Jista' l-Ministru jara li s-siġra li tinsab quddiem residenza ta' kopja anzjana - dettalji qed jintbagħtu separatament - u li qiegħda ta' inkonvenjent, tiġi miżbura minħabba li qiegħda tkun ta' periklu għal dawn l-anzjani?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-triq imsemmija taqa' taħt ir-responsabiltia' tal-Kunsill Lokali li m'għandux kuntratt mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura. Barra minn hekk, fil-post indikat, m'hemmx siġar fit-triq, biss hemm siġra tal-ficus ftit bogħod minn dan. Is-sit fejn din qegħda mħawwla huwa post privat. Minħabba dawn ir-raġunijiet din it-talba ma taqax taħt ir-responsabilita' tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura.
Jista' l-Ministru jgħid tistax isir inspection fuq boundary tal-ġnien Patri Redent Gauci, Fgura, peress li d-disinn tiegħu qiegħed bil-Qulets (bil-ponta) u jista' jkun ta' periklu għat-tfal li jkunu qegħdin jilagħbu fil-ġnien?
Jista' jgħid min ħa d-deċiżjoni ta' dan id-disinn?
Response (ZAMMIT, NINU)
Peress li l-kostruzzjoni tal-ġnien Patri Redent Gauci fil-Fgura tnegħdiet mid-Dipartimaent tal-Bini u Tiswija ta' Djar, l-Onor. Interpellanta hija mitluba tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 ' l hawn kienx hemm xi karozzi mikrija lill-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, jew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, jew proprjeta' tal-ministeru jew ta' xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, li qed jintużaw minn individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegati mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid: (1) minn min qed jintużaw; (2) minn meta bdew jintużaw; (3) x'marka huma l-karozzi u meta nxtraw; (4) kemm swew fi flus Maltin; (5) xi kriterji ntużaw biex qed jintużaw minn min qed jintużaw?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-kriterji dwar użu ta' karozzi uffiċjali huma mniżżla fid-dokument "Engagement of Staff for Private Secretariats" li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Fil-każ ta' uffiċjali oħra fid-dekasteru tiegħi li għandhom ftehim jew kuntratt, l-użu huwa regolat min tali ftehim jew kuntratt.
Il-karozzi uffiċjali kollha l-oħra għandhom jintużaw minn min għandu l-permess jagħmel dan.
Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi każ f'moħħu li huwa jidhirlu li jien għandi nkun naf bih, nitolbu jagħtini l-informazzjoni rilevanti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn kienx hemm xi karozzi li ġew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, li ġew mogħtija b'donazzjoni lill-individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegati mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu?
Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid: (a) lil minn ingħataw; (b) x'marka huma l-karozzi u meta nxtaw; (ċ) kemm swew fi flus Maltin; u (d) xi kriterji ntużaw biex dawn l-individwi ngħataw din il-karozza?
Response (ZAMMIT, NINU)
M'hiex il-prassi ta' dan il-Gvern li jagħti karozzi bħala donazzjonijiet, la lill-uffiċjali tiegħu u l-anqas lil dawk li m'humiex.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12317, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji mitluba peress li kif jaf hu stess dawn id-dettalji jikkonċernaw infiq pubbliku?
Response (ZAMMIT, NINU)
Billi l-Onor. Interpellant ma tagħnix spjegazzjoni sodisfaċenti għaliex qed jitlob l-informazzjoni, ma għandix xi nżid mat-tweġiba li tajtu fis-seduta numru 223.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il żjara saret mill-uffiċjali tad-dipartiment sabiex jiġi spezzjonat l-produzzjoni tal-ħaxix frisk fil-Pitkalija Ċentrali matul Jannar u Frar ta' din is-sena?
Meta saru, minn kienu l-uffiċjali u x'kienu r-riżultati?
Response (ZAMMIT, NINU)
M'hux ċar għal x'hiex qed jirreferi l-Onor. Interpellant. Bħal ma jaf sewwa hu, qatt ma saru spezzjonijiet fuq il-produzzjoni tal-ħaxix frisk fil-Pitkalija Ċentrali. Jekk l-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku nkun nista' nagħtih risposta aħjar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' żjarat li l-uffiċjali tad-dipartiment għamlu sabiex jispezzjonaw il-varjetajiet Alpha u Sante' għall-esportazzjoni matul Jannar u Frar ta' din is-sena?
Meta sar, fejn, kemm instabet ħsara u f'liema varjeta'? X'kienu r-riżultati b'mod ġenerali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Bħas-soltu, din is-sena l-Fergħa tal-Pariri Tekniċi tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, irċeviet diversi lmenti mill-bdiewa li fosthom kienu jinkludu wkoll dwar il-patata taż-żriegħ. S'issa l-uffiċjali ta' dawn il-fergħat għamlu 22 rapport dwar 25 ilment li 5 minnhom kienu solvuti u l-oħrajn għadhom qegħdin jiġu nvestigati. Mill-ilmenti li saru jidher li dawn jikkonċernaw madwar 20/25 tunellata Alpha li kienet impurtata mid-Dipartiment fil-bidu ta' Novembru li għadda.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa fil-fatt l-investiment li sar fil-farm esperimentali sabiex ġiet stallata s-sistema l-ġdida tal-punch clock tal-ħaddiema?
