Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11806 u jgħid jekk ix-xogħlijiet li qegħdin isiru mid-diviżjoni tax-xogħlijiet fit-twessigħ ta' kanal li jagħti għal Menqa fil-Marsa hux kopert bil-permessi meħtieġa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li saru mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet twaqqfu mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) minħabba li dawn ma kellhomx permess. In-Numru ta' l-Avviż huwa ECF 285/05, liema xogħlijiet għadhom weqfin. Id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet għandu applikazzjoni 6965/04, liema applikazzjoni hija rrakkomandata biex tiġi approvata.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1684, 2640, 5262 u 11462, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħjiel meta dan il-pjan għan-naħa t'isfel ta' Malta se jiġi pubblikat? Jaqbel il-Ministru li issa l-poplu għandu jkun jaf b'mod eżatt meta dan il-pjan se jkun lest?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat li l-pjan għan-naħa t’isfel ta’ Malta ġie approvat mill-Bord ta' l-Awtorità ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fis-17 ta' Marzu 2005. Fil-ġranet li ġejjin hu mistenni li jkun ippubblikat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11799 u jikkonferma jekk ix-xogħol li qiegħed isir mid-diviżjoni tax-xogħlijiet fuq il-promenade tax-Xgħajra hux kopert bil-permess ta' l-iżvilupp meħtieġ? Jekk fl-affermattiv, ix-xogħol qiegħed isir skond il-pjanti approvati?
Jista' il-Ministru ipoġġi kopja tal-permess fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet imsemmija mill-Onor. Interpellant huma milquta minn l-Avviż biex Tieqaf u ta' Twettieq Nru. ECF 287/05.
Sadanittant, ninsab infurmat ukoll li d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet kienet f’kuntatt kontinwu mad-Direttorat ta’ l-Ippjanar u fil-fatt l-istess Direttorat ser jagħti rakkomandazzjoni pożittiva għall-applikazzjoni.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11796 u jgħid jekk ix-xogħol li qiegħed isir mid-diviżjoni tax-xogħlijiet f'bini ta' uffiċċji ġodda f'Kordin hux kopert bil-permess ta' l-iżvilupp meħtieġ? Jekk fl-affermattiv, ix-xogħol qiegħed isir skond il-pjanti approvati?
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permess?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant huwa milqut minn Avviż ta’ Twettiq ECF 223/05.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 11620, billi l-abbozz ġie pubblikat fis-sena 2000, iħoss il-Ministru li wasal iż-żmien li l-MEPA tippubblika abbozz aġġornat tal-pjan lokali għall-portijiet tat-tramuntana sabiex wieħed ikun jista' jirregola ruħu mat-tibdiliet li seħħew? Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu t-tibdiliet li seħħew tul dawn il-ħames snin kemm bħala riżultat tal-konsultazzjoni u kemm bħala riżultat ta' żviluppi approvati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Skond il-provvedimenti tal-liġi, il-proċess tat-tfassil ta' pjan lokali ma jikkontemplax li jiġi ppubblikat abbozz ieħor. Il-pjan lokali din id-darba jkun il-verżjoni definittiva u jibda jseħħ malli jiġi approvat.
Kif tħabbar pubblikament waqt il-varar tad-DC 2005 nhar it-12 ta' April 2005, huwa mistenni li sa tmiem din is-sena, il-pjani lokali kollha jitlestew b'mod definittiv.
Skond il-provvediment ta’ l-Att XX1 tal-2001 fl-artiklu 27, il-proċess tal-konsultazzjoni pubblika jrid jiġi ppubblikat flimkien mal-pjan lokali approvat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imrobbija summien f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm tħarrbu, sena b'sena?
Din il-mistoqsija qed issir fid-dawl li xi kaċċaturi informawni li l-kaċċaturi kollha qed iħallsu lira fis-sena għal dan il-għan.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11776.
