Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #20566 Sitting 410 2000-10-27 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Abbuż sesswali / Swat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-korp tal-pulizija li huma stazzjonati fl-iskwadra li jaħdmu kontra l-abbużi sesswali, swat u vizzji oħra? X'inhuma l-gradi tal-membri ta' din l-iskwadra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-iskwadra tal-Pulizija li qed tirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellanti, hemm stazzjonati żewġ Spetturi, żewġ Surġenti u tlett Kuntistabbli. Infurmat ukoll illi Spettur u Kuntistabbli minnhom, fil-preżent, qegħdin jattendu kors l-Universita`.
Leg 9 PQ #20567 Sitting 410 2000-10-27 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Abbuż Sesswali / Swat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti lill-pulizija fuq adulti u anzjani rigward swat u abbuż sesswali kemm fuq dawk ta' sess feminili kif wkoll dawk ta' sess maskili? Kemm tressqu l-Qorti f'dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena fuq reati bħal dawn?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru ta` din is-sena, il-Pulizija kellha rapporti ta` 579 persuna, bejn it-18 u 59 sena, li kienu vittmi ta` xi forma ta` swat. Minn dawn 204 kienu tas-sess femminili waqt li 375 kienu tas-sess maskili. Kien hemm ukoll 21 rapport ta` xi abbuż sesswali. Dawn kollha kienu tas-sess femminili. Matul l-istess perijodu kien hemm 20 persuna anzjana, jiġifieri ta` 60 sena jew aktar, li kienu vittmi ta` xi offiża fuq il-persuna. Minn dawn 7 kienu tas-sess femminili waqt li 13 kienu tas-sess maskili. Ma ġewx rappurtati abbużi sesswali fuq anzjani. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif hekk kif mitlub ma jinżammx taħt forma komputerizzata.
Leg 9 PQ #20568 Sitting 410 2000-10-27 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Swat fuq tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti lill-pulizija rigward swat fuq tfal taħt is-16-il sena u, dawk bejn is-16 u t-18-il sena? Kemm tressqu l-Qorti f'dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena fuq reati bħal dawn?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru ta` din is-sena, il-Pulizija kellha rapport wieħed ta` swat fuq tfal taħt is-16-il sena, filwaqt ma` kien ebda każi ta` l-istess reat fuq persuni bejn is-16 u 18-il sena. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif hekk kif mitlub ma jinżammx taħt forma komputerizzata.
Leg 9 PQ #20569 Sitting 410 2000-10-27 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Abbuż Sesswali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti lill-pulizija rigward abbuż sesswali fuq tfal taħt is-16-il sena u, dawk bejn is-16 u t-18-il sena? Kemm tressqu l-Qorti f'dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena fuq reati bħal dawn?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru ta` din is-sena, il-Pulizija kellha 22 każ ta` abbuż sesswali fuq tfal taħt is-16-il sena u 10 każi ta` l-istess reat fuq tfal bejn is-16 u 18-il sena. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif hekk kif mitlub ma jinżammx taħt forma komputerizzata. B`referenza għal tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 19693 niġbed l-attenzjoni tal-Kamra li kien hemm żball fir-risposta li riedet tkun li n-numru ta` dawk abbużati, li l-eta` tagħhom tvarja bejn il-5 xhur u l-14-il sena, kien ta` 19 u mhux ta` 33.
Leg 9 PQ #19520 Sitting 409 2000-10-27 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Passaporti — El Zabi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-pussess ta' min jinsab il-passaport tal-priġunier li kien akkużat bi traffikar tad-drogi, Al Zabi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-dokument li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant kien ġie eżebit quddiem il-Qorti mal-preżentata.
Leg 9 PQ #20222 Sitting 409 2000-10-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ċittadinanza doppja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena applikaw għaċ-ċittadinanza doppja? Kemm huwa n-numru ta' persuni li fil-preżent diġa' għandhom iċ-ċittadinanza doppja?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18901 fejn għandu jsib l-informazzjoni li talab sa Awissu 2000, ninsab infurmat li matul Settembru 2000, saru 91 talba (enquiry) kif ukoll 80 applikazzjoni għar-registrazzjoni. In-numru ta` persuni li sa l-aħħar ta` Settembru 2000, ġie kkonfermat lilhom li jistgħu jżommu żewġ ċittadinanzi huwa 1,006, filwaqt li 308 persuni oħra ġew reġistrati bħala ċittadini ta` Malta u huma wkoll jistgħu jżommu żewġ ċittadinanzi.
Leg 9 PQ #20225 Sitting 409 2000-10-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Hemsija — Proġett tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-partijiet ta' artijiet fil-Ħemsija li se jittieħdu lill-bdiewa għal xi proġett tal-gvern tant li mhux se jiġi aċċettat il-ħlas tal-qbiela tal-bdiewa? X'proġett se jsir fl-inħawi u x'inhija l-pożizzjoni tal-bdiewa fid-dawl tal-iskema l-ġdida li tirregola l-ħlas tal-qbiela cioe' l-applikazzjonijiet ta' dawn li se jiġu aċċettati jew se jagħmlu l-ispejjeż li jirrikjedu l-proċeduri għal xejn? Huwa possibbli li fiċ-ċirkostanzi dawn il-bdiewa jissottomettu applikazzjoni bla ħlas peress li għad m'hemmx deċiżjoni finali dwar il-proġett tal-Hemsija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, fuq talba tal-Malta Development Corporation, itterminat xi kirjiet ta` raba` fl-inħawi ta` Ta` Qali minħabba l-proġett tal-Crafts Village f`Ta` Qali u l-bdiewa kkonċernati diġa` ġew infurmati. Dwar id-daqs ta` dan il-proġett u liema art ser tiġi affetwata, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel it-talba tiegħu lill-Ministru konċernat. F`każ li, wara li ssir applikazzjoni taħt l-Iskema tal-Qbiela, din ma tiġix aċċettata għaliex l-art tkun milquta minn xi proġett tal-Gvern, il-ħlas li jkun sar għall-applikazzjoni jingħata lura lill-applikant. Għalhekk mhux il-każ li xi applikazzjonijiet jiġu sottomessi bla ħlas.
Leg 9 PQ #20492 Sitting 409 2000-10-27 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Reġistrar ta' l-artijiet