Kemm huwa n-numru ta' ħaddiema u uffiċjali li jridu jkunu konformi ma' din is-sistema ġdida, u kemm huwa n-numru ta' ħaddiema u uffiċjali li m'humiex suġġett ta' dawn l-istess kondizzjonijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
a) Ninsab infurmat li s-sistema l-ġdida tal-punch clock, magħrufa aħjar bħala 'Time and Attendance Hand Identity Verifier' ġiet tiswa Lm1,239,13. Ma' din is-somma ntefqu Lm90 għal xogħol ta' tħaffir in konnesjoni ma' l-istallazzjoni ta' din is-sistema.
b) In-numru ta' ħaddiema li jużaw it-Time and Attendance Hand Identify Verifier huwa 140. 78 impjegati oħra jiffirmaw fuq l-attendance sheet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa li qed jimmodernizzaw għas-sistema organika li matul Jannar u Frar ta' din is-sena talbu għajnuna u/jew applikaw għal sussidju fuq l-investiment li se jagħmlu?
Kemm huwa kkalkolat li jiswa l-investiment imsemmi u f'liema qasam ta' produzzjoni u modernizzazzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li ebda bidwi ma talab għajnuna finanzjarja jew sussidju għall-applikazzjoni tas-sistema organika. Iżda jingħata sussidju kull sena lill-dawk il-bdiewa li japplikaw is-sistema tal-'Integrated Pest Management'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa li matul Jannar u Frar ta' din is-sena talbu għajnuna u/jew applikaw għal sussidju fuq l-investiment li se jagħmlu?
Kemm huwa kkalkolat li jiswa l-investiment isemmi u f'liema qasam ta' produzzjoni u modernizzazzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-fatt li din id-domanda hija ripetezzjoni, kelma b'kelma tal-Mistoqsija Parlamentari numru 14603 li għamel hu stess fl-istess ġurnata. Għaldaqstant nirreferih għar-risposta li tajt għaliha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-qatla tal-majjal għax-xahar ta' Jannar u Frar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-qatla tal-majjal għall-Malta u Għawdex f'Jannar u Frar ta' din is-sena kienet kif indikat hawn taħt :
Jannar 10,501 Karkassi
Frar 10,558 Karkassi
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-qatla tal-għoġġiela għax-xahar ta' Jannar u Frar?
Kemm kien it-tunnellaġġ ta' canga li mar għall-iskema tal-BIS fl-istess perjodu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-qatla ta' l-għoġiela f'Jannar u Frar ta' din is-sena kienet ta' 317 u 236 rispettivament.
It-tunnellaġ taċ-ċanga taħt il-BIS li ttieħed fl-istess xhur kien ta' 50 u 41 tunnellata rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid x'esperimenti saru fil-farm ta' l-Għammieri matul Jannar u Frar ta' din is-sena?
Kemm huwa n-numru ta' uffiċjali u assistenti responsabbli minn dawn l-esperimenti?
X'riżultati nkisbu u xi żviluppi ġew komunikati mal-bdiewa abbażi ta' dawn ir-riżultati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat mill-uffiċjal xjentifiku responsabbli mit-tmexxija ta' l-Għammieri li matul ix-xhur ta'Jannar u Frar ta' din is-sena saru diversi esperimenti fil-farm ta' l-Għammieri. Bosta minn dawn l-esperimenti jkunu kontinwazzjoni u/jew ripetizzjoni ta' esperimenti li jkunu saru fis-snin imgħoddija, ħafna drabi bi bdil fil-kundizzjonijiet tat-tkabbir u/jew tal-varjetajiet imkabbra.
Fost l-esperimenti li saru kien hemm provi b'razez ġodda u differenti ta' tadam bl-iskop li tinsab razza li tkun reżistenti għall-mard, speċjalment it-'Tomato Yellow Mosaic Virus'. Provi oħra qegħdin isiru b'razez differenti ta' bżar aħdar, patata, brunġiel, basal, courgettes u fjuri, bil-għan li jkunu dentifikati razez għammiela u li jagħtu prodott ta' kwalita' tajba.
Esperiment ieħor li qed jiġi ripetut huwa l-isterilizzar tal-ħamrija permezz ta' mezzi naturali minflok kimiċi.
Saru wkoll provi b'varjetajiet differenti ta' magħlef għall-bhejjem kif ukoll esperimenti fuq it-trobbija ta' razez differenti ta' tiġieġ, fniek u mogħoż.
Dawn l-esperimenti fis-serer, fir-raba u fuq il-bhejjem jiġu mmexxija u kkordinati minn 6 uffiċjali fi gradi differenti.
Ir-riżultati li jinkisbu jiġu kkomunikati lill-bdiewa u r-raħħala permezz ta' programmi ta' informazzjoni speċjali fuq ir-radju u t-televiżjoni, fil-gazzetta 'Biedja u Sajd' u mill-uffiċji ta' l-Extension Service tad-Dipartiment, kif ukoll f'laqgħat apposta li jsiru matul is-sena.
Inżid ngħid li l-bdiewa u r-raħħala huma dejjem mistiedna biex iżuru l-Għammieri ħalli jaraw dak kollu li qed isir u biex jitkellmu ma' l-uffiċjali nkarigati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' sajjieda Maltin u Għawdxin li matul Jannar u Frar ta' din is-sena talbu għajnuna u/jew applikaw għal sussidju fuq l-investiment li se jagħmlu?
Kemm huwa kkalkolat li jiswa l-investiment imsemmi u f'liema qasam ta' produzzjoni u modernizzazzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi ma saret l-ebda applikazzjoni għal għajnuna u/jew għal sussidju mingħand sajjieda fuq l-investiment li se jagħmlu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kooperattivi tal-bdiewa, raħħala u sajjieda li matul Jannar u Frar ta' din is-sena talbu għajnuna u/jew applikaw għal sussidju fuq l-investiment li se jagħmlu?
Kemm huwa kkalkolat li jiswa l-investiment imsemmi u f'liema qasam ta' produzzjoni u modernizzazzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li ma kien hemm ebda talba għal għajnuna minn koperattivi tal-bdiewa, raħħala u sajjieda taħt skemi mħaddma mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura matul Jannar u Frar ta' din is-sena.