Legislature:
Category:
Reset
Active:

Liġijiet tad-Divertiment

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta hu mistenni li jitlesta r-rapport tal-kumitat maħtur apposta biex jirrevedi l-liġijiet tad-divertiment? Kemm-il darba ltaqa' s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Kien hemm tliet darbiet li fihom iltaqa' il-Kumitat iżda kull membru ħa mpenn li qed jiżvolġieh f'kuntatt mac-Chairman. Barra dan ic-Chairman kellu laqgħat oħra. Fil-jiem li ġejjin kull min hu nteressat in ġenerali ser jiġi mistieden iressaq il-veduti li jista' jkollu jew bil-miktub jew f'laqgħa skond ma jkun jidher l-aħjar. Dana barra li l-Kumitat ser javviċina lil xi nies hu stess. Il-Kumitat ma jistax jintrabat ma' data biex ilesti r-rapport tiegħu iżda dan ikun lest fl-iqsar żmien possibli.

Pulizija — Kolliżjonijiet tat-traffiku

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17896, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każi ta' bumper-to-bumper rapportati lill-gwardjani lokali, sena b'sena mill-15 ta' Jannar 1998?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-każijiet ta' kolliżjonijiet li għalihom jiġu msejħa l-Gwardjani Lokali jiġu irreġistrati globalment u mhux skond in-natura tal-kolliżjoni.

Ħruġ ta' visa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, qed jiġi mċaħħad visa biex jidħol f'pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-persuna li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant kien diġa' tkeċċa minn Malta wara li nstab li kien qiegħed hawn illegalment. Barra minn hekk ma jirriżultax li din it-talba għall visa hija bona fede.

Whistleblowing Act

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jintroduċi Whistleblowing Act? Jekk iva, meta?

Response (BORG, TONIO)

Hemm diversi liġijiet li jipprovdu għall-għoti ta' l-immunita' għal min jikxef korruzzjoni jew reati oħra u għalhekk l-introduzzjoni ta' Whistleblowing Act m'hijiex indispensabbli biex tkun tista' tingħata tali immunita' jew protezzjoni oħra. L-abbozzar ta' Whistleblowing Act m'huwiex fil-programm leġislattiv immedjat tal-Gvern pero' l-Gvern huwa dejjem dispost li jsaħħaħ dan l-aspett fil-liġi u jekk l-Onorevoli Membru għandu xi proposti speċifiċi l-Gvern huwa ċertament dispost illi jikkunsidrahom.

Qrati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti riferenzi tal-kawżi li dwarhom saret surroga mill-Eċċ. Tiegħu l-President tar-Repubblika wara rikużi mitluba matul il-presidenza ta' l-ex-Prim Imħallef Arrigo u l-ex-Prim Imħallef Said Pullicino?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma hemmx informazzjoni u statistika ta' din ix-xorta b'metodu komputerizzat għall-perijodu li għalih tirreferi l-mistoqsija.

Siġġiewi — Triq Dun Anton Vella

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex minkejja li l-Awtorita' tad-Djar kitbet diversi drabi lill-Estate Management Department dwar il-bejgħ ta' appartamenti tal-gvern fi Triq Dun Anton Vella, Siġġiewi u ntbagħtu diversi reminders sal-lum għadhom ma ngħatawx tweġiba, b'konsegwenza li applikanti ilhom aktar minn sena u tliet xhur jistennew dwar l-applikazzjoni tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fi Triq Dun Anton Vella s-Siġġiewi hemm 11-il blokk tal-Gvern b'total ta' tmienja u sebgħin appartament. Sa issa t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern diġa' ttrasferiet lill-Awtorita' tad-Djar erbgħin minn dawn l-appartamenti u dan fuq talba tal-istess Awtorita'. Ma jirriżultax li t-Taqsima għandha xi talbiet pendenti biex tittrasferixxi appartamenti oħra fl-istess triq lill-imsemmija Awtorita'.

CCF

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18147, jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament qiegħed jagħmel jew matul dawn l-aħħar 12-il xahar kien qed jagħmel l-accounts tal-faċilita' korrettiva ta' Kordin? X'inhi r-raġuni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li wara li kien irriżenja l-Assistent Direttur li kien jieħu ħsieb l-Accounts Office tad-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi, dan l-uffiċċju baqa' jiġi imexxi minn Executive Officer u mhux mill-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant.