Question

B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 19517, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' dawk il-persuni li okkupaw art abbużivament għal skop agrikolu imma li dwarha ħarġet enforcement order mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Dawk il-persuni li jinsabu fil-pożizzjoni kif spjegat mill-Onor. Interpellant jaqgħu fl-istess sitwazzjoni bħal nies oħra li jkunu kisru l-liġi dwar l-Iżvilupp u li kontra tagħhom ikun ukoll inħareġ Avviż tat-Twettieq. Dawn l-individwi, ikunu mitluba sabiex irreġgħu lura s-sit għall-istat pristin tiegħu u dan skond kif huwa rikjest fl-Att dwar l-Ippjanar. Fin-nuqqas li jsir hekk jew inkella jekk il-persuna kkonċernata tonqos milli tirregolarizza l-pożizzjoni tagħha fiż-żmien stipulat fl-avviż, l-Awtorita` tista` tidħol fuq l-art u tieħu dawk il-passi kif rikjesti minnha stess fl-Avviż tat-Twettieq. L-ispejjeż kollha li tkun daħlet għalihom l-Awtorita` sabiex tesegwixxi l-avviż tat-Twettieq jistgħu jiġu rkuprati mingħand min dak iż-żmien ikun is-sid ta` l-art.
Leg 9 PQ #20519 Sitting 409 2000-10-27 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Għar Lapsi