Jista' il-Ministru jgħid fil-miżbla tal-Magħtab, il-Wasteserv u/jew id-dipartiment ta' l-ambjent kemm qed iħaddmu inġenji mikrija mill-privat? Kemm minn dawn l-inġenji ġew mikrija wara ħruġ ta' tender? Kemm minn dawn l-inġenji ġew mikrija b'direct order? Kemm minn dawn l-inġenji, mikrija wara ħruġ ta' tender, huma misjuqa minn ħaddiema tal-Wasteserv? Kemm minn dawn l-inġenji, mikrija b'direct order, huma misjuqa minn ħaddiema tal-Wasteserv? Kemm hu l-ħlas separatament għal kull wieħed minn dawn l-inġenji mikrija b'direct order, mingħand min ġew mikrija u liema huma misjuqa minn ħaddiema tal-Wasteserv?
Kemm hu l-ħlas separatament għal kull inġenji mikrija wara ħruġ ta' tender, mingħand min ġew mikrija, u liema huma misjuqa minn ħaddiema tal-Wasteserv?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11199 li oriġinarjmaent saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u cioe' jgħid jekk il-gvern preżenti għandux xi forma ta' politika dwar l-użu ta' l-enerġija f'pajjiżna? Jista' jagħti rendikont tal-politika tal-gvern dwar l-użu ta' l-enerġija f'pajjiżna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jwieġeb l-ewwel parti ta' mistoqsija parlamentari 10934 u cioe' jgħid kemm tħawwlu siġar u pjanti madwar Malta u Għawdex fis-sena li għaddiet (2004)? Ta' liema għamla kienu? Kemm minn dawn is-siġar u pjanti nzertaw fid-diversi skejjel f'pajjiżna? Jista' jelenka liema kienu dawn l-iskejjel u x'siġar u pjanti tħawlu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew approvati permessi min-naħa tal-MEPA biex jinbnew blokok ta' għoli ta' aktar minn għaxar sulari f'pajjiżna, sena b'sena mill-2000 sa l-2005? F'liema lokalita'?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) approvat tliet applikazzjonijiet għal bini għoli aktar minn għaxar sulari. Dawn huma f’San Pawl il-Baħar, f’Raħal il-Ġdid, u f’Marsalforn, Għawdex.
Jista' il-Ministru jgħid xi kriterji tuża l-MEPA biex tapprova permessi għal tower blocks?
Fil-preżent kemm hemm applikazzjonijiet quddiem il-MEPA biex jinbnew tower blocks? Liema huma l-lokalitajiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tirreferi għal policy DC2000, Sezzjoni 1.7, li tirreferi għal Floor Area Ratio, fl-evalwazzjoni ta' applikazzjonijiet għal bini għoli. Sadanittant, il-MEPA qegħda tħejji document “Policy Framework for Tall Buildings” biex jingħata gwida aħjar għal applikazzjonijiet ta’ din ix-xorta.
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm tlettax-il applikazzjoni pendenti għal dan it-tip ta' żvilupp quddiem il-MEPA:
Qawra: 4
Naxxar: 2
Gzira: 5
Mosta: 1
San Giljan: 1
Jista' il-Ministru jgħid għaliex id-dipartiment ta' l-ambjent mhux iwaqqaf l-awtoritajiet ta' l-airport milli javvelenaw b'mod indiskriminat kull għasfur li jkun fl-airport, meta għal raġunijiet ta' safety jistgħu jintużaw mezzi oħra inqas krudili? X'passi beħsiebu jieħu d-dipartiment 'il quddiem?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien ninsab aċċertat mill-management tal-Malta International Airport li din l-allegazzjoni li qed jiġu avvelenati xi għasafar fl-ajruport għal raġunijiet ta' safety m' hix vera.