Weapons Advisory Board

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentiari 18090, jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti l-ismijiet tal-membri tal-Weapons Advisory Board?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' għidt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18090, il-Weapons Advisory Board għadu ma ġiex kostitwit. Ic-Chairman u l-membri li hemm fuq l-ad hoc Board dwar il-Weapons huma dawn:- Chairman - Brigadier John Spiteri Membri - Supretendent Neville Xuereb - Surġent Jesmond Cassar - Major George Galea - Mr Paul Libreri - Mr Stephen Petroni Is-Sur Mario Caruana huwa l-contact person ta' dan il-Ministeru.

Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm avukati impjegati ma' l-uffiċċju ta' l-avukat ġenerali u jagħti dettalji ta' kif inhu assenjat ix-xogħol? Jista' jgħid kemm hemm prokuraturi legali impjegati ma' l-uffiċċju ta' l-avukat ġenerali u jagħti dettalji ta' kif inhu assenjat ix-xogħol? Jista' jgħid kemm ġew ingaġġati avukati ġodda f'dan l-uffiċċju għal dawn l-aħħar tliet snin? Kemm applikaw nies sabiex jidħlu ma' dan l-uffiċċju fl-aħħar call for applications u min huma l-avukati li ġew ingaġġati? Peress li l-uffiċċju ta' l-avukat ġenerali sar aġenzija tal-gvern u suppost li kellu jibda jsir farming out ta' ċertu xogħol, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk attwalment dan bediex isir u jekk fin-negattiv jekk il-gvern hux beħsiebu jagħmel dan?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi hemm 15 il-Avukat issegnati fl-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali: minn dawn wieħed huwa addett mal-Legislative Drafting and Translation Unit u għalhekk ma jirrapportax għax-xogħol fl-Uffiċċju ta’ l-Avukat Generali, ieħor huwa fuq ‘study leave’ peress li qed jagħmel ‘Masters’ l-Universita' u oħra hija fuq ‘maternity leave’. Ghalhekk effettivament illum fl-Uffiċċju ta’ l-Avukat Generali jirrapportaw għax-xogħol tnax il-Avukat. Minn dawn tnejn huma l-Avukat Generali u d-Deputat Avukat Ġenerali li huma nvoluti f’medda wiesgħa ta’ xogħol ta’ l-uffiċċju, ħamsa huma assenjati xogħol ta’ dritt penali u sitta huma assenjati xogħol ta’ dritt ċivili, amministrattivi u Kostituzzjonali. Silvio Camillei Peter Grech Anthony Barbara Mark Said Franco Bondin Donatella Frendo Dimech – C Stephen Tonna Lowell- C Audrey Buttigieg Vella – C1 Hubert Theuma –C1 Marvic Sciberras Abdilla – C1 Cynthia Scerri Debono – C1 Susan Sciberras –C1 Roma D’Alessandro –C1 Michela Spiteri C Arthur Azzopardi Hemm 3 Prokuraturi Legali impjegati fl-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali li minnhom wieħed huwa assenjat xogħol ta’ leġislazzjoni u traduzzjoni ta’ liġijiet, waħda hija assenjata xogħol dwar kawżi ċivili u Kostituzzjonali u oħra xogħol dwar kawżi kriminali. Ma ġew ingaġġati ebda avukati ġodda f’dawn l-aħħar tlett snin iżda impjegat fl-Uffiċċju illi sar Avukat is-sena l-oħra ikkwalifika għall-ħatra ta’ ‘Junior Legal Officer’. Dwar l-applikazzjonijiet għal postijiet full-time fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien hemm 103 Avukat illi kienu irrispondew it-talba għal turija ta’ interess li kienet ħarġet f’Mejju 2004 u 45 Avukat illi għamlu applikazzjoni in segwitu għas-sejħa għal applikazzjonijiet li saret sussegwentement. Dawn kollha huma eliġibbli biex jiġu kunsidrati għal impiegi “full time” fl-uffiċċju. Għad illi saru diversi ‘interviews’ fit-tul, sa issa għadu ma ġie impjegat ħadd insegwitu għall imsemmija sejħiet. Preżentement l-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali ma jagħmilx ‘farming out' ta’ xogħol legali assenjat lilu. Il-'farming out' għadu ma nħassx il-bzonn illi jsir rikors għaliha peress illi l-uffiċċju sa issa dejjem ipprefera li jibbaża ruħu fuq Avukati li l-karriera tagħhom tkun dedikata biss għax-xogħol legali tal-Gvern.