Question

Jista' l-Ministru jivverifika jekk ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fl-inħawi tal-Bajja ta' Lapsi l/o Siġġiewi humiex konformi mal-pjani approvati u l-kondizzjonijiet tal-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Jidher illi l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal dak l-iżvilupp li qed isir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi in konnessjoni mal-'car park', 'sub station' u xogħlijiet oħra ta` tisbiħ fil-lokalita`. Dan l-iżvilupp huwa kopert b`żewġ permessi separati PA 1813/98 u PA 2844/00. Spezzjoni riċenti fil-post tikkonferma illi l-iżvilupp sa llum huwa konformi mal-permessi maħruġa.
Leg 9 PQ #20450 Sitting 408 2000-10-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Għassa tal-Ħamrun

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li bħalissa hemm spettur wieħed stazzjonat fl-għassa tal-Ħamrun u li dan mhux biżżejjed għal kobor tal-post meta f'postijiet bħal Tas-Sliema u l-Belt Valletta hemm tliet (3) spetturi? Għaliex ma jiġix assenjat spettur ieħor il-Ħamrun?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Ħamrun fil-preżent hemm Spettur wieħed, pero` qiegħed isir eżerċizzju sabiex il-fizzjali fid-Distretti jiġu re-assenjati.
Leg 9 PQ #20483 Sitting 408 2000-10-25 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Ambjent — Public Awareness

Question

B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 20053, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport imsemmi?

Response (BORG, TONIO)

M`għandi xejn x`inżid mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20053.
Leg 9 PQ #20484 Sitting 408 2000-10-25 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Coast Road - Bini Storiku

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess u l-pjanti approvati mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar (PA1157/98) imsemmija fir-risposta għal mistoqsija parlamentari numru 19948?

Response (BORG, TONIO)

L-aċċess għal din l-informazzjoni hu stabbilit bil-metodu esklussiv indikat fl-Att Nru. I ta` l-1992.
Leg 9 PQ #20488 Sitting 408 2000-10-25 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Enforcement order

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il enforcement order ħarġet mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar sal-lum li tirrigwarda reklamazzjoni abbużiva ta' art xagħri għal raba'? F'liema lokalitajiet inħarġu l-enforcement orders? Kemm minn dawn l-enforcement orders ġew esegwiti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħarġet 19 enforcement order fuq abbużi ta` reklamazzjoni ta` art xagħri. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant. Il-każijiet indikati għadhom pendenti.
Leg 9 PQ #20489 Sitting 408 2000-10-25 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Magħtab Envinonemental Impact Assessment

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 20105, jista' l-Ministru jivverifika l-applikazzjoni ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, PA 605/95?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li r-rapport dwar applikazzjoni PA 605/95 ikun konkluż din il-ġimgħa u wara jiġi riferut għal deċiżjoni. Ta` min isemmi li t-TOR (Terms of Reference) għal EPS (Environmental Planning Statement) kienu ingħataw lill-applikant f`Jannar ta` l-1997. Dan l-EPS kien sottomess f`Awissu ta` l-1999 minkejja li l-konsulenti ma kinux approvati mill-Awtorita` u mid-Dipartiment għall-Protezzjoni ta` l-Ambjent (EPD).
Leg 9 PQ #20211 Sitting 407 2000-10-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Salvataġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet/każijiet li sajjieda, baħħara u sidien ta' opri tal-baħar privati għamlu għas-salvataġġ matul Jannar u Ottubru ta' din is-sena? Kemm minnhom irriżultaw f'inċidenti fatali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta` din is-sena, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien imsejjaħ għall-tlieta u għoxrin (23) darba biex tingħata assistenza lil sajjieda, baħħara u sidien ta` opri tal-baħar. Minn dawn il-każijiet, wieħed biss irriżulta f`inċident fatali. Dan seħħ nhar il-Ġimgħa 13 ta` Ottubru 2000 meta għerqet speedboat fin-naħa ta` fuq ta` Malta. F`dan l-inċident persuna rnexxiela ssalva, wieħed instab mejjet u l-ieħor għadu ma nstabx.
Leg 9 PQ #20212 Sitting 407 2000-10-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kolliżjonijiet tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kolliżjonijiet tat-traffiku rrapportati lill-pulizija bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena? Kemm minnhom irriżultaw f'inċidenti fatali u x'passi u nkjesti qed jittieħdu u jsiru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru 2000, ġew irrapurtati lill-Pulizija 9,507 inċident tat-traffiku, li fihom tilfu ħajjithom 9 persuni. F`dawn l-inċidenti fatali dejjem saret inkjesta mill-Maġistrat. Ta` min igħid li minn din is-sena, il-"hit and run" fejn karozzi jintlaqtu minn karozzi li jibqgħu għaddejjin, bdew jiġu reġistrati bħala inċidenti tat-traffiku meta qabel ma kienux jiġu hekk konsiderati
Leg 9 PQ #20448 Sitting 407 2000-10-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Supretendenti ġodda

