Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #11779 Sitting 197 1999-12-02 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tal-Finanzi

Lottu Pubbliku — Super 5/Scratch and Win

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'mekkaniżmu qiegħed ikun ppjanat biex fondi mil-lotterija Super 5 u Scratch and Win li, skond il-liġi għandhom ikunu mgħoddija għall-għajnuna ta' l-isport u oqsma oħra, ikunu jistgħu jibqgħu jgħaddu għal dawn l-iskopijiet meta d-Dipartiment tal-Lottu jkun privatizzat?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dawn huma kunsiderazzjonijiet li jittieħdu waqt il-proċess ta` privatiżżazzjoni.
Leg 9 PQ #11780 Sitting 197 1999-12-02 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tal-Finanzi

Lottu Pubbliku — Scratch and Win

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'persentaġġ tad-dħul mil-Lotterija Scratch and Win suppost ikun mgħoddi bil-liġi għall-ħidma fl-isports jew għajnuna soċjali jew għajnuniet oħra? Jista' jingħad ukoll kemm hemm fondi akkumulati mis-snin passati għal dawn l-iskopijiet?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mir-Regolamenti u mhux mill-Liġi joħroġ li d-dħul kollu mill-Lotterija Scratch and Win jgħaddi għall-ħidma fl-isport u oġġettivi ta` natura soċjali u ċivika. L-ammont akkumulat f`dan il-fond u ta` Lm650,000.
Leg 9 PQ #11781 Sitting 197 1999-12-02 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tal-Finanzi

Lottu Pubbliku — Super Five

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'persentaġġ tad-dħul mil-Lotterija Super Five li suppost ikun mgħoddi bil-liġi għall-ħidma fl-isports jew għajnuna soċjali jew għajnuniet oħra? Jista' jingħad ukoll kemm hemm fondi akkumulati mis-snin passati għal dawn l-iskopijiet?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mir-Regolamenti tal-Lotterija Super 5 u mhux mill-Liġi, joħroġ li mill-ammont totali ta` bejgħ tas-Super 5, għaxra fil mija (10%) jiġi allokat biex jitħallsu l-kummissjonijiet fuq il-bejgħ u s-sussidji li jista` jalloka l-Ministru tal-Finanzi għall-attivitajiet sportivi jew xi attivitajiet oħra. Fondi akkumulati minn din il-logħba ma hemm xejn.
Leg 9 PQ #11800 Sitting 197 1999-12-02 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru tal-Finanzi

Ħlas ta' taxxa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' persuni li għal fini ta' taxxa fuq l-income matul is-sena li għaddiet iddikjaraw li kellhom dħul ta' aktar minn: (a) Lm5,000 - Lm5,999; (b) Lm6,000 - Lm6,999; (c) Lm7,000 - Lm7,999; (d) Lm8,000 - Lm8,999; (e) Lm9,000 - Lm9,999; (f) Lm10,000 - Lm10,999; (g) Lm11,000 - Lm11,999; u (h) aktar minn Lm12,000?

Response (DALLI, JOHN)

Id-Data Capturing tal-formoli tat-taxxa għas-sena ta` stima 1999 għadu mhux konkluż. L-informazzjoni tingħata iżjed `il quddiem meta jintlesta x-xogħol.
Leg 9 PQ #11802 Sitting 197 1999-12-02 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru tal-Finanzi

Tarznari — Ftehim

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jiġi jiswa lill-Gvern f'żieda fil-pagi l-ftehim milħuq bejn il-gvern u t-tarznari riċentement?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant jagħmel riferenza għall-Mistoqsija Numru 11360.
Leg 9 PQ #9784 Sitting 195 1999-12-01 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tal-Lottu Pubbliku — Għoti lill-għaqdiet filantropiċi

Question

Jista'l-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet jew organizzazzjonijiet kulturali, mużikali u filantropiċi li jirċievu sehem finanzjarju mill-qliegħ tal-banka tal-lottu? Jista' l-Ministru jgħid kemm dawn ingħataw f'sehem finanzjarju matul l-1995, 1996, 1997 u l-1998, għaqda b'għaqda u organizzazzjoni b'organizzazzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-informazzjoni skond kif mitluba.
Leg 9 PQ #11589 Sitting 195 1999-12-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Periti privati

