Legislature:
Category:
Reset
Active:

Housing

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuni tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li sa riċenti kollhom Lm60 kera fis-sena u li d-dħul tagħhom ma jeċċedhiex Lm4000 fis-sena, ġew avżati b'awment fil-kera b'Lm10 aktar kull tlett xhur? Jarax li dan ma hux ġustifikat fiċ-ċirkostanzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-sussidju tal-kera tal-familja indikata mill-Onor. Interpellant ġie rivedut skond il-kuntratt ta' kiri tal-4 ta' Mejju 1994 li ffirma l-istess inkwilin meta ġie allokat il-post. Jiena infurmat illi dan diġa' ġie spjegat kemm il-darba lill-istess inkwilin mid-Dipartiment.

Detox Centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li żaru id-detox centre is-sena l-oħra? Kemm minnhom kienu ġodda? X'etajiet għandhom dawk li attendew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li attendew iċ-Ċentru tad-Detox matul l-2001 kien ta' 935, li minnhom 142 attendew għall-ewwel darba. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna indikata under separate cover il-pensjoni ta' Frar bi tnaqqis? Jekk dan it-tnaqqis mhux ġustifikat, jista' jgħid meta din il-persuna ser tirċievi r-refund?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ tal-persuna ndikata minnu ġie investigat u l-istess persuna ġiet infurmata dwar il-każ tagħha bil-miktuba.

B'Bugia — Qasam tal-Bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu ntiż li jsir bl-ispazju li hemm quddiem il-maisonettes appena kostruiti fil-Qasam tal-Bini B'Buġia? Jista' l-Ministru jara li dan l-ispazju jintuża għal skop ta' rikreazzjoni sew għall-kbar kif ukoll għaż-żgħar dato n-nuqqas ta' l-istess?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li fl-ispazju ndikat mill-Onor. Interpellant ser isir ġnien pubbliku. Dal-proġett ser jiġi ffinanzjat mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar.

Attivita' Ekonomika

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar ir-rata ta' l-attivita' ekonomika tan-nisa w ta' l-irġiel (nisa għalihom u irġiel għalihom) skond l-eta' u bħala perċentaġġ tan-nisa għalihom fil-labour force w tal-irġiel għalihom fil-labour force sena b'sena mill-1994 sa l-2001?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Impjiegi — Riabilitati mid-Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex dawk li jkunu riabilitati mid-droga jsibu xogħol? Kif qed jiġi inkoraġġiti sidien biex jagħtu chance lil dawn in-nies u jagħtuhom impieg?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Direct Allocations

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm id-dipartiment tal-manutenzjoni u tiswija tad-djar ta' direct allocations? X'kien jisimhom il-kuntratturi u l-ammont ta' kull allocation?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li ma saret ebda 'direct allocation' mid-Dipartimnt tal-Bini u Tiswija ta' Djar, jiġifieri ma ngħatat ebda biċċa xogħol b'eċċess ta' Lm500 b'mod dirett mid-Dipartiment.

Housing Case

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistax jinvestiga housing case HA 13770 li jikkonċerna persuna separata li qed tgħix bir-relief u li qed iżżomm lil binha ta' sitt snin f'appartament b'Lm60 kera fix-xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna li għamlet referenza għall-każ tagħha l-Onor. Interpellanti naqset li taġġorna l-applikazzjoni tagħha kif ġiet mitluba tagħmel mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex dan ikun jista' jkompli jikkunsidra din l-applikazzjoni.

Fondazzjoni għall-Iżvilupp tar-Risorzi Umani

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 32372, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn huma l-president u l-membri attwali tal-bord tal-fondazzjoni għall-iżvilupp tar-risorzi umani? Kemm ingħatat flus kull sena

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-bord preżenti tal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani hu kompost kif ġej: Ms Helga Ellul (President) Dr Godfrey Baldacchino Mr Alex Borg Mr Felix Borg Ms Antoinette Caruana Mr Mario Cutajar Dr Joanna Drake Mr Ray Lanzon Mr John Muscat Drago Mr Gaetano Vella Mr Joe Vella Bonnici Ninsab infurmat li minbarra s-somma ta' Lm15,000 mogħtija lill-Fondazzjoni meta ġiet imwaqqfa fl-1990, kif jidher fil-kuntratt, fis-snin l-oħra sussegwenti l-Fondazzjoni ngħatat mill-Gvern is-somma annwali ta' Lm5,000.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga t-tnaqqis li qed ikollha mill-pensjoni l-persuna indikata under separate cover u dan peress li f'ittra mibgħuta lilu mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali fl-24/11/01 qalulu li ma kienx għad fadallu arretrati xi jħallas? Jikkonferma l-Ministru li anke kieku kellu jagħti, (għalkemm fil-fatt ma għandux) tnaqqis ta' Lm96 minn pensjoni ta' Lm130 huwa esaġerat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-każ tagħha.

ETC — Korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jirrevedi s-sitwazzjoni ta' dawk li jixtiequ jsegwu l-kors għal security officer organizzat mill-ETC, fejn dawn jistgħu jispiċċaw il-kors pero imbagħad ma jingħatawx il-warrant minħabba l-eta' jew għax biex telqu mill-iskola ftit xhur qabel it-tmiem tal-ħames sena ta' l-iskola sekondarja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li dawk il-persuni taħt l-eta' ta' 40 sena li japplikaw biex isegwu l-kors ta' Security Guard organiżżat mill-Korporazzjoni għat-Taħriġ u x-Xogħol qed jintalbu jippreżentaw school leaving certificate filwaqt li jiġu avżati li jekk jonqsu li jagħmlu dan ma tingħatalhomx il-liċenza ta' Security Guard. Din il-proċedura ma tapplikax għal persuni fuq l-40 sena.

Housing — Appartamenti tal-Gvern

Question

Hemm xi żviluppi dwar il-materja mressqa f'PQ 30004 u cioe, jista' jgħid fir-rigward tal-fond 3 Triq l-Ifran il-Belt:- 1) x'possibilta' hemm li jiġi nstallat lift fis- shaft tal- block ? 2) jista' d-Dipartiment tal-Bini u tiswija ta' djar jieħu ħsieb li jitnaddfu l-kolonni li hemm fuq l-għatba tal-bieb ta' barra, peress li dawn huma maħmuġin ħafna bid-dħaħen tal-karozzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li biex isir lift fix-xaft ta' wara t-tromba tat-taraġ tal-post indikat hemm żewġ problemi prinċipali: 1. fix-xaft hemm twieqi ta' terzi li jkollhom jiġu mbarrati; u 2. taħt ix-xaft u t-tromba hemm uffiċċju u dan jikkawża problema strutturali. Ninsab infurmat li, b'dankollu, dawn il-problemi għadhom qed jiġu nvestigati flimkien ma l-awtoritajiet konċernati u l-persuni li jiġu effettwati kieku kellu jiġi nstallat il-lift. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret irriżulta li l-faċċata indikata ma fihiex ħsara u għalhekk mhux il-każ li jintervjeni d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar.

Għajnuna tal-Mard — Applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara x'sar mill-applikazzjoni għall-għajnuna tal-mard tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li din ilha ma tieħu din l-għajnuna madwar sena meta fil-fatt hija għandha dritt li tieħu kontribuzzjoni fiċ-ċirkostanzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.