Legislature:
Category:
Reset
Active:

FSM — Infiq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien l-ammont totali tan-nefqa kapitali u rikorrenti li għamlet il-fondazzjoni għas-servizzi mediċi fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u sa Awissu ta' din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-ammont totali tan-nefqa kapitali u rikorrenti li għamlet il-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u sa Awissu ta' din is-sena huma kif ġejjin: Sena Nefqa rikorrenti mingħajr diprezzament Nefqa kapital Lm Lm 2000 211,198 32,474 2001 183,221 19,670 2002 310,535 26,080 2003 295,547 12,301 2004 sa Awissu 162,403 1,812 In-nefqa ta' l-FMS ma tinkludix spejjeż diretti ta' l-Isptar Mater Dei. L-infiq kollu in-konnesjoni mal-Mater Dei huwa mħallas dirett mill-Ministeru tas-Saħħa u mhux mill-FMS. In-nefqa rikorrenti ta' l-FMS tinkludi salarji, kiri ta' l-uffiċini u spejjeż amministrattivi filwaqt li n-nefqa kapitali hija magħmula minn għamara ta' l-uffiċini, karozzi u equipment eletroniku.

Sptar San Luqa — Social Cases

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' pazjenti social cases li hemm fl-isptar San Luqa? Kemm huwa kkalkolat li jiswa kull pazjent li jkun social case u li jkun qed jinżamm fl-isptar San Luqa? Kemm minn dawn il-pazjenti fl-isptar San Luqa li huma kkonsidrati bħala social cases qed jistennew li jiġu trasferiti għal SVPR jew xi dar ta' l-anzjani?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta' pazjenti li huma ikkunsidrati bħala social cases sal-lum l-Isptar San Luqa huwa ta 69. Kull pazjent ikoverat fl-Isptar San Luqa jiswa bejn wieħed u iehor Lm110 kuljum. Wieħed irid jikkunsidra ukoll li hemm spiża oħra meta tikkunsidra dawn is-social cases ikunu jokkupaw soddod li jistgħu jiġu użati għal bżonnijiet akuti ta pazjenti oħra. Dawn is-social cases kollha qed jistennew li jiġu trasferiti għal SVPR.

Sptar San Luqa — Pazjenti Barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm pazjenti ta' nazzjonalita' barranija ġew ikkurati fl-isptar San Luqa bħala out-patients u bħala in-patients tul l-2003 u l-2004 sa l-aħħar ta' Ottubru?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' pazjenti ta' nazzjonalita' barranija li ġew ikkurati fl-Isptar San Luqa huma kif ġej: 2003 Out-Patients 4,122 (jinkludu dawk il-pazjenti li attendew id-dipartiment ta' l-emerġenza) In-Patients 1,229 2004(sa l-aħħar ta' Ottubru) Out-Patients 4,281 (jinkludu dawk il-pazjenti li attendew id-dipartiment ta' l-emerġenza) In-Patient 1,013

Saħħa — Pazjenti Barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont totali ta' flus dovuti lill-gvern minn pazjenti mhux Maltin u mill-insurances tagħhom? Ta' liema nazzjonalita' huma dawn il-pazjenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar risposta tingħata f'xi seduta oħra.

SVPR — Anzjani residenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu anzjani fl-SVPR f'din l-aħħar sena? Kemm kellhom eta' u minn liema lokalita' kienu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' anzjani li daħlu f'San Vinċenz mill-1 ta' Jannar sa 10 ta' Novembru 2004 huwa ta' 250. L-informazzjoni dwar eta' u lokalita' ta dawn ir-residenti qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

CDAU — Infiq

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm nefaq il-gvern fis-CDAU fis-snin 2002 u 2003? Kemm hemm impjegati jaħdmu full-time u part-time fis-CDAU? X'inhi l-professjoni ta' dawn l-impjegati? Kemm minn nefqa totali hija dovuta għall-pagi u kemm għat-trasport, ilma, dawl, stationery u tindif?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Sptarijiet/Kliniċi — Pazjenti Barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont totali li d-dipartiment tas-saħħa ċċarġja lill-pazjenti barranin direttament jew lill-insurances tagħhom għall-kura li jkunu ngħataw fl-isptarijiet u kliniċi tal-gvern tul is-snin 2001, 2002, 2003 u sa Awissu ta' din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Anzjana — Servizz ta' home help