Kontravvenzjonijiet — Speeding Cameras

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħidilna kemm inħarġu speeding tickets fl-1 ta' April 2006 fi Triq Mikiel Anton Vassalli, San Ġiljan bejn it-8.00 p.m. u 12.00 p.m.? Jista' jgħid ukoll kemm ittieħdu ritratti mill-ispeeding cameras dak il-ħin u kemm minn dawn inħarġitilhom il-kontravvenzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Għandi nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-aħħar 4 sigħat ta' l-1 ta' April 2006 jiġifieri mit-8.00pm sa nofs il-lejl. Ninsab infurmat mill-kuntrattur li f'dak il-ħin ittieħdu 14-il ritratt mill-ispeeding cameras, u dwar dawn inħarġu 11-il notifika ta' kontravvenzjoni peress li t-tliet ritratti l-oħra ma kienux ċari biżżejjed biex tittieħed azzjoni fuqhom.

Malta Shipbuilding Co. Ltd. — Trasferiment ta' Art

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-kuntratt relattiv li permezz tiegħu l-gvern ittrasferixxa lil Malta Shipbuilding Company Limited biċċa art li l-istess gvern kien espropria lill-privat biċċa art fil-Marsa, formanti parti mill-art tal-kunzerija sive ta' l-iżolett tal-kejl ta' 12-il tomna, erba' sigħan u sitta punt deċimali, seba' kejliet, tmiss mat-tramuntana, minn nosfinhar, mill-punent u mill-majjistral ma' proprjeta' tal-gvern? Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk attwalment din il-proprjeta' għadhiex tappartjeni lil Malta Shipbuilding Company Limited? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid lil min ġiet trasferita u jippreżenta l-att relattiv? Jista' jgħidilna jekk din l-art għadhiex tintuża u jekk fl-affermattiv għal liema skop?

Response (BORG, TONIO)

Peress li kien hemm ħafna porzjonijet ta' art li ġew esproprjati in konnessjoni mal-Malta Shipbuilding fiż-żona magħrufa tal-Kunzerija sive ta' l-Izolett, l-Onor. Membru huwa mitlub jagħti aktar dettalji.

Gwardjani Lokali — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'pożizzjoni qed jieħdu l-gwardjani lokali f'Malta u Għawdex meta karozza għal ftit ħin biss, sakemm tinżel anzjana minn vettura, tkun fuq id-double line isfar bis-sewwieq preżenti fil-vettura? Ma jaħsibx li meta xi gwardjani qegħdin xorta joħorġu ċitazzjoni kontra dawn is-sewwieqa qed isir abbuż ta' poter f'kull ċirkostanza bħal din?

Response (BORG, TONIO)

L-amministrazzjoni tas-sistema tal-infurzar lokali hi f'idejn il-Kunsilli Lokali. Minkejja dan, dan il-Ministeru introduċa sistema (AL414 ta' l-2005) fejn għall-ewwel darba individwu li jilmenta dwar ċitazzjoni jista' jippreżenta petizzjoni quddiem il-Bord tal-Petizzjonijiet.

Każ ta' persuna Etjopjana

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet wara r-rapport 7-P-4150-2005 rigwardanti persuna ta' nazzjonalita' Etjopjana li aktar dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, meta dan il-każ ilu rapportat għal aktar minn ħames xhur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija għadha għaddejja bit-tfittxijiet tagħha għall-persuna li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant.