Question

B'riferenza għal avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tat-22 ta' Ġunju, 1999 mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni rigward servizzi ta' periti privati jew soċjetajiet ta' periti, kif ukoll inġiniera elettriċi u mekkaniċi għad-disinn u superviżjoni, igħid jekk il-ministeru tiegħu ntalabx li jiġu ngaġġati tali individwi jew soċjetajiet kif ukoll igħid x'qegħdin jitħallsu għat-tali servizzi kif ukoll kemm hu previst li sejjer ikun l-investiment totali tal-gvern fuq il-proġetti rispettivi li dawn qegħdin jaħdmu fuqhom?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s`issa ma saritx riferenza lill-Ministeru tal-Finanzi fuq is-suġġett tal-mistoqsija tiegħu. Nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat għal xi tagħrif ieħor.
Leg 9 PQ #11566 Sitting 194 1999-12-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Ċentru ta' Malta għar-Restawr — Fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa u hemm il-ħsieb li jittieħdu mill-ministeru tiegħu biex jassigura li l-fondi li l-gvern sejjer iqiegħed għad-dispożizzjoni taċ-Ċentru ta' Malta għar-Restawr kemm dawk li ħerġin u joħorġu minn fondi pubbliċi Maltin kif ukoll oħrajn li jistgħu joħorġu mill-protokoll ma' l-Italja jiġi minfuqha bi trasparenza u kontabbilta' sħiħa? Konxju l-Ministru mill-fatt li tali trasparenza fil-ġestjoni ta' tali fondi tista' tkun dubbjuża meta wieħed jirrealizza li l-Ministru li ħatar il-bord tal-gvernaturi ta' dan iċ-ċentru qiegħed bħala membru gvernatur lir-raġel t'oħtu?

Response (DALLI, JOHN)

Il-fondi msemmija jiġu minfuqa skond normi prattikati s-soltu f`sitwazzjonijiet simili. Din id-direzzjoni ġiet mogħtija lill-Ministeru ta` l-Edukazzjoni u, fil-fatt, numru konsiderevoli ta` talbiet għal offerti (tenders) diġa` għadda għand id-Dipartiment tal-kuntratti tramite il-Ministeru tal-Finanzi.
Leg 9 PQ #11567 Sitting 194 1999-12-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Ministeru tal-Finanzi — Servizz ta' project management

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8288, jista' l-Ministru jgħid xi stħarriġ qiegħed isir mill-Ministeru tal-Finanzi fir-rigward tas-servizzi li l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni qiegħed jitlob li jipprokura mill-Malta University Services Ltd, b'nefqa ta' madwar Lm250,000 fis-sena għal gvern billi jiġi mpjegati 13-il mpjegat ġdid ma' din il-kumpannija biex jieħdu ħsieb dawn l-oqsma: "sports complexes project, universal community service project, Bighi site Development Project, IT in Education Project, College of Arts, Science and Technology Project, Museum of Contempory Art Project? Jista' l-Ministru għaldaqstant igħid jekk id-diversi dipartimenti fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni li huma owners tat-tali proġetti ppreżentawx project briefs lill-Ministeru tal-Finanzi biex igħarrfuh dwar in-nefqa nvoluta ta' kull proġett kif ukoll jelenkaw kif sejrin jiġu utilizzati l-individwi li qed jiġu proposti li jinkrew is-servizzi tagħhom mill-Malta University Services Ltd? Ma jaħsibx il-Minstru li wieħed għandu jara jekk tali servizzi jistgħux jingħataw minn individwi li huma diġa' fi ħdan is-Servizz Pubbliku jew f'xi enti governattiva oħra kif ukoll jekk il-Ministru jikkonsidrax li joħorġu sejħiet għall-offerti separati fi ħdan il-każ sitta, biex tali servizzi jiġu prokurati ad hoc mid-dipartmenti rispettivi li ilhom jiġu ivvotati l-fondi meħtieġa biex jiġi mplimentati inizjattivi tali? Il-Ministru jaqbel li fis-sitwazzjoni attwali tal-finanzi pubbliċi l-gvern għandu jidħol garanzija biex jiġu mpjegati 13-il persuna ġdida ma' kumpannija ta' l-Universita' li l-fondi tagħha jrid jipprovdihom il-Gvern? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk tali proġetti ġewx inkorporati mid-diversi dipartimenti fis-sottomissjonijiet li huma bagħtu lill-ministeru tiegħu bħala parti mill-Business Plan Documents għas-snin 2000, 2001 u 2002, kif ukoll igħid x'inhu previst li jiġi vvotat għal tali inizjattivi? Il-Ministru jikkonferma li tkun irresponsabbilta' li tali aġir ta' nies minn ministeru ieħor, jitħalla jfixkel l-isforzi ta' l-uffiċjali tal-ministeru tiegħu biex jiġi kkontrollat l-infiq pubbliku?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s`issa l-Ministru tal-Finanzi approva żewġ proġetti biss, dak li jirrigwarda l-IT in Education u l-ieħor dwar iċ-Ċentru Malti għar-Restawr f`Bighi. Għal dawn il-proġetti, fl-Estimi għas-sena 2000 qegħdin nallokaw l-ammonti ta` miljun lira Maltin u erba` mitt elf lira Maltin rispettivament. Barra minn hekk qed issir allokazzjoni ta` ammont ieħor biex jinbnew kumplessi sportivi. Din l-allokazzjoni qegħda ssir minn fondi tal-Lotteriji Instantanji skond kif jipprovdi l-artiklu Nru. 10 tar-Regolamenti dwar il-Lotteriji Instantanji kif emmendati b`Avviż Legali Numru 135\97.
Leg 9 PQ #9573 Sitting 192 1999-11-30 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Uffiċċju tal-VAT — Impjegati ġodda