Meta jkun hemm raġuni sabiex jiġu kkontrollati għasafar fl-inħawi ta’ l-ajruport minħabba “safety”, dan isir taħt id-direttivi tal-kumitat ORNIS u s-superviżjoni ta’ l-Ispettorat għall-Ambjent tad-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)
Jista' il-Ministru jagħti breakdown ta' l-għasafar li nqabdu u li nqatlu skond il-carnet de chasse li waslu fid-dipartiment għas-sena 2003?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni tal-Carnet de Chasse 2003 qiegħda fil-proċess biex tiddaħħal fis-sistema kompjuterizzata ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u b'hekk tkun tista' tinħareġ l-istatistika meħtieġa.
Jista' il-Ministru jara għaliex fil-biċċa art - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - kellha terġa' titpoġġa l-ħamrija u s'issa għadu ma sar xejn? Jista' jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministru responsabbli miod-Dipartiment tal-Mużewijiet, li huma responsabbli mill-proġett fuq l-art imsemmija.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien l-eżitu tat-talba ta' Malta biex tkun iċ-ċentru tal-GFCM bħala segretarjat ta' din l-organizzazzjoni internazzjonali reġjonali tas-sajd?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li waqt il-Laqgħa Plenarja li saret f'Ruma fi Frar ta' 2005 bejn il-membri kollha tal-General Fisheries Commission for the Mediterranean (GFCM), ntaghzlet Ruma bhala s-sede tas-Segretarjat Permanenti tal-GFCM mit-tliet applikanti li kienu jinkludu lil Malta u lil Malaga. Din l-ghazla saret b'votazzjoni sigrieta.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li qiegħed isir mill-ADT fil-bypass ta' l-Imtarfa hux kopert bil-permessi ta' l-iżvilupp meħtieġa?
Jaf il-Ministru li fost ix-xogħol li sar inqalgħu l-bushes tar-rosemary mis-centre strip biex din tingħata wiċċ solidu?
Jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet li qegħdin isiru mid-diviżjoni tax-xogħlijiet fit-twessigħ ta' kanal li jagħti għal Menqa fil-Marsa hux kopert bil-permessi meħtieġa?
B'żieda għal tweġiba parlamentari 10290, jista' il-Ministru jgħid jekk:-
id-dipartimenti u l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu jagħtux xi għajnuna lil għaqdiet volontarji u organizzazzjonijiet mhux governattivi, fi kwalunkwe forma, bħalma huma għotjiet ta' flus, materjal, użu ta' proprjeta', self ta' ħaddiema, benefiċċji minn skemi, eżenzjonijiet, eċċ.?
Jekk fl-affermattiv: (a) lil liema għaqdiet u organizzazzjonijiet; b) kenitx għotja ta' darba biss jew tingħata perjodikament; u (c) kemm hu stmat li tiswa l-għajnuna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jinformana għaliex il-MEPA fl-istess nifs li waqfet ix-xogħlijiet ta' żvilupp ta' pannewwiet tal-konkos fil-parti tal-wied ta' Binġemma li kienu qed isiru mill-kunsill lokali ta' l-Imġarr imbagħad approvat li jsiru l-istess pannewwiet tal-konkos fil-bypass tal-Mellieħa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista’ l-Onor. Membru jindika fuq site plan għall-liema parti mill-by-pass qed jirreferi.
Fid-dawl tal-fatt li fiż-żmien gvern Laburista ta' bejn l-1996 u l-1998 flimkien ma' l-istitut agronomiku ta' Bari u oħrajn, fosthom il-CODRA ta' Padova, kien aċċettat il-prinċipju li l-ilqugħ li jinbnew fl-irdumijiet, widien u toroq rurali jinbnew bis-sistema introdott fiċ-Chadwick Lakes minn dawn l-esperti, jista' il-Ministru jinformana għaliex kemm ilu ministru responsabbli mill-MEPA biddel din l-istrateġija tant li ġew applikati sistemi fejn purament sar il-kuntrarju, bħal fil-każ tax-xogħlijiet tal-bypass ta' l-Imtarfa u dawk f'Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ u l-wied tal-Marsa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Membru jinnota li dan il-Ministeru ma applikax u lanqas wettaq xogħlijiet fil-postijiet indikati.