Question

Jista' il-Ministru jara li anzjana - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tieħu l-home help, liema servizz ilha li applikat għalih ħames snin sħaħ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nininforma lill-Onor. Interpellant li l-anzjana applikat l-ewwel darba għas-servizz tal-Home Help fis-7 ta' Ottubru 2003. Il-Bord ta' Allokazzjoni ta' l-Għajnuna fid-Dar kien ikkunsidra din l-applikazzjoni fit-12 ta' Novembru 2003 fejn ikkonkluda li ma kienx hemm urġenza għas-servizz. Din l-anzjana reġgħet applikat għal dan is-servizz fil-14 ta' April 2004. Il-Bord reġa' ikkunsidra din l-applikazzjoni fit-22 ta' Settembru 2004, u ħa inkonsiderazzjoni r-rapporti magħmula mis-Social Worker u dak mediku. Ir-rapport tas-Social Worker indika ċar li din l-anzjana għalkemm għandha 70 sena hija kompletament indipendenti fl-activities of daily living. Barra minn hekk, ir-rapport mediku wera l-istess indikazzjonijiet li din l-anzjana hija ndipendenti u ma tbati minn l-ebda mard serju. Għaldaqstant, il-Bord ta' Allokazzjoni ta l-Għajnuna fid-Dar meta ikkunsidra dawn ir-rakkomandazzjonijiet iddeċieda li għalissa ma kienx hemm urġenza biex jingħata dan is-servizz. Madankollu, il-Bord jerġa' jikkunsidra din l-applikazzjoni jekk iċ-ċirkustanzi ta' din l-anzjana jinbiddlu.

Public Private Partnership — Anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ammessi anzjani taħt l-iskema tal-public private partnership f'Villa Messina u Casa Arkati u f'Casa Serena fl-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena? Kemm kien hemm anzjani residenti taħt din l-iskema f'dawn id-djar rispettivament fil-31 ta' Ottubru 2004? X'ammonti ta' flus ħallas id-dipartiment ta' l-anzjani u servizzi fil-komunita' lil Care Malta Ltd u lil Casa Serena rispettivament f'dawn l-għaxar xhur?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wieħed u tletin (31) anzjan/a ġew amessi taħt l-iskema tal-public private partnership f'Villa Messina, Casa Arkati u Casa Serena fl-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena. In-numru ta' residenti f'dawn id-Djar fil-31 ta' Ottubru 2004 kien kif ġej: Casa Serena 34 Villa Messina 55 Casa Arkati 10 L-ammont ta flus li ħallas id-Dipartiment ta' l-Anzjani u Kura fil-Komunita' dawn l-aħħar għaxar xhur huwa kif jidher hawn taħt: Care Malta LTD Lm231,148.27 Casa Serena Lm112,698.50

SVPR — Anzjan residenti

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga għaliex il-kura ta' terapista meħtieġa mill-anzjan - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li jinsab residenti f'San Vinċenz de Paule twaqqfet u ilha aktar minn tmien xhur ma tingħata? Jista' ukoll jara għaliex l-apparat li bih jintrefa' dan il-pazjent ilu bil-ħsara għal xi żmien u baqa' ma tranġax?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li r-resident imsemmi mhux qed jingħata kura ta' terapista għaliex il-kundizzjoni tiegħu mhux qed tħallih jirrispondi għal din il-kura. Dan ġie deċiż b'konsultazzjoni mat-tobba tas-sala u l-familjari tiegħu ġew infurmati dwar dan. Madankollu r-resident għadu jiġi monitored regolarment u mogħti attenzjoni personali meta jkollu chest infections li dan l-aħħar qed ikunu spissi. Ma hemm l-ebda apparat li bih jintrefgħu l-pazjenti li hu bil-ħsara.