Question

Jista'l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-Uffiċċju tal-VAT mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista'l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista'l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bejn is-27 t`April 1999 sal-15 ta` Settembru 1999 ma kien hemm ebda ħaddiema ġodda li ġew mad-Dipartiment tal-VAT.
Leg 9 PQ #9574 Sitting 192 1999-11-30 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Malta Stock Exchange — Impjegati ġodda

Question

Jista'l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Malta Stock Exchange mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (DALLI, JOHN)

Jiena nformat li f kaz ta rekruti ġodda, l-Borża tipproċedi skond proċeduri stabbiliti mill-ETC. Madanakollu l-Borża ma mpjegat lill-ħadd fil-perjodu ndikat.
Leg 9 PQ #9575 Sitting 192 1999-11-30 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Malta Stock Exchange — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tal-Malta Stock Exchange? Jista'l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista'l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (DALLI, JOHN)

Jiena nfurmat li l-ebda mpjegat ma ġie trasferit fil-perjodu ndikat. Madanakollu wieħed jifhem li f organizazjoni tad-daqs tal-Borża hu neċessarju li jkun hemm fl essinilita fil-moviment ta mpjegati biex ikun hemm inqas ħela ta riżorsi u iktar effiċjenza.
Leg 9 PQ #11550 Sitting 192 1999-11-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tal-Kuntratti — Mosta/Imġarr

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra ta' aċċettazzjoni li ħarġet mid-Dipartiment tal-Kuntratti għal xogħlijiet li saru fit-triq bejn il-Mosta u l-Imġarr li dalwaqt jitlestew, filwaqt li jgħid x'inhuma l-extra works and variations ta'dawn ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fl-4 ta` Ottubru 1996 id-Direttur tal-Kuntratti, fuq pariri tad-Direttur tad-Dipartiment tat-Toroq u tal-Kumitat tal-Kuntratti, ħareġ ittra ta` aċċettazzjoni numru 708\96 li permezz tagħha id-ditta Bonnici Bros Ltd ta` Burmarrad ġiet assenjata kuntratt, b`valur ta` LM107,590, biex tibni mill-ġdid u tiksi Cospicua Road bejn Raħal Ġdid u Għajn Dwieli. Dan il-kuntratt kien ingħata bħal ħafna oħrajn, taħt l-Iskema li kienet in vigore dakinhar. Fis-26 t`April 1999 id-Direttur tad-Dipartiment tat-Toroq informa lid-Direttur tal-Kuntratti li x-xogħol fuq Cospicua Road makienx sar u talab li l-istess kuntratt allura jintuża fuq sit ieħor u cioe Mġarr Road, Mosta għal valur ta` Lm103,016. Barra minn hekk fl-10 ta` Mejju 1999 l-istess Direttur tat-Toroq informa lid-Direttur tal-Kuntratti li fil-fatt ix-xogħol fuq Mġarr Road ma kienx ser ikopri l-valur kollu oriġinali tal-kuntratt u talab biex isir wkoll xi xogħol f`Mosta Road San Pawl il-Baħar għal valur ta` Lm16,549. Din it-talba intlaqgħet wkoll mill-Kumitat tal-Kuntratti. Jirriżulta għalhekk li l-kuntratt oriġinali 708\96 (u li qatt ma ġie esegwit) din is-sena inqasam fuq żewġ siti b`valur stmat totali ta` Lm119,565 jew 11% aktar. Il-valur fattwali tax-xogħol li sar mhux magħruf. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta` l-ittra ta` aċċettazzjoni msemmija. Id-Direttur tal-Kuntratti għadu ma rċieva l-ebda talba biex japprova xi variations jew extra works oltra l-valuri msemmija hawn fuq.
Leg 9 PQ #11552 Sitting 192 1999-11-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tal-Kuntratti — National Pool Complex

