Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu minn Ottubru 2005 sal-lum dwar dak li qajjimt f'mistoqsija parlamentari 15028?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul l-ewwel term inbidlu il-kotba billi nġabu kotba mid-Diviżjoni jew minn xi skejjel oħra. Fil-każ tal-kotba tal-Ġeografija, uħud minnhom baqgħu l-istess peress li l-ktieb ser jinbidel u m'hemmx kotba ġodda.
Jista' l-istatementing moderating panel jieħu l-passi li hemm bżonn biex it-tifel li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jattendi t-tieni klassi tal-primarja fin-Naxxar jingħata l-għajnuna meħtieġa biex ma jkomplix jaqa' lura?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iStatementing Moderating Panel dalwaqt ser jiddiskuti l-bżonnijiet tat-tifel konċernat. Informat ukoll lill-Bord kellu jiltaqa' mal-ġenituri fis-16 ta' Marzu 2006.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet it-talba tal-kunsill lokali taż-Żejtun sabiex il-librerija li tinsab fl-iskola primarja tkun tista' tiftaħ anke nhar ta' Sibt? Jista' jgħid jekk id-diviżjoni għadhiex tinsisti li jkun hemm watchman preżenti li jitħallas mill-kunsill anke jekk hemm aċċess ieħor għal-librerija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li peress li l-librerija m'għandhiex aċċess dirett minn barra iżda trid tidħol fiha wara li tkun dħalt fl-iskola, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni rat li mhux possibli li l-librerija tiftaħ is-Sibt bla ma jkun hemm sigurta' adegwata. Ser nerġa nkellem il-partijiet konċernati biex tiġi esplorata xi soluzzjoni.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16716 u jgħid kemm-il student se joqgħod għal kull suġġett fl-eżamijiet tal-MATSEC li se jsiru fix-xhur li ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li ser jersqu għall-eżami f'kull suġġett taċ-Ċertifikat tal-Matrikola fis-sessjoni ta' Mejju 2006 huwa kif jidher fit-tabella 1 li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. In-numri jinkludu studenti li ser jersqu għall-eżami taċ-Ċertifikat f'sitt suġġetti, dawk li ser jersqu għal xi eżami jew eżamijiet fil-Livell Avvanzat biss, u oħrajn li qed jersqu għal xi eżami fil-Livell Intermedju biss.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16717 u jgħid kemm hemm studenti mill-iskejjel ta' l-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti li se joqogħdu għall-eżamijiet tas-SEC f'Mejju/Ġunju li ġej?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk:
Tip ta' Skola Numru ta' Studenti
Stat 2,849
Knisja 1,482
Indipendenti 379
Post-Sekondarji 1,064
L-iskejjel ta' l-Istat jinkludu l-Junior Lyceums u Area Secondary. L-iskejjel Post-Sekondarji jinkludu l-iskejjel post-sekondarji kollha ta' l-istat, l-istitut ta' l-MCAST, l-ITS u l-Junior College.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-iskola Furtu Selvatiku ġewwa n-Naxxar se titwaqqa' kompletament meta jidher li din m'ilhiex wisq mibnija? Jista' jgħid ukoll jekk saritx applikazzjoni quddiem il-MEPA biex dan isir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskola Furtu Selvatico ġewwa n-Naxxar inbniet iżjed minn erbgħin sena ilu. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada ssottomettiet applikkazzjoni quddiem il-MEPA f'Settembru tas-sena l-oħra.
L-ispazju kollu f'din il-parti tan-Naxxar hu dedikat għal bini edukattiv u beda x-xogħol biex isir użu ħafna aħjar ta' dan l-ispazju bħala parti mill-pjan tal-Gvern li jkollna l-iskejjel ġodda li hawn bżonn.