Anzjana — Talba għal dħul f'dar ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tama hemm li anzjana - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li tbati minn dimentia tiġi ammessa f'dar ta' l-anzjani?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija applikat biex tiġi ammessa għad-dar ta' l-anzjani ta' Bormla fl-4 ta' Ġunju 2003. L-aplikazzjoni ġiet approvat u kienet infurmata b'ittra li se tiġi ammessa fit-12 t'Awissu 2004. Fl-istess ġurnata, l-uffiċjal inkarigat mid-dar ta' l-Anzjani ta' Bormla informa d-dipartiment li l-anzjana irrifjutat li tidħol fid-dar ta' l-Anzjani. Id-dipartiment taha ftit ġranet ċans biex taħsibha u daħlet fit-23 t'Awissu 2004. Fit-3 ta' Settembru 2004, l-anzjana iddeċidiet minn jeddha li titlaq mid-dar għall-Anzjani f'Bormla. Minn dakinhar, hi qatt ma reġgħet għamlet talba biex terġa tiġi ammessa f'dar għall-Anzjani.

Marda tal-kanċer

Question

Peress illi l-persuni morda bil-kanċer iridu joqogħdu jitilgħu Malta għal trattament li huwa ta' inkonvenjent u tbatija kbira speċjalment fix-xitwa meta l-baħar ikun imqalleb, jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li pazjenti Għawdxin jingħataw priorita' biex ikunu jistgħu jirritornaw lejn Għawdex kemm jista' ikun malajr?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li fil-kas ta' l-Isptar Sir Paul Boffa, din is-sistema diġa' hija prattikata.

Mard tal-kanċer

Question

Peress li sfortunatament il-persuni li qed jitilgħu Malta għat-trattament tal-kanċer qed jiżdiedu, ma jaħsibx il-Ministru li wasal iż-żmien li dawn it-trattamenti jibdew jingħataw Għawdex stess?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma jagħmilx sens li tiżviluppa kura speċjalizzata għal kanċer f'aktar minn ċentru wieħed meta tikkonsidra l-ħtiġijiet ta' din it-tip ta' kura għall-popolazzjoni ta' Malta u Għawdex flimkien.

SVPR — Menu ta' l-ikel

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-menu ta' l-ikel offrut lill-anzjani ġewwa l-SVPR għas-snin 2003, 2004 u 2005?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġi sottomess il-menu ta' din is-sena u qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Id-differenza għas-sena 2003 u 2005 hi biss fil-ġranet u mhux fil-kontenut.

Sptar Mater Dei — Sodod

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm se jkun hemm sodod fl-isptar Mater Dei hekk kif jiftaħ fl-2007?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-Isptar Mater Dei sa issa għandu l-kapacita' ta' 825 sodda ta' l-in-patients u 54 day-beds. Għaddej eżerċizzju biex jakkomodaw sodod għad-dermatoloġija u l-onkoloġija u r-renal unit.

Sptar Mater Dei — Rehabilitation/Psikjatrija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm se jkun hemm sodod fl-isptar Mater Dei għar-rehabilitation u għall-psikjatrija akuta? Kemm hu stmat li se tkun l-ispiża biex dan il-bini jitlesta minn kollox? Meta hu stmat li jitlesta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Medical Brief ta' l-Isptar Mater Dei jinkludi 168 sodda għal Rehabilitation u 45 sodda għall-Psikjatrija. Dwar il-kumplament tad-domanda nirreferi għall-istqarrija tal-Prim Ministru tat-8 t'Ottubru 2004.

Saħħa — Nurses Barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn nurses barranin jaħdmu Malta llum? Minn liema pajjiż huma?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Diviżjoni tas-Saħħa ma żżommx statistika dwar infermiera barranin kollha li jaħdmu f'Malta. Dettalji ta' infermiera u qwiebel barranin li jaħdmu mal-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' fi Sptarijiet jew Kliniċi pubbliċi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Saħħa — Tobba Barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn tobba barranin jaħdmu Malta llum? Minn fejn huma u x'inhu l-grad tagħhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Divżjoni tas-Saħħa ma żżommx statistika tat-tobba barranin kollha li jaħdmu f'Malta. Id-dettalji tat-tobba barranin li jaħdmu mal-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.