servizz tagħhom l-edukaturi magħżula bejn Marzu 2013 u Frar 2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bejn Marzu 2013 u Frar 2015 l-edukaturi magħżula għall-ħatra ta’ Prinċipal ta’ Kulleġġ kienu fil-grad/kariga kif se nsemmi:
· tliet edukaturi kienu Prinċipal ta’ Kulleġġ
· żewġ edukaturi kienu Kap ta’ Skola (wieħed minnhom Kap ta’ Skola Indipendenti)
· edukatur ieħor f’Marzu 2013 kien Assistent Kap ta’ Skola (Sekondarja) u fil-grad ta’ Kap ta’ Skola (Sekondarja) fil-perjodu 28 ta’ Awwissu u Frar 2015. Din il-persuna ħadmet bħala
Coordinator
fil-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar bejn it-22 ta’ April 2013 u s-27 ta’ Awwissu 2013
· l-edukatur l-ieħor f’Marzu 2013 kien Assistent Kap ta’ Skola (Primarja) u fil-grad ta’ Uffiċjal Edukattiv fil-perjodu Lulju 2014 u Frar 2015. Għal perjodu ta’ żmien din il-persuna tat servizz lis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport kif ukoll serviet bħala
Personal Assistant
mad-Direttur Ġenerali Servizzi Edukattivi
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti ta’ tfal biex jattendu l-literacy programme NWAR tal-FES?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li fl-1 ta’ April 2015 kien għad hemm 237 talba pendenti minn ġenituri ta’ tfal biex jattendu l-programm ta’ litteriżmu għall-familji NWAR li qiegħda tmexxi l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn Third Country Nationals jaħdmu legalment f’Malta u Għawdex bħalissa maqsumin skont in-nazzjonalità tagħhom, u jgħid x’inhu x-xogħol li jagħmlu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
San Pawl il-Baħar — tiswijiet fil-pitch tal-water polo
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żvilupp għal dak li jikkonċerna l-ħsarat li saru bil-maltemp ta' xi xhur ilu fuq il-pitch tal-waterpolo, tas-Sirens ASC f'San Pawl il-Baħar? Jekk għadha ma tteħditx deċiżjoni dwar l-għajnuna li jista' jingħata dan il-klabb biex isewwi l-istess ħsarat li ġraw, peress li issa s-sajf dalwaqt magħna, jista' jieħu l-passi neċessarji biex tali deċiżjoni tittieħed kemm jista' jkun malajr?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Sirens ASC għamlu talba formali għal fondi mill-Fond għal Kawżi Ġusti fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, liema talba ser tkun evalwata u tittieħed deċiżjoni sa nofs Mejju.
MCAST – suġġetti relatati mas-sajd u l-agrikoltura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk bħalissa fl-MCAST hemmx min jgħallem suġġetti relatati mas-sajd u l-agrikoltura? Jekk fl-affermattiv, kemm hemm minn dawn l-għalliema? Kemm hemm studenti jattendu għal-lectures tagħhom? Dawn huma korsijiet full-time jew part-time?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-MCAST għandha numru ta’ għalliema li qed jgħallmu s-suġġetti tas-sajd u l-agrikoltura. Fis-suġġetti relatati mas-sajd u l-akwakultura hemm erba’ Għalliema full-time u ħdax part time filwaqt li fis-suġġetti relatati mal-agrikoltura hemm ħdax-il Għalliem full time u tmienja part time.
L-għadd ta’ studenti li jitgħallmu suġġetti relatati mas-sajd u l-akwakultura huwa 17 filwaqt li fis-suġġetti relatati mal-agrikoltura hemm 152 student.
Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li t-tliet korsijiet relatati mas-sajd u l-akwakultura huma kollha full-time, waqt li dawk relatati mal-agrikoltura hemm disgħa full-time u 22 korsijiet qosra part-time filgħaxija.