Minn eżami tal-bini u l-faċilitajiet ta' l-Iskola Furtu Selvatico jirriżulta li jkun aktar effettiv minn kull lat li din tinbena mill-ġdid milli jsir intervent ta' tiswija u mmodernizzar.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari dwar anomaliji fil-kundizzjonijiet ta' l-instructresses ġejt mgħarraf li filwaqt li hemm instructresses li għamlu course twil bejn April 1996 u Ġunju 1998 u dawn baqgħu fejn kienu, oħrajn li għamlu course mal-grupp ta' qabilhom, ġew upgraded b'effett immedjat u saħansitra ħadu l-arretrati, b'konsgwenza ta' dan hemm anomalija li f'ċerti każi tvarja mal-Lm100 fix-xahar bejn diversi instructresses u meta dawn ilmentaw mal-ministeru ġew mgħarrfa li kienu marbutin bi ftehim u kundizzjonijiet differenti minn ta' qabilhom li qatt ma ġew mgħarrfa bihom, issa saru jafu li biex jiġu upgraded irid ikollhom 15-il sena servizz u jridu japplikaw għall-permanent warrant, qalulhom ukoll li kienu fortunati li nġħataw din l-opportunita' għax mhux sejjer ikun hemm courses oħra simili, minkejja dan, dan l-aħħar ħarġet sejħa għall-part-time instructors li attendew il-BTEC certificate course, liema course iridu jħallsu Lm100 għalih. Fid-dawl ta' dawn l-anomaliji ċari, ma tħossx illi l-qagħda tagħhom għandha tiġi rranġata, liema qagħda anke l-MUT huma konxji dwarha l-aktar minħabba d-diskrepanza li hemm fis-salarji?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'Ottubru 1996 ġie ffirmat il-Ftehim 'Classification, Regrading and Assimilation of the Education Class (Instructors' Stream)'.
Paragrafu 2.1.8 tal-Ftehim kien jipprovdi għal sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtlew vakanzi fil-grad ta' Instructor f'suġġetti akkademiċi u tas-sengħa.
Is-sejħa kellha tkun miftuħa għal persuni li kienu temmew b'suċċess kors fil-pedagoġija organizzat mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u li kellhom ukoll esperjenza ta' tagħlim ta' sena skolastika fi skola akkreditata.
Dawk il-persuni li ġew appuntati instructors taħt din is-sejħa, tpoġġew fi skala 13 bi dritt li jipproċedu għal skala 12 wara ħames snin servizz sodisfaċenti fil-grad. L-istess instructors għandhom id-dritt li jipproċedu għal skala 11 fit-tmiem ta' ħames snin oħra ta' servizz sodisfaċenti.
Dawn l-instructors jitpoġġew fi skala 9 meta jingħataw il-permanent warrant u jitilgħu skala 8, tmien snin minn meta jkunu ingħataw il-permanent warrant u skala 7 wara tmien snin oħra minn meta l-instructor ikun tpoġġa fi skala 8.
Minn naħa l-oħra, l-Appendiċi 'A' tal-Ftehim kien jipprovdi wkoll għall-assimilazzjoni ta' dawk il-gradi ta' Instructors li kienu diġa' qed iservu fis-servizz meta ġie ffirmat il-Ftehim.
Skond dan l-Appendiċi 'A', Instuctor I kellu jitpoġġa fi skala ta' paga 13 u jitla' skala 12 u skala 11 wara ħames snin servizz sodisfaċenti rispettivament.
Instructor II tpoġġa fi skala 12 bi dritt li jitla' skala 11 wara ħames snin servizz sodisfaċenti.
Instructor III tpoġġa fi skala ta' paga 11 u wara ħames snin jitla' skala 10.
Il-Ftehim kien jipprovdi ukoll li meta dawk l-instructors li kienu fis-servizz meta ġie ffirmat il-Ftehim, jakkwistaw il-permanent warrant, dawn jitpoġġew fi skala 9 u jipprogressaw għal skala 8 u 7 wara tmien snin ta' servizz sodisfaċenti f'kull każ.
Fil-każ ta' dawk l-instructors li ġew appuntati wara l-iffirmar ta' l-agreement, is-servizz rikjest biex jitilgħu minn skala 9 għal 8 u 7, jitqies mid-data tal-permanent warrant.