Ħaż-Żebbuġ — Kunsill Lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk it-talba ta' l-ex-segretarju eżekuttiv tal-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ, Malta biex tingħata kumpens mingħand l-istess kunsill għal-leave li kien pendenti għas-sena 2004, liema informazzjoni tista' tinġabar mill-file personali tagħha, u għas-sigħat żejda li ħadmet bejn Ottubru 2004 u April 2005, liema sigħat kienu intenzjonati biex jgħoddu lejn il-ħinijiet ta' nofs ta' nhari tas-sajf ta' l-2005, liema nofs ta' nhari l-ex-segretarju eżekuttiv ma gawdietx minnhom, hijiex se tiġi milqugħa? Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk dawn ma tħallsux, x'passi se jieħu d-dipartiment tal-kunsilli lokali fil-konfront ta' dan il-kunsill li issa għandu storja sħiħa ta' irregolaritajiet?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat bħala l-employer ta' l-ex Segretarju Eżekuttiv.

Korp tal-pulizija — Uffiċjal anzjan

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għaliex uffiċjal anzjan tal-pulizija li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ma ġiex promoss għar-rank ta' maġġur fl-aħħar eżerċizzju ta' promozzjonijiet li ngħataw fil-korp tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-imsemmi membru tal-Korp ma ġiex promoss għar-rank ta' Surġent Maġġur, minħabba l-fatt illi l-ewwelnett, dan kellu numru ta' każijiet dixxiplinari aktar minn dak li ġie stabbilit bħala wieħed mir-rekwiżiti meħtieġa sabiex membru tal-Korp fir-rank ta' Surġent, setgħa jiġi kkonsidrat għal-promozzjoni fir-rank ta' Surġent Maġġur. Barra minn hekk, l-istess membru tal-Korp, kien irtira bis-sick leave fil-11 ta' Novembru 2005 u baqa' rtirat sa l-10 ta' Jannar 2006, meta beda jagħmel xogħol light duty fil-Control Room fejn beda jaħdem office hours u mhux bix-shift normali bħall-membri l-oħra li jservu f'din is-sezzjoni, minħabba li kien ċertifikat li ma kienx f'pożizzjoni li jwettaq id-doveri normali bħala surġent, u għall-istess raġunijiet żgur li ma kienx f'pożizzjoni li jkopri d-doveri ta' Surġent Maġġur.

Ħal Kirkop — Parkeġġ użat minn dilettanti ta' l-ajruplani

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux korrett li l-parking preżentement utilizzat minn dilettanti ta' l-ajruplani fi Triq l-Industrija fl-inħawi tal-Karwija ġewwa Ħal Kirkop, hux se jiġi anness ma' l-art tal-forzi armati biex tintuża bħala garaxx minnhom?

Response (BORG, TONIO)

Għalkemm mhux ċar għal liema proprjeta' qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, ninsab infurmat li sa issa it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern m'għandha l-ebda talba fis-sens indikat fil-mistoqsija tiegħu. L-anqas ma jirriżulta li hemm xi forma ta' titolu favur xi dilettanti tal-ajruplani fuq art tal-Gvern fi Triq l-Industrija f'Ħal Kirkop.

CCF — Għalliema

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif jiġi deċiż liema suġġetti jiġu mgħallma fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin u kif jiġu mpjegati l-għalliema?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li minbarra s-suġġetti bażiċi bħal Malti, Ingliż u Matematika, jiġu mgħallma ukoll kull suġġett li jiġi mitlub mill-priġunieri wara li min jagħmel it-talba jiġi assessjat għall-kompetenza tiegħu fis-suġġett. L-għażla ta' l-għalliema li jiġu impjegati fuq part-time basis, hija f'idejn l-Education Co-ordinator.

San Pawl il-Baħar — Rapporti ta' Serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapportati lill-pulizija fuq vetturi/karozzi, djar privati u stabilimenti kummerċjali li saru f'San Pawl il-Baħar matul l-2005? Jista' jipprovdi l-istess informazzjonzi għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher hawn taħt: Serq20012002200320042005 Minn vetturi103119103107167 Minn residenzi1422241828 Minn stabbilimenti kummerċjali817482

Buġibba — Rapporti ta' Serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapportati lill-pulizija fuq vetturi/karozzi, djar privati u stabilimenti kummerċjali li saru f'Buġibba matul l-2005? Jista' jipprovdi l-istess informazzjonzi għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher hawn taħt: Serq20012002200320042005 Minn vetturi3550444834 Minn residenzi17147616 Minn stabbilimenti kummerċjali96624