Question

Wara l-ħatra ta' supretendenti ġodda, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm spetturi fil-pulizija llum? Kemm suppost ikun hemm spetturi? X'inhu n-numru ta' spetturi li diġa' għalqu l-25 sena servizz? Kemm-il spettur se jagħlaq il-25 sena servizz fl-2001?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 74 Spettur fil-Korp tal-Pulizija. Minn dawn hemm 5 li għalqu l-25 sena servizz fil-Korp tal-Pulizija, filwaqt li 7 ser jagħlqu il-25 sena servizz fis-sena 2001. Hemm ukoll 22 Spetturi Kadetti jattendu kors ta` taħriġ fl-Akkademja tal-Pulizija.
Leg 9 PQ #20449 Sitting 407 2000-10-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Żwiemel

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-aħħar inxtraw żwiemel għal Kavallerija tal-Pulizija? Kemm għandu żwiemel il-korp bħalissa? X'inhi l-eta' medja tagħhom? Jikkonferma li għakemm hemm bżonn ta' żwiemel, m'hemmx il-finanzi biex jinxtraw?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-aħħar li nxtraw żwiemel għall-kavallerija tal-Pulizija kien fl-1995 meta nxtraw ħamsa (5), pero` fl-1998 kienet saret donazzjoni ta` erba` (4) żwiemel mill-Gvern Taljan. Fil-preżent, il-kavallerija għandha dsatax (19)-il żiemel, li l-eta` medja tagħhom hija ta` 18-il sena. Huwa maħsub li jinġiebu aktar żwiemel għal din it-taqsima.
Leg 9 PQ #20480 Sitting 407 2000-10-25 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Karozzi mitluqa

Question

Jista' l-Ministru jara li l-pulizija tneħħi l-vetturi li hemm mitluqa wara l-ground tal-football is-Siġġiewi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ser tieħu passi meħtieġa sabiex il-vetturi li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant jitneħħew.
Leg 9 PQ #20203 Sitting 406 2000-10-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ċittadinanza doppja

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilmenti li qed jintbagħtu separatament ta' persuna li għandha ċittadinanza dopja Maltija w Awstraljana? Jista' jinfurmani x'qed jikkawża dawn in-nuqqasijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-awtorita` responsabbli miċ-ċittadinanza huwa d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza. Huwa dan id-Dipartiment li jista` joħroġ konferma uffiċjali li persuna tikkwalifika biex ikollha ċittadinanza doppja. Fil-każ ta` dawk il-Maltin li jgħixu barra minn Malta, li qed jiġri hu, li wara li jipproduċu d-dokumenti meħtieġa fl-Ambaxxata jew Konsolat ta` Malta u jiġi vverifikat li l-persuna konċernata tikkwalifika biex ikollha ċittadinanza doppja, jinħareġ passaport Malti. Jekk, iżda, din il-persuna tiġi tgħix hawn Malta, allura trid tasal wasla sad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u tipproduċi ċ-ċertifikati u dokumenti oħra meħtieġa sabiex jiġi kkonfermat lilha bil-miktub li tista` żżomm żewġ ċittadinanzi. L-ittra ta` konferma li tingħata mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza tkun tista` tużaha f`kull Dipartiment ieħor hawn Malta bħala evidenza li dik il-persuna hija ċittadin ta` Malta.