Fil-każ ta' l-instructors li kienu diġa fis-servizz meta ġie ffirmat il-Ftehim, iż-żmien ta' servizz biex ikun hemm il-progression minn skala 9 għal 8 u 7, jibda jgħodd minn sentejn wara li kienu oriġinarjament appuntati Instructor I. L-istess Appendiċi 'A' jipprovdi li dawn l-instructors setgħu jagħżlu wkoll li ż-żmien jgħodd mid-data tal-permanent warrant. Allura tintagħżel id-data l-aktar waħda antika jiġifieri vantaġġjuża.
Il-Ftehim ta' Klassifikazzjoni, Regrading u Assimilazzjoni kien ġie ffirmat bejn il-Gvern u l-Unions li kienu jirrappreżentaw il-gradi ta' Instructors, jiġifieri il-Malta Union of Teachers u l-Public Service Employees Section tal-General Workers Union.
Naturalment id-differenza fil-pagi hi riżultat ta' l-iskali ta' paga differenti.
Il-kors ta' filgħaxija li għamel referenza għalih l-Onor Membru, qed jiġi organizzat fl-MCAST u huwa intenzjonat li jagħti opportunita' lil dawk l-Instructors li kienu u għadhom 'full-time' fis-servizz qabel u wara is-6 ta' Ottubru 1999, imma li m'għandhomx fil-pussess tagħhom kors rikonoxxut fil-pedagoġija.
Jista' il-Ministru jgħid jekk qattx ġiet ikkunsidrata l-idea li l-ħinijiet ta' l-iskola jinbidel imqar għat-tfal żgħar billi l-iskola tibda aktar tard filgħodu, ngħidu aħna fid-9.00 a.m., u tispiċċa ftit aktar tard wara nofsinhar u dan biex it-tfal (speċjalment dawk żgħar) ma jkollhomx għalfejn iqumu kmieni ħafna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħinijiet tal-ftuħ u l-għeluq ta' l-iskejjel ivarjaw minn skola għall-oħra. Tfal li jattendu l-Kindergarten ġeneralment jittieħdu l-iskola wara li jidħlu t-tfal li jattendu mill-ewwel sas-sitt sena. Pero' ser nara x'inhuma l-implikazzjonijiet tal-proposta ta' l-Onor. Kollega.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu ppjanat li titlesta l-hall ta' l-iskola ta' l-Imqabba li ilha fi stat ta' ġebel u saqaf għal żmien twil?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xoghol miexi skond kif kien proġettat. Bħalissa qegħdin isiru xogħolijiet ta' finishings fuq ġewwa u fuq barra, u fl-istess ħin ser jitkomplew x-xogħolijiet ta' bini fuq in-naħa fejn qiegħed is-substation, liema xogħol kellu jistenna sakemm tlesta x-xogħol ta' shifting tal-cables minn naħa tal-Enemalta. Ix-xogħolijiet għaddejjin kif kienu ppjanati u l-proġett għandu jitlesta kif kien ipprogrammat.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk saritx talba sabiex bitħa ta' l-iskola primarja ta' Ħal-Lija/Balzan tingħata sabiex fiha jsir five-aside football pitch? Jekk fl-affermattiv, ma jidhirlux li jekk isir hekk se jitnaqqsu l-faċilitajiet ta' rikreazzjoni ta' l-istudenti ta' din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada ma rċeviet ebda talba mill-iskola konċernata għal xogħol kif suġġerit mill-Onor. Membru.
Fl-isfond ta' diversi mistoqsijiet u tweġibiet li kellhom jaraw din il-kwestjoni, il-Ministru hu f'pożizzjoni li jgħid li l-Malta Football Association qiegħda tikser il-liġijiet ta' l-Unjoni Ewropea għaliex ma tħallix il-freedom of movement u right of work? Huwa veru li uffiċjal fil-ministeru ta' l-isport u fuq il-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea huwa wkoll fuq l-istaff tal-Malta Football Association?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kien hemm ebda żviluppi ġodda wara t-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari rigward l-istess materja.