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-offerta ta' "Finishing of Two Floors at the West Block, National Pool Complex, Tal-Qroqq" li kienet ippubblikata mid-Dipartiment tal-Kuntratti fit-30 ta' April 1999, u li għalqet fis-27 ta' Mejju 1999? Jista'l-Ministru jgħid għaliex sal-lum ix-xogħol relatat ma' din l-offerta għadu ma nbediex?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skond informazzjoni mogħtija fuq talba tad-Direttur tal-Kuntratti, id-Direttur Żgħażagħ u Sport qal illi d-dewmien minn naħa tagħhom biex jagħmlu r-rakkomandazzjoni meħtieġa kienet dovuta għal raġunijiet tekniċi li tfaċċaw wara li ħarġet l-offerta. Inżid ngħid li l-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti għadu ma ħax deċiżjoni finali dwar l-għoti ta` dan il-kuntratt minħabba li qed jistenna aktar tagħrif. Naturalment ix-xoħol jibda jekk u meta jingħata l-kuntratt.
Leg 9 PQ #11682 Sitting 192 1999-11-30 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tal-Finanzi

Għoli tal-ħajja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel biex il-ħajja ma togħlix? Jista' jgħid meta se jorħsu l-4,000 prodott?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant jagħmel riferenza lill-Mistoqsija Parlamentari Numru 3496 u 3740.
Leg 9 PQ #9567 Sitting 191 1999-11-29 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxi Interni — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Jista'l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (DALLI, JOHN)

Kien hemm tmien (8) transfers ta` impjegati mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni għal dipartimenti oħra mis-27 ta` April 1999 sal-15 ta` Settembru 1999. Ir-raġuni tat-transfer f`kull każ kienu ħatrijiet ta` impjegati għal pożizzjonijiet barra d-dipartiment, u reallokazzjoni ta` riżorsi skond l-esiġenzi tad-Dipartiment. Trasferimenti fid-Dipartiment jistgħu isiru aktar `l quddiem skond il-bżonn.
Leg 9 PQ #9568 Sitting 191 1999-11-29 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tal-Konsumatur — Impjegati ġodda

Question

Jista'l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tal-Konsumatur mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista'l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista'l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #9569 Sitting 191 1999-11-29 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tal-Konsumatur — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Konsumatur? Jista'l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #9570 Sitting 191 1999-11-29 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Dwana — Impjegati ġodda

Question

Jista'l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dwana mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista'l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista'l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta hija fin-negattiv.
Leg 9 PQ #9571 Sitting 191 1999-11-29 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Dwana — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tad-Dwana? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (DALLI, JOHN)

Bejn is-27 ta` April 1999 u l-15 ta` Settembru 1999 saru 61 trasferimenti interni li fosthom 15 kienu fil-Branka tal-Customs Class waqt li 46 kienu fost tal-General Service. Ma kien hemm l-ebda trasferimenti għal barra d-Dwana. Ir-raġunijiet għal trasferimenti li saru u li jibqgħu jsiru perjodikament fid-Dipartiment ingħataw lill-Onorevoli Membru għall-mistoqsija tiegħu Numru 2673 fis-Seduta 38.