Informat ukoll illi il-Ministeru jagħmel użu minn diversi uffuċjali kemm fil-Ministeru sew fid-Diviżjoni u anke l-entitajiet l-oħra li jaqgħu taħt l-istess dekasteru fi kwistjonijiet li jolqtu l-Unjoni Ewropea.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw, inkrew jew ġew leased karozzi fil-ministeru u l-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament bejn Ottubru sa Diċembru 2005 u mill-1 ta' Jannar sal-lum separatament? X'inhi ċ-ċilindrata ta' dawn il-karozzi u x'tip ta' fuel jużaw?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa riklam ta' paġna sħiħa dwar l-iskejjel li deher fil-ħarġa 16 ta' "Flimkien" ta' Marzu 2006? Jista' jgħid minn liema vot tħallas dan ir-riklam u x'kien l-iskop li riklam bħal dan isir f'pubblikazzjoni li titqassam fil-parroċċi kollha? Jista' jgħid ukoll jekk din kenitx l-ewwel darba li saret ħaġa bħal din?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-riklam ta’ paġna li deher fil-ħarġa ta’ Marzu 2006 numru 16 ta ‘flimkien’ sewa Lm330.40 u jinkludi l-VAT.
Is-somma tħallset mill-fondi tal-vot rikorrenti numru 28 tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi Account 2940 – Riklamar
Ir-riklam sar f’din il-pubblikazzjoni biex jinforma lill-pubbliku dwar il-ħidma li qed iwettaq il-Gvern biex l-iskejjel ta’ l-Istat jiġu mmodernizzati b’investiment ta’ miljuni ta’ liri.
Din hi it-tieni darba li sar riklam bħal dan u ġejt assigurat li r-reklam joffri valur tajjeb.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16830, jista' il-Ministru jgħid kemm ilha tintuża din l-istess karozza li għandha n-numru EAK 554? Jista' ikun li ilha tintuża aktar minn sena? Jista' jgħid ukoll jekk il-karozza l-oħra imsemmija Skoda GVN127 għadhiex bil-ħsara jew le?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din il-karozza ilha tintuża fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni minn Mejju 2002. Informat ukoll li l-karozza Skoda GVN 127 m'għadiex bil-ħsara.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-kap ta' l-iskola tal-junior lyceum ta' Verdala ddeċieda li ma jagħtix il-marki lil ċerti studenti f'ċerti suġġetti? Liema huma dawn is-suġġetti u għaliex, u kemm kienu dawn l-istudenti? Huwa minnu li dan l-istess kap ta' l-iskola xi żmien ilu nstema' jgħid anke kliem dispreġjattiv jew inkella kliem li ried jagħmel vendikazzjoni mill-istudenti, jew inkella ċerti studenti, li jattendu f'dik l-iskola? Jista' il-Ministru jgħid jekk irċeviex ilmenti fuq dan l-istess kap minn xi studenti, ġenituri jew għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti ma ngħatawx marki fis-suġġetti kollha ta' l-eżamijiet għaliex kien hemm provi li dawn l-istudenti kienu infurmati dwar il-kontenut tal-karti qabel ma ħareġ l-eżami.
In-numru ta' studenti kien 12.
Is-suġġetti kienu kollha.
Is-surmast jiċħad kategorikament l-allegazzjoni imsemmija fil-mistoqsija.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija il-Ministru ma kellux ilmenti kif imsemmi.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jintbagħat għalliem ieħor tax-xjenza fl-iskola San Franġisk t'Assisi ġewwa Santa Venera minħabba li ilu nieqes għal żmien mhux ħażin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma hemm ebda nuqqas ta' għalliem tax-Xjenza fl-iskola San Franġisk t'Assisi. Kien hemm nuqqas ta' għalliem għal tliet lezzjonijiet tal-Bioloġija, liema nuqqas ġie rimedjat.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet jew x'kienu r-raġunijiet għalfejn iddaħħlet is-sistema ta' l-Abacus? Kemm ġew minfuqa flus f'taħriġ u f'riżorsi separatament sabiex iddaħħlet din is-sistema? Mingħand min ġew mixtrija dawn l-istess riżorsi? F'liema pajjiżi Ewropej jagħmlu użu mis-sistema ta' l-Abacus li daħlet f'pajjiżna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li m'huwiex korrett li wieħed jiddeskrivi l-metodi ġodda fis-sillabu l-ġdid tal-Matematika bħala s-'sistema ta' l-Abacus'. Abacus huwa l-isem ta' l-iskema li ntagħżlet minn fost skemi oħrajn li wkoll jużaw l-istess 'approaches'. Dan minħabba l-fatt li l-iskemi li qed jiġu ppublikati issa huma kollha bbażati fuq riċerka internazzjonali li tisħaq fuq l-aħjar metodoloġiji li għandhom jiġu wżati għat-tagħlim tal-matematika. Dawn il-metodoloġiji huma konformi mal-prinċipji mħaddna fid-dokument 'Inwelldu l-Ġejjieni Flimkien' (2000) u jisħqu fuq 'fehem' u mhux fuq tagħlim bl-amment.
Tajjeb li wieħed jirrealizza wkoll li l-kotba preċedenti (edizzjonijiet 1980) ma kienux qed jirriflettu l-bżonnijiet tal-lum, fosthom metodoloġiji aġġornati, appoġġ għal tfal b'firxa wiesgħa ta' ħiliet, kif ukoll appoġġ b'riżorsi għall-għalliema.
It-taħriġ għall-għalliema ġie mħallas mill-pubblikaturi tal-kotba, li kull sena bagħatu esperti tagħhom biex jagħtu tagħrif lill-għalliema. Is-sena l-oħra, id-Dipartiment organizza taħriġ addizzjonali, b'esperti barranin, għall-Kapijiet u Assistenti Kapijiet ta' l-iskejjel u dan sewa Lm 1,691.
Biex tiddaħħal din is-sistema tal-Ginn intefqu Lm 240,000, u l-proċess għadu għaddej. Ix-xiri tar-riżorsi, li jinkludu kotba u photocopy masters, isir bi ħruġ ta' tenders.
Is-sillabu l-ġdid, mgħejjun bl-iskema Abacus, jgħin lit-tfal jiżviluppaw number sense, mental calculation strategies, problem solving skills u communication skills. Dawn il-ħiliet qed jingħataw importanza kbira mhux biss f'pajjiżi ewropej imma anke f'pajjiżi oħrajn, fosthom fl-Ingilterra u fl-Amerika.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-kumplament ta' mistoqsija parlamentari 16985? Barra minn dan, jista' il-Ministru jagħti aktar dettalji dwar il-ħsieb tal-gvern u d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni dwar il-peripatetic service?
Response (GALEA, LOUIS)
B'żieda mat-tagħrif diġa' mogħti fit-tweġiba għall-Mistoqsija numru 16985, ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif ieħor li ġie mgħoddi lili mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16986, jista' il-Ministru jgħid kemm kien maħsub li jkun in-numru ta' activity teachers meta din kienet bdiet bħala idea?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16989, jista' il-Ministru jagħti lista ta' l-iskejjel privati tad-drama li huma liċenzjati mad-dipartiment ta' l-istudji ogħla u edukazzjoni għall-adulti? Jista' jgħid min huwa s-sid f'kull każ, l-isem tal-kap ta' l-iskola, x'qed jiġi mgħallem u kemm hemm staff impjegati ma' kull skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-unika skola privata tad-drama liċenzjata (bħala Tuition Centre) mid-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hi:
Isem: The Playhouse
Suġġetti Mgħallma: Drama, Dance, Music.
Numru ta' Staff: 4 li jinkludu s-sid u l-kap ta' l-iskola.